Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0439

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016.
    SC Star Storage SA et vs Institutul Naţional de Cercetare-Dezvoltare în Informatică (ICI) et.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Directives 89/665/KEE u 92/13/KEE – Kuntratti pubbliċi – Proċeduri ta’ reviżjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjonijiet ġudizzjarji kontra l-atti tal-awtorità kontraenti għall-kostituzzjoni ta’ ‘garanzija ta’ kondotta tajba’ – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv.
    Kawżi magħquda C-439/14 u C-488/14.

    Court reports – general

    Kawżi magħquda C‑439/14 u C‑488/14

    SC Star Storage SA

    vs

    Institutul Naţional de Cercetare-Dezvoltare în Informatică (ICI)

    u

    SC Max Boegl România SRL et

    vs

    RA Aeroportul Oradea et

    (talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti u l-Curtea de Apel Oradea)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Directives 89/665/KEE u 92/13/KEE — Kuntratti pubbliċi — Proċeduri ta’ reviżjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjonijiet ġudizzjarji kontra l-atti tal-awtorità kontraenti għall-kostituzzjoni ta’ ‘garanzija ta’ kondotta tajba’ — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 47 — Dritt għal rimedju effettiv”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016

    1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet – Direttivi 89/665 u 92/13 – Obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu proċedura ta’ appell – Aċċess għall-proċeduri ta’ appell – Modalitajiet proċedurali – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri – Limiti – Obbligu li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv u ta’ aċċess għal qorti imparzjali

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Direttivi tal-Kunsill 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2007/66, Artikolu 1(1) u (3), u 92/13, kif emendata bid-Direttiva 2007/66, Artikolu 1(1) u (3))

    2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet – Direttivi 89/665 u 92/13 – Obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu proċedura ta’ appell – Aċċess għall-proċeduri ta’ appell – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjonijiet ġudizzjarji għall-kostituzzjoni ta’ garanzija ta’ kondotta tajba li tintradd lura sabiex jiġu ddiswaditi l-kontestazzjonijiet abbużivi – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 52(1); Direttivi tal-Kunsill 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2007/66, Artikolu 1(1) sa (3), u 92/13, kif emendata bid-Direttiva 2007/66, Artikolu 1(1) sa (3))

    1.  L-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet], kif emendata bid-Direttiva 2007/66, u l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13, li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, kif emendata bid-Direttiva 2007/66, li huma intiżi sabiex jipproteġu l-operaturi ekonomiċi mill-arbitrarjetà tal-awtorità kontraenti, għandhom l-għan għalhekk li jiżguraw l-eżistenza, fl-Istati Membri kollha, ta’ rimedji legali effikaċi, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, partikolarment fi stadju fejn il-ksur ikun għadu jista’ jiġi kkoreġut. Mandankollu, la d-Direttiva 89/665 u lanqas id-Direttiva 92/13 ma jinkludu dispożizzjonijiet li jirregolaw speċifikament il-kundizzjonijiet li fihom dawn ir-rimedji legali jistgħu jiġi eżerċitati. Dawn jistabbilixxu biss il-kundizzjonijiet minimi li għalihom għandhom iwieġbu l-proċeduri legali nazzjonali, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

      Madankollu, il-modalitajiet proċedurali ta’ rimedji legali intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-kandidati u lill-offerenti ppreġudikati minn deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti ma jistgħux jippreġudikaw l-effett utli tad-Direttivi 89/665 u 92/12, li għandhom l-għan li jiggarantixxu li d-deċiżjonijiet illegali tal-awtoritajiet kontraenti jkunu suġġetti għal rimedji effikaċi u l-iktar espedjenti possibbli. Għandu, b’mod partikolari, jiġi żgurat li la tiġi ppreġudikata l-effikaċità tad-Direttivi 89/665 u 92/13 u lanqas id-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 36 tagħha, id-Direttiva 2007/66, li emendat id-Direttivi 89/665 u 92/13 fir-rigward tat-titjib tal-effikaċità tal-proċeduri legali fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti, u għalhekk id-Direttivi 89/665 kif ukoll 92/13 li hija emendat u kkompletat, għandhom l-għan li jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u ta’ aċċess għal qorti imparzjali, konformement mal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, meta jiddefinixxu l-modalitajiet proċedurali ta’ rimedji legali intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija mid-Direttivi 89/665 u 92/13 lill-kandidati u lill-offerenti ppreġudikati minn deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv u ta’ aċċess għal qorti imparzjali, stipulat fl-Artikolu 47 tal-Karta.

      (ara l-punti 41-46)

    2.  L-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 89/665 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet], kif emendata bid-Direttiva 2007/66, u l-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 92/13 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, kif emendata bid-Direttiva 2007/66, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja kontra att tal-awtorità kontraenti għall-obbligu fuq ir-rikorrent li jikkostitwixxi l-garanzija ta’ kondotta tajba li hija tipprevedi favur l-awtorità kontraenti, ladarba din il-garanzija għandha tintradd lura lir-rikorrent ikun xi jkun l-eżitu tal-azzjoni.

      Fil-fatt, minkejja li din il-garanzija ta’ kondotta tajba tikkostitwixxi, bħala kundizzjoni preliminari għall-eżami ta’ kull azzjoni, limitazzjoni għad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, din hija kjarament u speċifikament stabbilita mil-liġi u ma tippreġudikax il-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv, sa fejn, fi kwalunkwe każ, din ma tistax tinżamm mill-awtorità kontraenti, ikun xi jkun l-eżitu tal-azzjoni. Barra minn hekk, hija ssegwi għan leġittimu sa fejn tikkostitwixxi miżura ta’ natura li tiddiswadi l-kontestazzjonijiet abbużivi u li tiggarantixxi lill-individwi kollha, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, it-trattament tal-azzjonijiet tagħhom kemm jista’ jkun malajr, konformement mal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta.

      Finalment, din għandha tibqa’ f’relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi applikati u l-għan imfittex. Fil-fatt, l-obbligu li tiġi kkostitwita l-garanzija ta’ kondotta tajba huwa adatt sabiex jilħaq l-għan tal-ġlieda kontra r-rimedji abbużivi mfittxija sa fejn dan jikkostitwixxi oneru finanzjarju għar-rikorrent, billi dan tal-aħħar għandu jagħmel ħlas bankarju jew jikkostitwixxi garanzija bankarja. Issa, il-mobilizzazzjoni ta’ somma ta’ dan il-kobor permezz ta’ ħlas bankarju meħtieġa sabiex jitwettqu l-passi rikjesti sabiex tiġi kkostitwita garanzija bankarja u l-ħlas tal-ispejjeż marbuta ma’ din il-kostituzzjoni huma ta’ natura li jinċitaw lir-rikorrenti għal ċerta prudenza fit-tressiq tal-azzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, sa fejn hija taffettwa r-riżorsi jew, tal-inqas il-possibbiltajiet ta’ kreditu tar-rikorrenti sakemm din tiġi lliberata, il-garanzija ta’ amministrazzjoni tajba hija ta’ natura li tinċitahom sabiex jeżerċitaw diliġenza fl-ambitu tal-proċeduri li huma jibdew, b’mod konformi mar-rekwiżit ta’ espedjenza tar-rimedji previst fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 u fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 92/13. Barra minn hekk, sa fejn iż-żamma awtomatika u mingħajr kundizzjoni tal-garanzija ta’ kondotta tajba mill-awtorità kontraenti u l-ħlas tagħha fuq l-ewwel talba ma humiex possibbli iktar, ma jistax jitqies li s-sempliċi obbligu li tiġi kkostitwita din il-garanzija, bħala kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja, imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra l-azzjonijiet abbużivi li huwa jfittex. Fil-fatt, il-garanzija ta’ kondotta tajba, fl-ammont ta’ 1 % tal-valur tal-kuntratt pubbliku, b’limitu skont in-natura tal-kuntratt, jibqa’ modest, b’mod partikolari għall-offerenti li huma normalment meħtieġa li jkollhom ċerta kapaċità finanzjarja. Din il-garanzija tista’, imbagħad u fi kwalunkwe każ, tiġi kkostitwita fil-forma ta’ garanzija bankarja. Finalment, hija għandha tiġi kkostitwita biss għall-perijodu bejn it-tressiq tal-azzjoni ġudizzjarja u r-riżoluzzjoni definittiva tagħha.

      (ara l-punti 49, 50, 54-57, 59-61, 63 u d-dispożittiv)

    Top