Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014FO0131

    Bensai vs Il-Kummissjoni

    DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

    TAL-UNJONI EWROPEA

    (L-Ewwel Awla)

    23 ta’ April 2015

    David Bensai

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Servizz pubbliku — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Remunerazzjoni — Rendikont tar-remunerazzjoni — Natura konfermatorja — Nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tal-proċedura prekontenzjuża — Riforma tar-Regolamenti tal-Persunal — Żieda tal-perijodu ta’ xogħol mingħajr aġġustament tas-salarju — Assenza ta’ effett fuq in-natura konfermatorja tar-rendikont tar-remunerazzjoni — Inugwaljanza fit-trattament bejn membri tal-persunal bil-kuntratt u aġenti lokali — Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura”

    Suġġett:

    Rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a, permezz ta’ liema D. Bensai jitlob l-annullament tar-rendikont tar-remunerazzjoni tiegħu stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea għax-xahar ta’ Jannar 2014 peress li r-remunerazzjoni inkluża fih hija inferjuri għal dik ta’ wieħed mill-kollegi tiegħu li jaħdem fl-istess settur u li jeżerċita, fl-opinjoni tiegħu, funzjonijiet paragunabbli jew anki inqas importanti minn dawk eżerċitati minnu.

    Deċiżjoni:

    Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala manifestament infondat. D. Bensai għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

    Sommarju

    1. Proċedura ġudizzjarja – Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat – Kundizzjonijiet – Rikors manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt – Portata

      (Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 81)

    2. Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – L-ewwel rendikont tar-remunerazzjoni wara ż-żieda fis-sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa permezz ta’ att leġiżlattiv – Esklużjoni

      (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 55, 90 u 91; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 1, 16 u 91)

    3. Uffiċjali – Ugwaljanza fit-trattament – Trattament iddifferenzjat tad-diversi kategoriji ta’ persuni impjegati tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-garanziji statutorji – Assenza ta’ diskriminazzjoni

    1.  Skont l-Artikolu 81 tar-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta rikors ikun totalment jew parzjalment manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, l-imsemmi Tribunal jista’, mingħajr ma jkompli l-proċedura, jiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

      B’mod partikolari, iċ-ċaħda tar-rikors permezz ta’ digriet motivat adottat abbażi tal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura, mhux biss tikkontribwixxi għal proċess effikaċi, iżda jiskansa wkoll lill-partijiet mill-ispejjeż involuti fiż-żamma ta’ seduta, meta, minn qari tal-proċess tal-kawża, it-Tribunal, filwaqt li jqis ruħu informat biżżejjed mill-atti tal-imsemmi proċess, ikun konvint b’mod sħiħ dwar l-inammissibbiltà manifesta tar-rikors jew dwar in-natura manifestament nieqsa minn full bażi legali u jkun jikkunsidra, barra minn hekk, li ż-żamma ta’ seduta ma tkunx ta’ natura li toffri elementi ġodda li jistgħu ibiddlu l-opinjoni tiegħu.

      (ara l-punti 27 u 28)

      Referenza:

      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet tal-10 ta’ Lulju 2014, Mészáros vs Il-Kummissjoni, F‑22/13, EU:F:2014:189, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata

    2.  Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt dirett kontra l-ewwel rendikont tar-remunerazzjoni tiegħu ż-żieda fis-sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-imsemmi rendikont jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju sa fejn dan jirrifletti għall-ewwel darba emenda unilaterali mill-persuna li timpjega lill-membru tal-persunal bil-kuntratt ikkonċernat, tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg previsti b’mod kuntrattwali u, b’mod iktar partikolari, tnaqqis tar-rata ta’ remunerazzjoni għal kull siegħa.

      Fil-fatt, minn naħa, l-emenda unilaterali tar-relazzjoni kuntrattwali tal-membru tal-persunal bil-kuntratt mal-amministrazzjoni ġiet adottata, mhux mill-entità istituzzjonali li timpjegah, iżda mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, ikkostitwit mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. F’dan il-każ, skont l-Artikolu 1 tagħhom, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għal impjegati oħra japplika għall-kuntratt ta’ kull membru tal-persunal bil-kuntratt impjegat mill-Unjoni. Issa, ċerti kundizzjonijiet tax-xogħol, bħal dawk li jikkonċernaw ir-remunerazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt u l-perijodi ta’ xogħol tagħhom, huma stabbiliti mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li huwa att leġiżlattiv adottat mil-leġiżlatur, u ma humiex għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet, organi u korpi tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-libertà kuntrattwali tagħhom bħala awtorità awtorizzata li tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ.

      Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jemenda f’kull mument, b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali u l-membri tal-persunal bil-kuntratt, permezz ta’ regolamenti, adottati skont l-Artikolu 336 TFUE, li jemendaw ir-Regolamenti tal-Persunal u l-kondizzjonijiet tal-impjieg, li japplikaw, salv għal deroga, għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet naxxenti fil-kuntest tal-liġi antika. B’mod partikolari, fir-rigward tal-emendi li jirrigwardaw il-perijodi ta’ xogħol kif iddefiniti fl-Artikolu 55 tar-Regolamenti tal-Persunal, dawn tal-aħħar japplikaw ukoll għall-membri tal-persunal temporanju u bil-kuntratt, skont l-Artikoli 16 u 91 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

      Barra minn hekk, jirriżulta b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li l-membri tal-persunal bil-kuntratt jiġu rremunerati skont il-grad u l-iskala tal-grupp tal-funzjonijiet tagħhom u li, f’dan ir-rigward, huma jirċievu remunerazzjoni mensili, li, formalment, ma hijiex skont il-ħin normali tax-xogħol, li jista’ jvarja skont it-termini l-ġodda tal-Artikolu 55(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, bejn minimu ta’ 40 siegħa sa massimu ta’ 42 siegħa fil-ġimgħa, skont id-deċiżjoni eventwalment meħuda f’dan ir-rigward mill-istituzzjoni, organu jew korp li jimpjeghom.

      Għalhekk, it-tnaqqis tar-rata tar-remunerazzjoni għal kull siegħa ma tikkostitwixxix deċiżjoni unilaterali ta’ persuna li timpjega lill-membru tal-persunal ikkonċernat, iżda hija biss konsegwenza, fil-prattika, ta’ emenda leġiżlattiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

      (ara l-punti 38 sa 42)

      Referenza:

      Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla vs Il-Kummissjoni, C-443/07 P, EU:C:2008:767, punti 60 u 61

    3.  Id-differenzi fl-istatus eżistenti bejn aġenti lokali, minn naħa, u l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra, min-naħa l-oħra, ma jistgħux jiġu kkontestati skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li dawn id-differenzi legali oġġettivi fil-livell tal‑garanziji statutorji, fil-klassifikazzjoni, tar-remunerazzjoni u fil-vantaġġi soċjali huma ta’ natura essenzjali.

      Għalhekk, ma jistax jintlaqa’ l-argument ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt, li ż-żieda tal-perijodi ta’ xogħol fil-ġimgħa, imposta permezz ta’ emenda tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, aċċentwat id-differenza diskriminatorja fir-remunerazzjoni fis-siegħa bejn il-membru tal-persunal ikkonċernat u kollega li huwa aġent lokali.

      (ara l-punt 43)

      Referenza:

      Il-Qorti tal-Prim’Istanza: digriet tad-9 ta’ Lulju 2007, De Smedt vs Il-Kummissjoni, T‑415/06 P, EU:T:2007:205, punti 54 u 55

      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2006, De Smedt vs Il-Kummissjoni, F‑59/05, EU:F:2006:105, punt 76

    Top