Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TJ0342

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti — Analiżi prospettiva

    (Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2(3) u 8(3))

    2. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Impenji tal-impriżi kkonċernati tali li jirrendu l-operazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq komuni — Obbligu tal-Kummissjoni li teżamina l-konċentrazzjoni kif modifikata mill-impenji

    (Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)

    3. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika — Setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

    (Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 2)

    4. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Konċentrazzjoni bejn żewġ kumpanniji tal-ajru

    (Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)

    5. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti — Indizji — Ishma kbar tas-suq — Konċentrazzjoni bejn żewġ kumpanniji tal-ajru

    (Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)

    6. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Definizzjoni tas-suq inkwistjoni — Konċentrazzjoni bejn żewġ kumpanniji tal-ajru

    (Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)

    7. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Kriterji — Evalwazzjoni ġenerali — Evalwazzjoni bbażata fuq indizji

    (Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)

    8. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Teħid inkusiderazzjoni tal-kompetizzjoni attwali u potenzjali — Eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq

    (Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)

    9. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Teħid inkusiderazzjoni tal-kompetizzjoni attwali u potenzjali — Eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq

    (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 31/03, punt 74)

    10. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti — Teħid inkunsiderazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza — Kriterji — Natura kumulattiva

    (Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, premessa 29; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 31/03, punt 78)

    11. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti — Teħid inkunsiderazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza — Kriterji —Natura li tista’ tiġi vverifikata

    (Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 31/03, punt 86)

    12. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti — Teħid inkunsiderazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza — Kriterji — Natura speċifika għall-konċentrazzjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 31/03, punt 85)

    13. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti — Teħid inkunsiderazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza — Kriterji — Vantaġġ għall-konsumaturi

    (Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 31/03, punti 79, 80 u 84)

    14. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Impenji tal-impriżi kkonċernati tali li jirrendu l-operazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq komuni — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ impenji ppreżentati wara d-data ta’ skadenza — Kundizzjonijiet

    (Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2(2), 6(2), 8(2) u 18(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżuri korrettivi ammissibbli b’mod konformi mar-Regolamenti Nru 4064/89 u Nru 447/98, punt 43)

    15. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Impenji tal-impriżi kkonċernati tali li jirrendu l-operazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq komuni — Kriterji

    (Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)

    Summary

    1. Sabiex tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha turi, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, li l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni nnotifikata xxekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ jew minħabba t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.

    Deċiżjoni bħal din, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 139/2004 hija bbażata fuq ir-riżultat ta’ analiżi prospettiva li saret mill-Kummissjoni. Din l-analiżi prospettiva tikkonsisti f’li jiġi eżaminat b’liema mod il-konċentrazzjoni nnotifikata tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni f’suq partikolari sabiex jiġi vverifikat jekk jirriżultax xkiel sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva. Analiżi bħal din teħtieġ li jiġu immaġinati d-diversi sekwenzi ta’ kawża u effett, sabiex jiġi kkunsidrat dak li huwa l-iktar probabbli.

    (ara l-punti 26, 27)

    2. Fis-sitwazzjoni fejn ġew debitament proposti impenji mill-partijiet li se jingħaqdu fil-proċedura amministrattiva sabiex tinkiseb deċiżjoni ta’ kompatibbiltà mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina l-konċentrazzjoni kif modifikata minn dawn l-impenji. B’hekk hija l-Kummissjoni li għandha turi li dawn l-impenji ma jagħmlux il-konċentrazzjoni, b’hekk modifikata, kompatibbli mas-suq komuni.

    (ara l-punt 28)

    3. Ir-regoli li huma l-bażi sostantiva tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċerta setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika. Konsegwentement, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni Ewropea tal-mod kif tiġi eżerċitata din is-setgħa, li huwa essenzjali skont id-definizzjoni tar-regoli fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, għandu jsir hekk kif jirriżulta mill-marġni ta’ diskrezzjoni impliċita fid-dispożizzjonijiet ta’ natura ekonomika li jifformaw parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet.

    Jekk il-qorti tal-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi fir-rigward tal-Kummissjoni, marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jfissirx li hija għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi mressqa, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkontjenux id-data kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet li waslet għalihom.

    (ara l-punti 29, 30)

    4. Sabiex tiġi analizzata r-relazzjoni tal-kompetizzjoni bejn iż-żewġ kumpanniji tal-ajru partijiet għall-konċentrazzjoni nnotifikata, fejn waħda toffri servizzi bi prezz baxx u s-servizzi minimi, u l-oħra toffri servizzi medji, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li dawn iż-żewġ kumpanniji huma, mill-kompetituri kollha preżenti fir-rotot differenti tal-ajru affettwati mill-konċentrazzjoni, l-“eqreb kompetituri”, anki jekk l-ispejjeż tal-operat tagħhom u l-prezzijiet tagħhom huma differenti, dment li l-ispejjeż tal-operat tagħhom u l-prezzijiet tagħhom li joqorbu għal ta’ xulxin, jiddistingwu ruħhom minn dawk tal-kumpanniji tal-ajru fuq netwerk preżenti fl-imsemmija rotot.

    Il-fatt li jkollhom l-istess ajruport “bażi” jippermetti liż-żewġ kumpanniji tal-ajru b’mod partikolari li jibbenefikaw minn vantaġġi simili u b’hekk jista’ jikkorrabora l-evalwazzjoni li skont din iż-żewġ kumpanniji huma l-“eqreb kompetituri”.

    Il-Kummissjoni tista’ tagħmel ukoll użu mill-eżistenza tas-sistemi simili ta’ ġestjoni tal-effettività, tas-sorveljanza tal-imġiba kompetittiva tal-kompetituri, tar-reazzjonijiet ta’ kull waħda mill-partijiet li se jingħaqdu għall-offerti li saru mill-parti l-oħra jew ta’ monitoraġġ tal-imġiba kompetittiva ta’ parti mill-oħra. Dawn l-elementi jistgħu mingħajr problema ta’ xejn jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ sensiela ta’ indikazzjonijiet li hija użat sabiex tevalwa s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni.

    (ara l-punti 35, 79, 83, 85, 94, 124, 133)

    5. Jekk id-daqs tal-ishma tas-suq jista’ jvarja minn suq għal ieħor, jista’ jkun ġustament ikkunsidrat li l-ishma tas-suq estremament kbar jammontaw fihom infushom, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għall-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Dan jista’ jkun il-każ f’sehem mis-suq ta’ 50 % jew iktar.

    Meta l-Kummissjoni tikkonstata li l-konċentrazzjoni tinvolvi ishma tas-swieq kbar f’numru kbir tas-swieq affettwati, kif ukoll livell għoli ta’ konċentrazzjoni, hija b’hekk ma tkunx injorat l-oneru tal-prova billi tikkunsidra li ishma tas-suq bħal dawn fihom infushom huma prova ta’ pożizzjoni dominanti. Prova bħal din tista’ tiġi miċħuda jekk jeżistu ċirkustanzi li jistgħu jeskludu pożizzjoni dominanti fil-kawża preżenti minkejja l-ishma kbar tas-suq.

    Fir-rigward ta’ konċentrazzjoni bejn iż-żewġ kumpanniji tal-ajru, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, billi tipproċedi b’analiżi tal-effett tal-konċentrazzjoni fuq kull rotta tal-ajru affettwata, li l-konċentrazzjoni xekkel b’mod kunsiderevoli l-kompetizzjoni effettiva minħabba l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fuq numru ta’ rotot. Dawn il-pożizzjonijiet huma monopolistiċi, jew kważi-monopolistiċi jew kunsiderevoli u huma suffiċjenti, fihom infushom, sabiex jissostanzjaw il-konklużjoni li l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni għandha tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, suġġett għar-riżultat tal-analiżi taż-żieda fl-effiċjenza u tal-impenji eventwali.

    (ara l-punti 41, 53-56, 336, 383-385, 445)

    6. Il-Kummissjoni ma eċċedietx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta ddefinixxiet, għall-finijiet tal-eżami tal-konċentrazzjoni bejn iż-żewġ kumpanniji tal-ajru, is-swieq tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru fuq il-bażi ta’ rotot individwali jew ta’ grupp ta’ rotot, sa fejn huma sostitwibbli bejniethom, skont il-karatteristiċi speċifiċi tal-konċentrazzjoni, u billi jintużaw kriterji differenti sabiex tiġi kkaratterizzata s-sostitwibbiltà tar-rotot, b’mod partikolari d-distanza u l-ħin tal-vjaġġ bejn l-ajruporti, l-istima minn naħa tal-passiġġieri tal-ħin liberu f’rotta, il-kunċett ta’ “sistema ta’ ajruporti” u l-prattiċi kummerċjali, ta’ kull waħda mill-partijiet għall-konċentrazzjoni, analizzati bl-għajnuna tat-teknika ta’ sensiela ta’ indikazzjonijiet.

    Teknika bħal din tista’ naturalment tinkludi elementi pożittivi u elementi negattivi. Il-konklużjoni li għaliha waslet il-Kummissjoni madankollu ma tkunx ikkontestata minħabba l-fatt biss li element negattiv jirriżulta mill-investigazzjoni tagħha, hekk kif ġie debitament rapportat u kkunsidrat fid-deċiżjoni tagħha, mingħajr ma ġiet żnaturata.

    B’mod partikolari, fir-rigward tad-distanza u tal-ħin tal-vjaġġ bejn l-ajruporti, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li tutilizza “r-regola” li hija tirrikonoxxi speċifikament in-natura approsimattiva tagħha, li skont din, iż-żona li tattira l-klijenti ta’ ajruport tista’ tiġi ddefinita bħala ż-żona li fiha wieħed jista’ jasal sal-ajruport billi jivvjaġġa għal 100 km jew għal massimu ta’ siegħa, li jindika li dan huwa biss l-ewwel varjabbli rappreżentattiv u li ż-żona li tattira l-klijenti tista’ tkun differenti minħabba d-dettalji ta’ kull ajruport ikkunsidrat.

    Bl-istess mod, l-analiżi tal-korrelazzjoni tal-prezzijiet hija element li, jekk hija waħidha ma turix li żewġ ajruporti jaqgħu taħt l-istess suq, tammonta, flimkien ma’ oħrajn, għal fattur rilevanti li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra għall-finijiet tad-definizzjoni tas-swieq inkwistjoni.

    (ara l-punti 99, 102, 103, 108, 110, 112, 113, 115-117, 119)

    7. Fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tuża sensiela ta’ indikazzjonijiet sabiex tevalwa s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni u hija għandha l-kompitu li tevalwa b’mod ġenerali r-riżultat tas-sensiela ta’ indikazzjonijiet. Jista’ jkun, f’dan ir-rigward, li ċerti elementi jkunu pprivileġġjati u oħrajn ikunu mwarrba. F’dan ir-rigward, ma hemmx lok li tiġi stabbilita ġerarkija bejn il-“provi tekniċi” u l-“provi mhux tekniċi”. L-allegazzjoni li skont din, dawn tal-aħħar ma jkunux ikkunsidrati jekk ma jkunux akkumpanjati minn “provi tekniċi” b’hekk ma tistax tintlaqa’.

    Dan l-eżami u l-motivazzjoni li saret fiha huma s-suġġett ta’ stħarriġ tal-legalità eżerċitata mill-Qorti Ġenerali fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet.

    (ara l-punti 133, 136)

    8. Meta, wara li tkun evalwat il-kompetizzjoni eżistenti bejn il-partijiet għall-konċentrazzjoni u l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq din il-kompetizzjoni u tikkunsidra li l-konċentrazzjoni xxekkel il-kompetizzjoni bejn il-partijiet għad-detriment tal-klijenti, il-Kummissjoni teżamina l-kwistjoni dwar id-dħul ta’ kompetituri ġodda fis-swieq inkwistjoni, hija tieħu bħala punt tat-tluq is-sitwazzjoni ta’ kumpannija ġdida fis-suq li tipprova tidħol fis-suq fejn tkun preżenti l-konċentrazzjoni. Hija b’hekk teżamina jekk id-dħul ta’ kompetituri ġodda jistax jiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti sabiex tipprevjeni jew tostakola l-effetti antikompetittivi potenzjali tal-konċentrazzjoni.

    Sabiex tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni, huwa importanti li tiġi kkaratterizzata perspettiva ta’ dħul li tikkumpensa l-effetti antikompetittivi konkretement definiti. Konsegwentement, is-sempliċi “theddida” ta’ dħul ta’ kompetitur mhux suffiċjenti. L-argument li skont dan in-nuqqas ta’ dħul huwa attribwit għall-effiċjenza attwali tal-partijiet għall-konċentrazzjoni fis-swieq affettwati u għas-sodisfazzjon tal-klijienti li jeliminaw kull prospett ta’ gwadann għal kompetitur ġdid, lanqas ma huwa suffiċjenti.

    Bl-istess mod, l-allegazzjoni li waħda mill-partijiet għall-konċentrazzjoni ma għandhiex l-intenzjoni tapplika prezzijiet ogħla mil-livell meħtieġ sabiex tkun kompetittiva wara li sseħħet il-konċentrazzjoni, ma tistax tpoġġi dubji fuq l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-ostakoli għad-dħul. Fil-fatt, issir distinzjoni tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet mill-kontroll tal-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens li tiffoka fuq l-istħarriġ tal-istrutturi tas-suq u mhux fuq l-istħarriġ tal-imġiba tal-impriżi. Il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet għandu bħala għan li jevita, fuq il-bażi ta’ analiżi prospettiva ta’ strutturi tas-suq, it-twettiq ta’ konċentrazzjoni li xxekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew parti sostanzjali tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-fatt tal-ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti. Għal dak li jirrigwarda l-prezzijiet, il-kriterju rilevanti huwa b’hekk dak li jippermetti li jiġi stabbilit jekk id-dħul fis-suq ta’ kompetitur ġdid ikun jista’ jwaqqaf żieda fil-prezzijiet iktar mil-livell li kien hemm qabel il-konċentrazzjoni. Il-kriterju tal-prezzijiet ma huwiex biss l-uniku kriterju li jista’ jiġi kkunsidrat, peress li t-twettiq tal-konċentrazzjoni jista’ jaffettwa wkoll il-kapaċità disponibbli, l-għażla jew il-kwalità tas-servizzi, u l-innovazzjoni.

    (ara l-punti 237-239, 248-250, 279)

    9. Fil-kuntest tal-analiżi tal-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni, l-evalwazzjoni tal-ostakoli għad-dħul fis-suq tiddependi mill-karatteristiċi tiegħu kif ukoll mill-kapaċitajiet tal-kumpanniji li potenzjalment jikkunsidraw jidħlu fis-suq. Għal dak li jirrigwarda d-dħul f’waqtu, fil-punt 74 tal-linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet [konċentrazzjonijiet] orizzontali, il-Kummissjoni invokat terminu li ma għandux jaqbeż sentejn. Madankollu, dan it-terminu jiddependi mis-sitwazzjoni eżaminata. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tillimita ruħha, fl-imsemmija linji ta’ gwida, li tforni qafas tal-analiżi li jista’ jiġi applikat, żviluppat u irfinat minnha fil-każijiet li tintalab teżamina.

    (ara l-punti 293-295)

    10. Skont il-premessa 29 tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, sabiex ikun determinat l-impa tt ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni, huwa xieraq li tiġi kkunsidrata ż-żieda fl-effiċjenza sostanzjata u probabbli li tiġi mqajma mill-impriżi kkonċernati. Jista’ jkun li ż-zieda fl-effiċjenza li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tpatti għall-effetti fuq il-kompetizzjoni, u b’mod partikolari, l-ħsara potenzjali għall-konsumaturi, li jista’ jkollha, inkella jista’ jkun li minħabba f’hekk din ma tfixkilx b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari b’riżultat tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti. Il-punt 78 tal-linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet [konċentrazzjonijiet] orizzontali stabbiliti mill-Kummissjoni jindika li, sabiex il-Kummissjoni tqis iż-żieda fl-effiċjenza fl-istima tagħha tal-konċentrazzjoni u tkun f’pożizzjoni li tasal għal konklużjoni li bħala konsegwenza taż-żieda fl-effiċjenza, ma hemm l-ebda raġuni biex tiddikjara l-konċentrazzjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni, iż-żieda fl-effiċjenza trid tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, tkun speċifika għall-konċentrazzjoni u tkun verifikabbli. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi.

    Il-prova tal-fatt li ż-żieda fl-effiċjenza allegata tista’ tagħmel tajjeb għall-effetti negattivi li l-konċentrazzjoni tista’, f’nuqqas ta’ dan, tikkawża fuq il-kompetizzjoni taqa’ fuq il-partijiet li jinnotifikaw.

    (ara l-punti 386, 387, 412)

    11. Jirriżulta mill-punt 86 tal-linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet [konċentrazzjonijiet] orizzontali stabbiliti mill-Kummissjoni li ż-żieda fl-effiċjenza għandha tkunu verifikabbli sabiex il-Kummissjoni tkun ċerta b’mod raġonevoli li ż-żieda fl-effiċjenza x’aktarx ser timmaterjalizza, u ser tkun sostanzjali biżżejjed sabiex tirribatti l-ħsara potenzjali tal-konċentrazzjoni għall-konsumaturi. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni aħjar biex tevalwa dawn il-pretensjonijiet. Sa fejn huwa possibbli, ż-żieda fl-effiċjenza u l-vantaġġi għall-konsumaturi għandhom ikunu kwantifikati u, meta ma tkunx disponibbli d-data neċessarja li tippermetti analiżi kwantitattiva speċifika, għandu jkun possibbli li jiġi previst effett pożittiv fuq il-konsumaturi identifikabbli b’mod ċar u mhux effett marġinali.

    Il-kundizzjoni dwar in-natura verifikabbli taż-żieda fl-effiċjenza b’hekk ma teħtieġx li l-parti li tinnotifika tagħti data li tista’ tiġi vverifikata b’mod indipendenti minn terzi jew dokumenti li jmorru lura qabel il-konċentrazzjoni li jippermettu li tiġi evalwata b’mod oġġettiv u indipendenti l-portata taż-żieda fl-effiċjenza kkawżata mix-xiri.

    Jirriżulta, fil-fatt, minn dawn il-linji ta’ gwida li ħafna mill-informazzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni tevalwa ż-żieda fl-effiċjenza hija esklużivament f’idejn il-partijiet li se jingħaqdu u li b’hekk huma l-partijiet li jinnotifikaw li għandhom jikkomunikaw, f’waqtu, l-informazzjoni neċessarja. Bl-istess mod, il-lista mhux eżawrjenti tal-provi rilevanti għall-evalwazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza tinkludi provi ta’ natura differenti, mingħajr mal-enfasi jaqa’ fuq in-neċessità li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ verifika indipendenti jew li jkunu preċedenti għall-konċentrazzjoni.

    Impriża li hija parti għal konċentrazzjoni hija b’hekk iġġustifikata li tippreżenta lill-Kummissjoni d-data tagħha dwar iż-żieda fl-effiċjenza mistennija mill-konċentrazzjoni, mingħajr ma neċessarjament tirrikorri għal evalwazzjoni li tista’ tiġi vverifikata b’mod indipendenti minn terzi jew li seħħet qabel ma ġiet imħabbra l-konċentrazzjoni. Id-dinja tal-kummerċ mhux neċessarjament tippermetti l-produzzjoni f’waqtha ta’ dokumenti bħal dawn u, b’mod partikolari, id-dokumenti użati minn impriża sabiex tinbeda offerta pubblika għall-kapital azzjonarju, provenjenti minn din l-impriża jew mill-avukati tagħha, fihom infushom jistgħu jkunu ta’ ċerta rilevanza sabiex jiġi sostnut il-kontenut tal-allegazzjonijiet dwar iż-żieda fl-effiċjenza.

    (ara l-punti 406-408, 410)

    12. Jirriżulta mill-punt 85 tal-linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet [konċentrazzjonijiet] orizzontali stabbiliti mill-Kummissjoni li ż-żieda fl-effiċjenza hija rilevanti għall-istima kompetittiva meta hija konsegwenza diretta tal-konċentrazzjoni nnotifikata u ma tistax tinkiseb b’mezz simili permezz ta’ prattiċi inqas anti-kompetittivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tikkunsidra li ż-żieda fl-effiċjenza hija meqjusa li hija kkawżata mill-konċentrazzjoni u allura, speċifika għall-konċentrazzjoni. Il-partijiet għall-konċentrazzjoni jridu jipprovdu fi żmien propizju l-informazzjoni rilevanti kollha li hija neċessarja sabiex turi li ma hemmx mezzi realistiċi li huma inqas anti-kompetittivi mill-konċentrazzjoni nnotifikata. Il-Kummissjoni tikkunsidra biss mezzi li huma raġonevolment prattiċi fis-sitwazzjoni kummerċjali li fihom jinsabu l-partijiet għall-konċentrazzjoni, wara li jiġu kkunsidrati l-prattiċi kummerċjali li huma stabbiliti fl-industrija inkwistjoni.

    (ara l-punt 427)

    13. Għal dak li jirrigwarda l-vantaġġ għall-konsumaturi, mil-linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet [konċentrazzjonijiet] orizzontali stabbiliti mill-Kummissjoni jirriżulta li, meta ssir evalwazzjoni tal-argumenti bbażati fuq iż-żieda fl-effiċjenza, huwa importanti li jiġi vverifikat li l-konsumaturi ma jkunux iktar agħar bħala riżultat tal-konċentrazzjoni. Għal dak il-għan, iż-żieda fl-effiċjenza teħtieġ li tkun sostanzjali u fi żmien raġonevoli, u teħtieġ, bi prinċipju, li tagħti vantaġġ lill-konsumaturi f’dawk is-swieq rilevanti fejn, fin-nuqqas ta’ tali żieda fl-effiċjenza, il-konċentrazzjoni x’aktarx twassal għal problemi ta’ kompetizzjoni. Il-konċentrazzjonijiet jistgħu jġibu magħhom diversi tipi ta’ żidiet fl-effiċjenza li jistgħu jwasslu għal prezzijiet iktar baxxi jew benefiċċji oħra lill-konsumaturi. Pereżempju, riżerva ta’ spejjeż fuq il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tista’ tagħti lill-konċentrazzjoni l-kapaċità u l-inċentiv sabiex timponi prezzijiet iktar baxxi wara l-formazzjoni tal-konċentrazzjoni. Minbarra l-bżonn li taċċerta li ż-żieda fl-effiċjenza ser twassal għal benefiċċju nett lill-konsumaturi, huwa x’aktarx iktar rilevanti għall-evalwazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza, titjib li jwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż varjabbli jew marġinali mit-tnaqqis fi spejjeż fissi; peress li dawn tal-ewwel huma, bi prinċipju, iktar probabbli li jirriżultaw fi prezzijiet iktar baxxi għal konsumaturi. Tnaqqis ta’ spiża, li huwa sempliċement il-konsegwenza ta’ tnaqqis anti-kompetittiv fil-produzzjoni, ma jistax jiġi meqjus bħala żieda fl-effiċjenza li jibbenefikaw minnha l-konsumaturi.

    Barra minn hekk, l-inċentiv min-naħa tal-entità ġdida li hija r-riżultat tal-konċentrazzjoni sabiex tgħaddi żieda fl-effiċjenza lill-konsumaturi huwa spiss relatat mal-eżistenza tal-pressjoni kompetittiva mill-impriżi li jibqgħu fis-suq u mill-kompetituri potenzjali. Iktar ma huwa possibbli li jkun hemm effetti negattivi kbar fuq il-kompetizzjoni, iktar il-Kummissjoni trid tkun ċerta li ż-żieda fl-effiċjenza li hija pretiża hija sostanzjali, illi x’aktarx tkun ser iseħħ u li ser tkun mgħoddija, sa ċertu punt suffiċjenti, lill-konsumatur. Fuq dan il-punt, il-linji ta’ gwida jindikaw li ma tantx huwa probabbli li konċentrazzjoni li qiegħda timmira għal pożizzjoni fis-suq li qiegħda tapproċċja dik ta’ monopolju, jew li timmira għal livell simili tal-qawwa fis-suq, tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi li ż-żieda fl-effiċjenza tkun biżżejjed biex tagħmel tajjeb għall-effetti anti-kompetittivi potenzjali tagħha.

    (ara l-punti 434-436)

    14. Fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjoni, l-impriżi kkonċernati jistgħu jipproponu xi impenji lill-Kummissjoni sabiex tinkiseb deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni tagħhom mas-suq komuni. Skont l-istadju li fih waslet il-proċedura amministrattiva, l-impenji proposti għandhom jippermettu lill-Kummissjoni jew li tikkunsidra li l-konċentrazzjoni nnotifikata ma tqajjimx iktar dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni fl-istadju tal-investigazzjoni preliminari, jew li tirrispondi għall-oġġezzjonijiet li saru fil-kuntest tal-eżami fil-fond. Dawk l-impenji b’hekk jippermettu, l-ewwel nett, li jiġi evitat il-ftuħ tal-fażi ta’ eżami fil-fond jew, imbagħad, li tiġi evitata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tiddikjara l-inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, fil-fatt, jippermetti lill-Kummissjoni li fid-deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni skont il-kriterji definiti fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament, tinkludi kundizzjonijiet u impenji intiżi li jiggarantixxu li l-impriżi kkonċernati jirrispettaw l-impenji li huma ħadu fir-rigward tagħha sabiex il-konċentrazzjoni tkun kompatibbli mas-suq komuni.

    Fid-dawl kemm tal-importanza tal-interessi finanzjarji u tal-interessi industrijali jew kummerċjali inerenti għal dan it-tip ta’ konċentrazzjonijiet kif ukoll tal-poteri li għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam, huwa fl-interess tal-impriżi kkonċernati li jiffaċilitaw ix-xogħol tal-amministrazzjoni. Dawn l-istess raġunijiet jobbligaw ukoll lill-Kummissjoni li tuża l-akbar diliġenza fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet.

    Fir-rigward tal-impenji li huma sottomessi tard, jirriżulta mill-avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 4064/89 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 447/98, li s-soluzzjonijiet ġew adottati mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 139/2004 u r-Regolament Nru 802/2004, li l-partijiet għal konċentrazzjoni nnotifikata setgħu jikkunsidraw impenji bħal dawn b’żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li dawn isolvu b’mod ċar u mingħajr bżonn ta’ investigazzjoni supplimentari l-problemi kompetittivi identifikati minn qabel u, min-naħa l-oħra, li jeżisti żmien biżżejjed sabiex l-Istati Membri jiġu kkonsultati dwar dawn l-impenji.

    (ara l-punti 448-451, 455)

    15. Fil-kuntest tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, il-Kummissjoni hija awtorizzata taċċetta biss impenji ta’ natura li jagħmlu l-konċentrazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq komuni. F’dan ir-rigward, l-impenji proposti minn wieħed mill-partijiet li se jingħaqdu jissodisfaw dan il-kriterju biss meta l-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tikkonkludi, b’ċertezza, li jkun possibbli li jimplementawhom u li r-rimedji li jirriżultaw ikunu suffiċjentement vjabbli u durabbli sabiex il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, jew ta’ xkiel għall-kompetizzjoni effettiva, li l-impenji għandhom l-għan li jwaqqfu, ma jkunux jistgħu jseħħu f’futur relattivament qrib.

    (ara l-punti 452, 453)

    Top