Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0524

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta’ Marzu 2018.
    Proċeduri kriminali kontra Luca Menci.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Nuqqas ta’ ħlas tal-VAT dovuta – Sanzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjoni amministrattiva u sanzjoni kriminali għall-istess fatti – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Natura kriminali tas-sanzjoni amministrattiva – Eżistenza tal-istess ksur – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet.
    Kawża C-524/15.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    Kawża C‑524/15

    Proċeduri kriminali

    kontra

    Luca Menci

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale di Bergamo)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Nuqqas ta’ ħlas tal-VAT dovuta – Sanzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjoni amministrattiva u sanzjoni kriminali għall-istess fatti – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Natura kriminali tas-sanzjoni amministrattiva – Eżistenza tal-istess ksur – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑20 ta’ Marzu 2018

    1. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea–Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni –Ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħrajn–Obbligu tal-Istati Membri li jimplementaw sanzjonijiet effettivi u dissważivi–Portata–Reati fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud

      (Artikolu 325 TFUE)

    2. Drittijiet fundamentali–Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea–Kamp ta’ applikazzjoni–Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjonijiet amministrattivi u kriminali intiżi li jiżguraw il-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li tiġi miġġielda l-frodi–Inklużjoni

      (Artikolu 325 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 50 u 51(1); Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 2 u 273)

    3. Drittijiet fundamentali–Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem–Strument mhux formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

      (Artikolu 6(3) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 52(3))

    4. Drittijiet fundamentali–Prinċipju ta’ ne bis in idem–Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni–Kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali–Kriterji ta’ evalwazzjoni–Klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur fid-dritt intern, natura tal-ksur u grad ta’ severità tas-sanzjoni mogħtija

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50)

    5. Drittijiet fundamentali–Prinċipju ta’ ne bis in idem–Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni–Eżistenza tal-istess ksur–Kriterju ta’ evalwazzjoni–Identiċità tal-fatti materjali

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50)

    6. Drittijiet fundamentali–Prinċipju ta’ ne bis in idem–Limitazzjoni–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-kumulu ta’ sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali u ta’ sanzjoni kriminali–Ammissibbiltà–Kundizzjonijiet–Limitazzjoni li għandha tissodisfa għan ta’ interess ġenerali–Għan li jiggarantixxi l-ġbir tal-VAT kollha dovuta–Inklużjoni

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikoli 50 u 52(1))

    7. Drittijiet fundamentali–Prinċipju ta’ ne bis in idem–Limitazzjoni–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-kumulu ta’ sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali u ta’ sanzjoni kriminali–Ammissibbiltà–Kundizzjonijiet–Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità–Portata

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikoli 49(3), 50 u 52(1))

    8. Drittijiet fundamentali–Prinċipju ta’ ne bis in idem–Rikonoxximent fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem–Sens u portata identiċi–Livell ta’ protezzjoni żgurat mill-Karta li ma jiksirx dak iggarantit mill-imsemmija Konvenzjoni

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikoli 50, 52(3) u 53))

    9. Drittijiet fundamentali–Prinċipju ta’ ne bis in idem–Limitazzjoni–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jinbdew proċeduri kriminali kontra persuna, għal omissjoni li titħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud, li diġà kienet is-suġġett ta’ sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali għall-istess fatti–Ammissibbiltà–Kundizzjonijiet–Verifika mill-qorti nazzjonali

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikoli 50 u 52(1))

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 19, 20)

    2.  Peress li huma intiżi sabiex jiġi żgurat il-ġbir eżatt tal-VAT u sabiex tiġi miġġielda l-frodi, sanzjonijiet amministrattivi imposti mill-awtoritajiet fiskali nazzjonali u proċeduri kriminali miftuħa għal ksur fil-qasam tal-VAT, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu implimentazzjoni tal-Artikoli 2 u 273 tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll tal-Artikolu 325 TFUE u, għalhekk, tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 27, kif ukoll tal‑5 ta’ April 2017, Orsi u Baldetti, C‑217/15 u C‑350/15, EU:C:2017:264, punt 16). Għaldaqstant, dawn għandhom jirrispettaw id-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta.

      (ara l-punt 21)

    3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 22)

    4.  F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tan-natura kriminali ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tliet kriterji huma rilevanti. L-ewwel kriterju huwa dak dwar il-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali, it-tieni wieħed huwa dak dwar in-natura stess tal-ksur u t-tielet wieħed huwa dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 37, u tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 35).

      Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta ma hijiex limitata biss għall-azzjonijiet u s-sanzjonijiet li huma kklassifikati bħala “kriminali” mid-dritt nazzjonali iżda testendi – indipendentement minn tali klassifikazzjoni fid-dritt intern – għal proċeduri u għal sanzjonijiet li għandhom jitqiesu li għandhom natura kriminali abbażi taż-żewġ kriterji l-oħrajn imsemmija fl-imsemmi punt 26.

      Fir-rigward tat-tieni kriterju, dwar in-natura nfisha tal-ksur, dan jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk is-sanzjoni inkwistjoni għandhiex, b’mod partikolari, għan repressiv (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 39). Minn dan isegwi li sanzjoni li għandha għan repressiv hija ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, u li l-fatt biss li hija għandha wkoll għan preventiv ma huwiex ta’ natura li jneħħilha l-klassifikazzjoni tagħha ta’ sanzjoni kriminali. Min-naħa l-oħra, miżura li sempliċement tirrepara d-dannu kkawżat mill-ksur ikkonċernat ma għandhiex natura kriminali.

      (ara l-punti 26, 30, 31)

    5.  Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-istess ksur huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom li wasslu sabiex il-persuna kkonċernata tinħeles jew tiġi kkundannata b’mod definittiv (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink, C‑367/05, EU:C:2007:444, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, EU:C:2010:683, punti 3940). Għaldaqstant, l-Artikolu 50 tal-Karta jipprekludi li jiġu imposti, għal fatti identiċi, diversi sanzjonijiet ta’ natura kriminali wara proċeduri differenti mnehdija għal dan l-għan.

      Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni ġuridika, fid-dritt nazzjonali, tal-fatti u l-interess ġuridiku protett ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess ksur, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor.

      (ara l-punti 35, 36)

    6.  F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem li tirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax għan ta’ interess ġenerali, mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni hija intiża li tiżgura li l-VAT dovuta tinġabar kollha. Fid-dawl tal-importanza li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħti, sabiex jintlaħaq dan l-għan, għall-ġlieda kontra l-ksur fil-qasam tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali jista’ jkun iġġustifikat meta dawn il-proċeduri u dawn is-sanzjonijiet ifittxu, sabiex jintlaħaq tali għan, għanijiet komplementari li jirrigwardaw, skont il-każ, aspetti differenti tal-istess aġir li jikkostitwixxi ksur ikkonċernat, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

      F’dan ir-rigward, fil-qasam tal-ksur relatat mal-VAT, jidher leġittimu li Stat Membru jkun irid, minn naħa, jiddisswadi u jikkastiga kull ksur ta’ obbligu, kemm jekk ikun intenzjonali jew le, dwar ir-regoli ta’ dikjarazzjoni u ta’ ġbir tal-VAT u billi jimponi sanzjonijiet amministrattivi stabbiliti, skont il-każ, f’rata fissa u, min-naħa l-oħra, jiddisswadi u jikkastiga ksur ta’ obbligi gravi ta’ dawn ir-regoli, li huma partikolarment ta’ ħsara għas-soċjetà u li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali iktar severi.

      (ara l-punti 44, 45)

    7.  Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan jeżiġi li l-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandux jaqbeż il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu għanijiet leġittimi mfittxija minn din il-leġiżlazzjoni, u huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tintuża dik li hija l-inqas restrittiva u li l-inkonvenjenti kkawżati minnha ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2010, Müller Fleisch, C‑562/08, EU:C:2010:93, punt 43; tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86, kif ukoll tad‑19 ta’ Ottubru 2016, EL-EM-2001, C‑501/14, EU:C:2016:777, punti 3739 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

      F’dan ir-rigward, hemm lok jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom libertà fl-għażla tas-sanzjonijiet applikabbli sabiex jiġi żgurat li d-dħul iġġenerat mill-VAT jinġabar kollu. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam, l-Istati Membri għaldaqstant jistgħu jipprevedu kemm sistema li fiha ksur fil-qasam tal-VAT jista’ jkun is-suġġett ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet darba biss, kif ukoll sistema li tawtorizza kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-proporzjonalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi ddubitata mill-fatt biss li l-Istat Membru kkonċernat għażel li jipprevedi l-possibbiltà ta’ tali kumulu u dan, taħt piena li dan l-Istat Membru titneħħielu din il-libertà ta’ għażla.

      Fir-rigward tan-natura strettament neċessarja tagħha, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha, qabelxejn, tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jippermettu lill-parti f’kawża tipprevedi liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet.

      Sussegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiżgura li l-piżijiet li jirriżultaw, għall-persuni kkonċernati, minn tali kumulu jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

      Fir-rigward, minn naħa, ta’ kumulu ta’ proċeduri ta’ natura kriminali li, bħalma jirriżulta mill-elementi li jinsabu fil-proċess, huma mmexxija b’mod indipendenti, ir-rekwiżit imfakkar fil-punt preċedenti jimplika l-eżistenza ta’ regoli li jiżguraw koordinazzjoni intiża li tnaqqas għal dak li huwa strettament neċessarju l-piż addizzjonali li tali kumulu jġib miegħu għall-persuni kkonċernati.

      Min-naħa l-oħra, il-kumulu ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali għandu jkollu miegħu regoli li jippermettu li jiġi żgurat li s-severità tas-sanzjonijiet imposti kollha tikkorrispondi għall-gravità tal-ksur ikkonċernat, liema rekwiżit jirriżulta mhux biss mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, iżda wkoll mill-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ pieni stipulat fl-Artikolu 49(3) tagħha. Dawn ir-regoli għandhom jipprevedu l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti, fil-każ ta’ impożizzjoni tat-tieni sanzjoni, li jiżguraw li s-severità tas-sanzjonijiet imposti kollha ma teċċedix il-gravità tal-ksur ikkonstatat.

      (ara l-punti 46, 47, 49, 52, 53, 55)

    8.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 60 sa 62)

    9.  L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha jistgħu jinbdew proċeduri kriminali kontra persuna għal ommissjoni ta’ ħlas tal-VAT dovuta fit-termini legali, minkejja li din il-persuna diġà ġiet imposta fuqha, għall-istess fatti, sanzjoni amministrattiva definittiva ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-Artikolu 50, sakemm din il-leġiżlazzjoni:

      għandha għan ta’ interess ġenerali li huwa ta’ natura li jiġġustifika tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, jiġifieri l-ġlieda kontra l-ksur fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, liema proċeduri u sanzjonijiet għandu jkollhom għanijiet komplementari,

      tinkludi regoli li jiżguraw koordinazzjoni li tillimita għal dak li huwa strettament neċessarju l-piż addizzjonali li jirriżulta, għall-persuni kkonċernati, minn kumulu ta’ proċeduri, u

      tipprevedi regoli li jippermettu li jiġi żgurat li s-severità tas-sanzjonijiet imposti kollha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju meta mqabbel mal-gravità tal-ksur ikkonċernat.

      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, li l-piż li jirriżulta konkretament għall-persuna kkonċernata mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u mill-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet li din tawtorizza ma huwiex eċċessiv meta mqabbel mal-gravità tal-ksur imwettaq.

      (ara l-punti 63, 64, u d-dispożittivi 1 u 2)

    Top