Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0184

    A

    Court reports – general

    Kawża C‑184/14

    A

    vs

    B

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment — Regolament (KE) Nru 4/2009 — Artikolu 3(ċ) u (d) — Talba dwar obbligu ta’ manteniment favur ulied minuri simultanja għal proċedura ta’ separazzjoni tal-ġenituri, imressqa fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih l-ulied għandhom ir-residenza abitwali tagħhom”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015

    Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, liġi applikabbli, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment – Regolament Nru 4/2009 – Ġurisdizzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment – Qorti tal-post ta’ residenza abitwali tal-kreditur – Obbligi ta’ manteniment favur ulied minuri – Natura anċillari biss għal azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, bl-esklużjoni ta’ azzjoni dwar l-istatus ta’ persuni – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni għall-azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri

    (Regolament tal-Kunsill Nru 4/2009, Artikolu 3(ċ) u (d))

    L-Artikolu 3(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 4/2009, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn qorti ta’ Stat Membru tkun adita b’azzjoni dwar is-separazzjoni jew it-tmiem tar-rabta konjugali bejn il-ġenituri ta’ wild minuri u qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun adita b’azzjoni għar-responsabbiltà tal-ġenituri li tikkonċerna lil dan il-wild, talba dwar obbligu ta’ manteniment li tikkonċerna lil dan l-istess wild hija anċillari biss għall-azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 3(d) ta’ dan ir-regolament.

    Fil-fatt, min-natura tagħha, talba dwar l-obbligi ta’ manteniment li jikkonċernaw l-ulied minuri hija għaldaqstant intrinsikament marbuta mal-azzjoni għar-responsabbiltà tal-ġenituri. Konsegwentement, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tieħu konjizzjoni ta’ azzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, kif iddefinita fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa in concreto il-kwistjonijiet li jqumu mit-talba dwar obbligu ta’ manteniment favur wild, tiffissa l-ammont tal-imsemmi obbligu intiż sabiex jikkontribwixxi għall-ispejjeż ta’ manteniment u tal-edukazzjoni tal-wild, billi tadattah skont il-metodu ta’ kustodja stabbilit, konġunta jew esklużiva, skont id-dritt ta’ żjara, it-tul ta’ dan id-dritt u l-elementi l-oħra ta’ natura fattwali relatati mal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri mressqa quddiemha.

    (ara l-punti 40, 43, 48 u d-dispożittiv)

    Top