Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0397

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-397/07

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    vs

    Ir-Renju ta’ Spanja

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital — Kumpanniji b’kapital azzjonarju — Direttiva 69/335/KEE — Artikoli 2(1) u (3), 4(1) u 7 — Dazju fuq il-kapital — Eżenzjoni — Kundizzjonijiet — Trasferiment taċ-ċentru effettiv tal-amministrazzjoni jew tal-uffiċċju rreġistrat minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor — Dazju fuq il-kapital allokat għall-attivitajiet kummerċjali eżerċitati fi Stat Membru permezz ta’ fergħat jew ta’ stabbilimenti permanenti ta’ kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fil-5 ta’ Marzu 2009   I ‐ 6032

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-9 ta’ Lulju 2009   I ‐ 6051

    Sommarju tas-sentenza

    1. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Dazju fuq il-kapital fuq il-kumpanniji b’kapital azzjonarju – Operazzjonijiet eżentati

      (Direttiva tal-Kunsill 69/335, Artikolu 7(1)(b))

    2. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Dazju fuq il-kapital fuq il-kumpanniji b’kapital azzjonarju

      (Direttiva tal-Kunsill 69/335, Artikolu 4(1)(g) u (h))

    3. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Dazju fuq il-kapital fuq il-kumpanniji b’kapital azzjonarju

      (Direttiva tal-Kunsill 69/335, Artikolu 2(1))

    1.  Stat Membru li jissuġġetta l-eżenzjoni mid-dazju fuq il-kapital tal-operazzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 69/335 għal ċerti kundizzjonijiet, bħall-obbligu, għall-kumpannija kkonċernata, li tagħżel sistema speċjali ta’ eżenzjoni u li tinforma b’dan lill-awtoritajiet fiskali jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 69/335, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata tad-Direttiva 85/303.

      Fil-fatt, l-eżenzjoni mid-dazju fuq il-kapital għall-operazzjonijiet li jaqgħu taħt l-imsemmija dispożizzjoni hija obbligatorja u mingħajr kundizzjoni, u tikkostitwixxi għall-kumpanniji kkonċernati dritt li l-eżerċizzju tiegħu għandu jiġi żgurat fil-livell nazzjonali b’mod sempliċi u nieqes mill-ambigwità.

      (ara l-punt 27 u d-dispożittiv)

    2.  Stat Membru li jissuġġetta għad-dazju fuq il-kapital it-trasferiment, minn Stat Membru ieħor għat-territorju tiegħu, taċ-ċentru effettiv tal-amministrazzjoni jew tal-uffiċċju rreġistrat tal-Kumpanniji b’kapital azzjonarju li ma kinux suġġetti għal dazju simili fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 69/335, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata bid-Direttiva 85/303.

      Fil-fatt, il-kriterju ta’ “impożizzjoni” jew ta’ “suġġettar” fl-Istat Membru ta’ oriġini ma jikkorrispondix għall-kriterju hawn fuq imsemmi, stabbilit fl-Artikolu 4(1)(g) u (h) tad-Direttiva 69/335, u għalhekk jippermetti impożizzjoni ta’ dazju fuq il-kapital f’każijiet li fihom id-Direttiva 69/335 ma tipprevedix dan.

      (ara l-punt 37 u d-dispożittiv)

    3.  Stat Membru li jissuġġetta għal dazju fuq il-kapital il-kapital allokat għall-attivitajiet kummerċjali eżerċitati fit-territorju tiegħu permezz ta’ fergħat jew ta’ stabbilimenti permanenti ta’ kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor li ma japplikax dazju simili jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 69/335, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata bid-Direttiva 85/303.

      Fil-fatt, impożizzjoni ta’ taxxa fuq dawn l-operazzjonijiet kummerċjali ta’ Kumpanniji b’kapital azzjonarju li għandhom iċ-ċentru effettiv tal-amministrazzjoni tagħhom fi Stati Membri oħra hija kuntrarja għall-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 69/335, li jipprovdi li l-operazzjonijiet suġġetti għad-dazju fuq il-kapital huma taxxabbli biss fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun hemm iċ-ċentru effettiv tal-amministrazzjoni tal-kumpannija b’kapital azzjonarju fiż-żmien meta dawn l-operazzjonijiet iseħħu.

      (ara l-punt 45 u d-dispożittiv)

    Top