Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0102

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ Lulju 2016.
    Gazdasági Versenyhivatal vs Siemens Aktiengesellschaft Österreich.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Azzjoni għall-ikrupru ta’ ammonti mħallsa indebitament – Arrikkiment indebitu – Kreditu li joriġina mir-rimbors inġustifikat ta’ multa għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.
    Kawża C-102/15.

    Court reports – general

    Kawża C‑102/15

    Gazdasági Versenyhivatal

    vs

    Siemens Aktiengesellschaft Österreich

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Ítélőtábla)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Azzjoni għall-ikrupru ta’ ammonti mħallsa indebitament — Arrikkiment indebitu — Kreditu li joriġina mir-rimbors inġustifikat ta’ multa għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ Lulju 2016

    1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ikklassifikati bħala ekwivalenti għal dawk tal-Konvenzjoni ta’ Brussell – Interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konvenzjoni

      (Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968; Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001)

    2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Kamp ta’ applikazzjoni – Materji ċivili u kummerċjali – Kunċett – Azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament ibbażata fuq l-arrikkiment indebitu, li toriġina mir-rimbors ta’ multa imposta fil-kuntest ta’ proċedura fid-dritt tal-kompetizzjoni – Esklużjoni

      (Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 1(1))

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 28)

    2.  Azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament ibbażata fuq l-arrikkiment indebitu, li toriġina mir-rimbors ta’ multa imposta fil-kuntest ta’ proċedura fid-dritt tal-kompetizzjoni, ma taqax taħt il-“materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

      Filfatt, għalkemm ċertu tilwim bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, dan ikun differenti meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi. Sabiex jiġi stabbilit jekk dan huwiex il-każ, hemm lok li tiġi identifikata r-relazzjoni legali eżistenti bejn il-partijiet fil-kawża u li jiġu eżaminati l-bażi u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni mibdija.

      Fir-rigward tar-relazzjoni legali eżistenti bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm azzjonijiet privati mibdija sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, huwa min-naħa l-oħra ċert li sanzjoni imposta minn awtorità amministrattiva fl-eżerċizzju tas-setgħat leġiżlattivi li huma mogħtija lilha mil-leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-“materja amministrattiva”, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, konformement mal-Artikolu 1(1) tiegħu. Dan japplika, b’mod partikolari, għal multa applikata minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprojbixxu r-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni. Isegwi li kawża li fiha awtorità tal-kompetizzjoni tfittex li tikseb min-naħa ta’ impriża l-pagament ta’ kreditu li jirriżulta minn multa li hija imponiet fuq din l-impriża taqa’ taħt il-materja amministrattiva.

      Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni mibdija, il-fatt li l-awtorità tal-kompetizzjoni ppreżentat rikors quddiem il-qrati ċivili ma jbiddel xejn f’dan ir-rigward. Fil-fatt, indipendentement min-natura tal-proċedura li jiftħilha d-dritt nazzjonali, il-fatt, għal rikorrent, li jfittex l-irkupru ta’ spejjeż abbażi ta’ dritt ta’ kreditu li għandu s-sors tiegħu f’att ta’ awtorità pubblika huwa biżżejjed sabiex l-azzjoni tiegħu titqies bħala eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

      (ara l-punti 32-34, 38-40, 43 u d-dispożittiv)

    Top