Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0002

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-2/07

    Paul Abraham et

    vs

    Région wallonne et

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Belġju)

    “Direttiva 85/337/KEE — Stima ta’ l-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent — Ajruport b’runway b’tul ta’ iktar minn 2 100 metru”

    Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fid-29 ta’ Novembru 2007   I - 1200

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ Frar 2008   I - 1223

    Sommarju tas-sentenza

    1. Ambjent – Stima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 85/337

      (Direttiva tal-Kunsill 85/337, Artikolu 1(2))

    2. Ambjent – Stima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 85/337

      (Direttiva tal-Kunsill 85/337, Annessi I, punt 7, u II, punt 12)

    3. Ambjent – Stima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 85/337

      (Direttiva tal-Kunsill 85/337, Anness II, punt 12)

    1.  Għalkemm ftehim, iffirmat bejn l-awtorità pubblika, kumpannija ta’ żvilupp u promozzjoni ta’ ajruport u kumpannija ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru u li jipprevedi ċertu numru ta’ xogħlijiet ta’ modifika ta’ l-infrastrutturi ta’ dan l-ajruport sabiex dan ikun jista’ jiġi użat 24 siegħa kuljum u 365 jum fis-sena mhuwiex proġett fis-sens ta’ l-msemmija direttiva, dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, jekk tali ftehim jikkostitwixxix kunsens għal żvilupp skond l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337. F’dan il-kuntest hemm lok li jiġi eżaminat jekk dan il-kunsens huwiex parti minn proċedura f’diversi stadji li tinkludi deċiżjoni prinċipali kif ukoll deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni u jekk hemmx lok li jiġi kkunsidrat l-effett kumulattiv ta’ diversi proġetti li l-effetti tagħhom fuq l-ambjent għandhom ikunu evalwati globalment.

      (ara l-punt 28 u d-dispożittiv 1)

    2.  Fil-verżjoni oriġinali tagħhom, id-dispożizzjonijiet tal-punt 12 ta’ l-Anness II tad-Direttiva 85/337 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, li jsemmi l-“[m]odifikazzjonijiet lil proġetti ta’ żvilupp inklużi f’Annes I”, moqrija flimkien ma’ dawk tal-punt 7 ta’ l-Anness I, li jirreferi għall-“[k]ostruzzjoni […] ta’ ajruporti ta’ tul bażiku ta’ runway ta’ 2100 m jew iktar”, jinkludu wkoll ix-xogħlijiet ta’ modifika mwettqa lill-infrastruttura ta’ ajruport eżistenti mingħajr ma tiġi mwtawla r-runway sakemm dawn jistgħu jiġu meqjusa, b’mod partikolari min-natura, l-importanza u l-karatteristiċi tagħhom, bħala modifka ta’ l-ajruport stess. L-istess japplika għaldaqstant, b’mod partikolari, għax-xogħlijiet intiżi sabiex tiżdied b’mod sinjifikattiv l-attività ta’ l-ajruport u tat-traffiku ta’ l-ajru. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tassigura ruħha li l-awtoritajiet kompetenti evalwaw korrettament jekk ix-xogħlijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali kellhomx ikunu suġġetti għal stima ta’ l-effett tagħhom fuq l-ambjent.

      Fil-fatt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 huwa wiesgħa u l-għan tagħha kbir ħafna. F’dan ir-rigward ikun kuntrarju għall-għan stess tad-Direttiva 85/337 li xogħlijiet ta’ titjib jew ta’ tkabbir ta’ infrastruttura ta’ ajruport diġà mibni jaħarbu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Anness II tagħha, għar-raġuni li l-Anness I ta’ l-imsemmija direttiva jirreferi għall-“kostruzzjoni ta’ ajruporti” u mhux għall-“ajruporti” bħala tali. Tali interpretazzjoni tkun tippermetti fil-fatt li x-xogħlijiet kollha ta’ modifika mwettqa lil ajruport diġà eżistenti, irrispettivament mill-estent ta’ dawn ix-xogħlijiet, jaħarbu l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 85/337 u għaldaqstant, tneħħi, fuq dan il-punt, kull skop ta’ l-Anness II ta’ l-imsemmija direttiva.

      (ara l-punti 32, 33, 40 u d-dispożittiv 2)

    3.  Fir-rigward tal-proġett imsemmi fil-punt 12 ta’ l-Anness II tad-Direttiva 85/337 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw iż-żieda pproġettata fl-attività ta’ ajruport meta huma jeżaminaw l-effett fuq l-ambjent tal-modifiki mwettqa għall-infrastrutturi tiegħu bil-għan li jkun jista’ jlaħħaq ma’ din iż-żieda fl-attività.

      (ara l-punt 46 u d-dispożittiv 3)

    Top