Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0402

    Sommarju tas-sentenza

    Kawżi magħquda C-402/07 u C-432/07

    Christopher Sturgeon et

    vs

    Condor Flugdienst GmbH

    u

    Stefan Böck u Cornelia Lepuschitz

    vs

    Air France SA

    (talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof u mill-Handelsgericht Wien)

    “Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikoli 2(l), 5, 6 u 7 — Kunċetti ta’ ‘dewmien’ u ta’ ‘kanċellazzjoni’ ta’ titjira — Dritt għal kumpens fil-każ ta’ dewmien — Kunċett ta’ ‘ċirkostanzi straordinarji’”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fit-2 ta’ Lulju 2009   I ‐ 10926

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-19 ta’ Novembru 2009   I ‐ 10954

    Sommarju tas-sentenza

    1. Trasport – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 261/2004 – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikoli 2(l), 5 u 6)

    2. Trasport – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 261/2004 – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikoli 5, 6 u 7)

    3. Trasport – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 261/2004 – Kumpens u assistenza għal passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikolu 5(3))

    1.  L-Artikoli 2(l), 5 u 6 tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, għandhom jiġu interpretati fis-sens li titjira mdewma, indipendentement mit-tul tad-dewmien, anki jekk sinjifikattiv, ma tistax titqies li hija kkanċellata meta ssir skont l-iskeda inizjalment stabbilita mit-trasportatur tal-ajru.

      Fil-fatt, titjira hija “imdewma” skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, jekk tkun saret skont l-iskeda inizjalment stabbilita u jekk il-ħin effettiv tat-tluq huwa tardiv meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat, filwaqt li, skont l-Artikolu 2(l) ta’ dan l-istess regolament, il-kanċellazzjoni hija l-konsegwenza tal-fatt li t-titjira inizjalment skedata ma tkunx saret.

      (ara l-punti 32, 33, 39 u d-dispożittiv 1)

    2.  L-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jiġu assimilati mal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens u li b’hekk jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament meta huma jsofru, minħabba t-titjira mdewma, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment skedat mit-trasportatur tal-ajru. Madankollu, tali dewmien ma jagħtix dritt għal kumpens favur passiġġieri jekk it-trasportatur tal-ajru jkun f’pożizzjoni li jipprova li d-dewmien twil huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, jiġifieri ċirkustanzi li fuqhom it-trasportatur tal-ajru ma għandux kontroll effettiv.

      (ara l-punt 69 u d-dispożittiv 2)

    3.  L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, għandu jiġi interpretat fis-sens li problema teknika fuq ajruplan li twassal għall-kanċellazzjoni jew għad-dewmien ta’ titjira ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ħlief jekk din il-problema tirriżulta minn avvenimenti li, minħabba n-natura jew l-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u li fuqhom it-trasportatur ma għandux kontroll effettiv.

      (ara l-punt 72 u d-dispożittiv 3)

    Top