Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0535

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Eżami tal-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja — Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni — Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata

    (Artikolu 226 KE)

    2. Ambjent — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi — Direttiva 79/409 — Għażla u delimitazzjoni taż-żoni ta’ protezzjoni speċjali

    (Direttiva tal-Kunsill 79/409, Artikolu 4(1)u(2))

    3. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Suġġett tal-kawża — Determinazzjoni matul il-proċedura prekontenzjuża — Dikjarazzjoni koerenti u ddettaljata tal-ilmenti — Nuqqas — Inammissibbiltà

    (Artikolu 226 KE)

    4. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Proċedura prekontenzjuża — Opinjoni motivata — Kontenut

    (Artikolu 226 KE)

    5. Ambjent — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi — Direttiva 79/409 — Miżuri ta’ konservazzjoni speċjali — Obbligi tal-Istati membri

    (Direttivi tal-Kunsill 79/409, Artikolu 4(1) u (2), u 92/43, Artikoli 6(2) u 7)

    Summary

    1. Fil-kuntest ta’ rikors taħt l-Artikolu 226 KE, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi evalwat skont is‑sitwazzjoni tal-Istat Membru kif ġie ppreżentat f’għeluq it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu saru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    (ara l-punt 22)

    2. Is-sistemi legali tad-Direttivi 79/409, dwar il‑konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi, u 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u fawna u flora selvaġġi, huma distinti, għalhekk Stat Membru ma jistax jeżonera ruħu mill‑obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409 billi juża miżuri differenti minn dawk previsti minnha. Min-naħa l-oħra, iċ‑ċirkustanza li sit, li fir-rigward tiegħu Stat Membru huwa suġġett għal obbligu ta’ klassifikazzjoni skont din id-direttiva, ma sofra l-ebda deterjorament, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l‑obbligu impost fuq l‑Istati Membri li jikklassifikaw siti bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali.

    (ara l-punt 24)

    3. Is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa stabbilit bl‑opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’mod li li r-rikors ikollu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal dawk ta’ din l-opinjoni. L-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni lill-Istat Membru u sussegwentement l-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża, li konsegwentement, ma jistax jiġi estiż iktar. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta l‑osservazzjonijiet tiegħu tikkostitwixxi, anki jekk iqis li ma hemmx lok li jagħmel użu minnha, garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat u l‑osservanza tagħha hija rekwiżit formali essenzjali għar-regolarità tal‑proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu. Konsegwentement, l-opinjoni motivata u r-rikors tal‑Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk imsemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni li tibda l-proċedura prekontenzjuża. Jekk dan ma huwiex il-każ, irregolarità simili ma tistax tiġi kkunsidrata bħala effettiva minħabba l-fatt li l-Istat Membru konvenut ifformula osservazzjonijiet fuq l-opinjoni motivata.

    L-opinjoni motivata u r-rikors għandhom jippreżentaw l-ilmenti b’mod koerenti u b’mod preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur ikkontestat tad-dritt tal-Unjoni, kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv il‑motivi tad-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l‑eżistenza tan-nuqqas allegat.

    (ara l-punti 40-42)

    4. Jekk l-opinjoni motivata għandha tinkludi espożizzjoni koerenti u ddettaljata tal-motivi li wasslu biex jikkonvinċu lill-Kummissjoni li l-Istat Membru interessat naqas minn wieħed mill-obbligi li ġew imposti fuqu bis‑saħħa tat-Trattat, il-Kummissjoni ma hijiex madankollu marbuta li tindika fl-opinjoni motivata l-miżuri li jippermettu l-eliminazzjoni tan‑nuqqas ikkontestat. Bl-istess mod, il‑Kummissjoni ma hijiex obbligata li tindika dawn il-miżuri fir-rikors tagħha.

    (ara l-punt 50)

    5. Filwaqt li l-eżattezza tat-traspożizzjoni għandha importanza partikolari fir‑rigward tad-Direttiva 79/409, dwar il‑konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi, sa fejn il-ġestjoni tal-patrimonju komuni huwa fdat, għat-territorju tagħhom, lill-Istati Membri rispettivi, din f’kull każ, ma tistax timponi lil dawn tal-aħħar li jinkludu l-obbligi u l‑projbizzjonijiet li jirriżultaw mill Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 6(2) tad‑Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u fawna u flora selvaġġi, fl-att legali li jiffissa, għal kull żona ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS), l‑ispeċji u l-habitat protetti bħall-għanijiet ta’ konservazzjoni.

    Fir-rigward ta’ dawn l-obbligi, l-adozzjoni ta’ miżuri pożittivi għall‑konservazzjoni u għat-titjib tal-istat ta’ ŻPS ma għandux natura sistematika, iżda jiddependi mis-sitwazzjoni konkreta taż-ŻPS ikkonċernata.

    Jekk huwa minnu, pereżempju, li l-protezzjoni taż-ŻPS kontra l-attivitajiet ta’ individwi titlob li huma jiġu ostakolati minn qabel milli jipparteċipaw f’attivitajiet potenzjalment ta’ ħsara, ma jidhirx li t‑twettiq ta’ dan l-għan neċessarjament jeħtieġ projbizzjonijiet speċifiċi għal kull ŻPS għal kull speċji speċifika.

    F’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-ispeċji u tal-habitats protetti f’kull ŻPS, bħal kif id-delimitazzjoni ta’ ŻPS għandha jkollha forma vinkolanti inkontestabbli, l-identifikazzjoni tal-ispeċji li jkunu ġġustifikaw l‑klassifikazzjoni ta’ din iż-ŻPS għandhom jissodisfaw l-istess rekwiżiti. Fil-fatt, jekk dan ma kienx il-każ, l-għan ta’ protezzjoni li jirriżulta mill‑Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409, u l-Artikolu 6(2) tad‑Direttiva 92/43, moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ din, jista’ ma jintlaħaqx għalkollox.

    F’dak li jirrigwarda l-għanijiet ta’ konservazzjoni, l-istatus legali ta’ protezzjoni li minnu għandhom jibbenefikaw iż-ŻPS ma jimplikax li dawn l-għanijiet għandhom ikunu speċifikati għal kull speċji kkunsidrata separatament. Barra minn dan, f’kull każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li l‑għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu fl-istess att legali bħal dak li jirrigwarda l-ispeċji u l-habitats protetti minn ŻPS speċifiku.

    Fir-rigward ta’ status legali ta’ protezzjoni taż-ŻPS konnessi ma’ riserva naturali jew ma’ kull tip ieħor ta’ sit eżistenti kklassifikat u protetti mill‑miżuri nazzjonali jew reġjonali, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/409 jipprovdi sistema speċifikament intiża u msaħħa kemm għall-ispeċji elenkati fl-Anness I ta’ din kif ukoll għall-ispeċji migratorji. Din hija n‑natura partikolari tas-sistema ta’ protezzjoni li għandhom igawdu minnha ż-ŻPS, b’kuntrast mas-sistema ta’ protezzjoni ġeneralment inqas stretta prevista taħt l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva għall-ispeċji kollha ta’ għasafar koperti minnha. Madankollu ma jirriżultax li hija biss sistema legali speċifikament iddefinita u implementata għal kull ŻPS li hija suxxettibbli li effettivament tipproteġi dan it‑tip ta’ sit.

    (ara l-punti 61-66)

    Top