Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0373

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-373/08

    Hoesch Metals and Alloys GmbH

    vs

    Hauptzollamt Aachen

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf)

    “Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikolu 24 — Oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija — Ipproċessar jew xogħol li jikkonferixxi l-oriġini — Blokok tas-silikon li joriġinaw miċ-Ċina — Separazzjoni, titħin u purifikazzjoni tal-blokok kif ukoll iffiltrar u tgħarbil tal-kristalli skont id-daqs tagħhom u l-ippakkjar tagħhom fl-Indja — Dumping — Validità tar-Regolament (KE) Nru 398/2004”

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Frar 2010   I ‐ 954

    Sommarju tas-sentenza

    1. Oriġini tal-merkanzija – Determinazzjoni – Ipproċessar jew xogħol sostanzjali – Kunċett

      (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 24)

    2. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Validità tar-Regolament Nru 398/2004 – Proċedura ta’ reviżjoni ta’ miżuri li waslu biex jiskadu – Distinzjoni meta mqabbla mal-proċedura ta’ investigazzjoni inizjali

      (Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 5 u 11(2))

    3. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Validità tar-Regolament Nru 398/2004 – Proċedura ta’ reviżjoni ta’ miżuri li waslu biex jiskadu mwettqa skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 384/96 – Possibbiltà li tinżamm jew li titneħħa l-miżura antidumping – Projbizzjoni li l-miżura tinbidel

      (Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 11(2) u (6))

    1.  Is-separazzjoni, it-titħin u l-purifikazzjoni tal-blokok tas-silikon kif ukoll l-iffiltrar, it-tgħarbil u l-ippakkjar sussegwenti tal-kristalli tas-silikon li jirriżultaw mit-titħin, ma jikkostitwixxux proċessar jew xogħol li jikkonferixxi l-oriġini fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, peress li ma jbiddlux il-proprjetajiet jew il-kompożizzjoni tal-merkanzija.

      (ara l-punt 55 u d-dispożittiv 1)

    2.  Hemm differenza oġġettiva bejn il-proċedura ta’ investigazzjoni inizjali intiża sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u l-proċedura ta’ reviżjoni ta’ miżura antidumping li waslet biex tiskadi. Fil-fatt, filwaqt li l-importazzjonijiet suġġetti għal proċedura ta’ reviżjoni huma dawk li diġà kienu s-suġġett tal-iffissar ta’ miżuri antidumping definittivi u li, dwarhom, bħala regola, kienu tressqu biżżejjed provi sabiex jiġi stabbilit li r-revoka ta’ dawn il-miżuri probabbilment tiffavorixxi l-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara, min-naħa l-oħra, meta importazzjonijiet ikunu suġġetti għal investigazzjoni inizjali, l-għan tagħha huwa preċiżament li tiddetermina l-eżistenza, il-grad u l-effett ta’ kull dumping allegat.

      (ara l-punti 65, 66)

    3.  Fil-kuntest tar-reviżjoni tal-miżuri antidumping li waslu biex jiskadu, imwettqa taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 384/96, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat bir-Regolament Nru 461/2004, l-awtoritajiet Komunitarji jistgħu biss jew iżommu l-imsemmija miżuri fil-każ fejn l-iskadenza ta’ dawn il-miżuri tiffavorixxi l-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara, jew, jekk dan mhux il-każ, jirrevokawhom. Min-naħa l-oħra, reviżjoni tal-miżuri li waslu biex jiskadu mwettqa taħt din id-dispożizzjoni ma tistax twassal għal bidla fil-miżuri fis-seħħ. Isegwi li, peress li l-awtoritajiet Komunitarji kkonkludew, fit-tmiem ta’ din ir-reviżjoni, li l-iskadenza tal-miżuri antidumping kienet probabbilment ser twassal għar-rikorrenza tal-ħsara, ir-Regolament Nru 398/2004, billi jistabbilixxi dazji antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tas-silikon li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa validu inkwantu jżomm ir-rata antidumping.

      (ara l-punti 76-78)

    Top