Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0002

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Dispożizzjonijiet fiskali — Taxxi interni — Dazju tas-sisa fuq il-vetturi bil-mutur użati meta dawn jiddaħħlu fit-territorju nazzjonali

    (Direttiva tal-Kunsill 92/12, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3))

    2. Dispożizzjonijiet fiskali — Taxxi interni — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn prodotti importati u prodotti nazzjonali simili – Prodotti simili

    (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 110, TFUE)

    3. Dispożizzjonijiet fiskali — Taxxi interni — Sistema ta’ dazju tas-sisa applikata fuq il-vetturi bil-mutur użati

    (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE)

    Summary

    1. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti, ma huwiex applikabbli fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-dazju tas-sisa fuq vetturi bil-mutur u għaldaqstant ma jistax jipprekludi l-istabbiliment, minn Stat Membru, ta’ sistema ta’ tassazzjoni permezz ta’ dazju tas-sisa għall-vetturi bil-mutur użati meta dawn jiddaħħlu fit-territorju ta’ Stat Membru, dazju tas-sisa li ma huwiex dovut mal-bejgħ mill-ġdid ta’ vetturi bil-mutur li jinstabu diġà fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li fir-rigward tagħhom tali dazju tas-sisa diġà tħallas meta dawn iddaħħlu inizjalment fit-territorju tal-Istat Membru, sakemm tali sistema ma tagħtix lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni kollha inkwistjoni tistax tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu li jiġi ddikjarat id-dħul ta’ vettura bil-mutur fit-territorju nazzjonali ma huwiex marbut mal-qsim tal-fruntiera, iżda iżjed mad-determinazzjoni sussegwenti tal-ammont tad-dazju tas-sisa fil-mument tat-tnissil tal-obbligu li dan jitħallas. Fil-fatt, għalkemm id-dikjarazzjoni għandha tkun ippreżentata meta jseħħ l-akkwist intra‑Komunitarju tal-vettura, u għalhekk meta tinqasam il-fruntiera, tali formalità madankollu ma hijiex marbuta ma’ dan “il qsim” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12, iżda mal-obbligu li jitħallas id-dazju tas-sisa. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, peress li l-għan tal-imsemmija dikjarazzjoni huwa li jiġi żgurat il-ħlas tad-dejn li jikkorrispondi mad-dazju tas-sisa, formalità bħal din hija marbuta mal-avveniment li jagħti lok għad-dazju tas-sisa.

    (ara l-punti 27, 28 u d-dispożittiv 1)

    2. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vetturi bil-mutur użati importati fi Stat Membru għandhom jiġu kkunsidrati bħala prodotti simili għall-vetturi bil-mutur użati diġà rreġistrati fit-territorju ta’ dan l-Istat u li ġew importati fit-territorju ta’ dan l-Istat bħala vetturi bil-mutur ġodda irrispettivament mill-oriġini tagħhom.

    (ara l-punt 33 u d-dispożittiv 2)

    3. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE jipprekludi sistema differenti tad-dazju tas-sisa applikata minn Stat Membru għall-vetturi bil-mutur peress li din is-sistema tolqot b’mod differenti l-vetturi bil-mutur użati importati minn Stati Membri oħra u l-vetturi bil-mutur użati diġà rreġistrati fit-territorju ta’ dan l-Istat li ġew importati fit-territorju tiegħu bħala vetturi bil-mutur ġodda.

    B’mod partikolari, is-sistema ta’ dazju tas-sisa li, għall-finijiet tal-kalkolu tad-dazju tas-sisa għal vetturi bil-mutur użati importati minn Stati Membri oħra, la tieħu inkunsiderazzjoni s-sena ta’ manifattura u lanqas il-kilometraġġ ta’ dawn il-vetturi bil-mutur fid-data tal-importazzjoni tagħhom fit-territorju nazzjonali, iżda tipprevedi li l-valur taxxabbli u r-rata tad-dazju tas-sisa huma kkalkolati biss abbażi tas-saħħa tal-magna li hija karatteristika fissa ta’ vettura bil-mutur li ma tiddependix fuq il-livell ta’ teknoloġija reali tagħha, filwaqt li t-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur użati ssegwi metodi differenti mit-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur ġodda, ma tippermettix kalkolu newtrali tad-dazju tas-sisa għall-vetturi bil-mutur użati importati. Filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dazju tas-sisa huwa impost fuq il-merkanzija importata darba waħda biss, skont l-imsemmija sistema, il-kalkolu tad-dazju tas-sisa għal vetturi bil-mutur ġodda huwa bla dubju ta’ xejn iktar favorevoli milli għal vetturi bil-mutur użati. Peress li l-vetturi bil-mutur użati li jiċċirkulaw diġà fit-territorju tal-Istat Membru, jiġifieri l-vetturi bil-mutur li diġà ġew importati bħala vetturi bil-mutur ġodda, huma intaxxati fil-mument li dawn jidħlu fit-territorju bħala vetturi bil-mutur ġodda, huwa relattivament iktar ogħli li tiġi importata vettura bil-mutur użata minn Stat Membru ieħor milli li tinxtara vettura bil-mutur tal-istess tip, tal-istess saħħa ta’ magna u tal-istess kilometraġġ, jiġifieri tal-istess teknoloġija, fit-territorju tal-Istat Membru, fatt li jista’ jinfluwenza l-għażla tal-konsumaturi.

    (ara l-punti 43-47 u d-dispożittiv 3)

    Top