Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005TJ0163

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Kriterju ta’ investitur privat

    (Artikolu 87(1) KE)

    2. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat

    (Artikolu 87(1) KE)

    3. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Implementazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

    (Artikolu 87(1) KE)

    4. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat

    (Artikolu 87(1) KE)

    5. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat

    (Artikolu 87(1) KE)

    Summary

    1. Sabiex jiġi evalwat jekk miżura tal-Istat tikkostitwixxix għajnuna, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb fil-kundizzjonijiet normali tas-suq. F’dan ir-rigward, ma jistax jitqies li l‑eżerċizzju ta’ verifika ta’ jekk tranżazzjoni saritx f’kundizzjonijiet normali tas-suq, għandu neċessarjament isir b’riferiment għall-investitur biss, jew għall-impriża benefiċjarja tal-investiment biss, meta hija l-interazzjoni bejn l-aġenti ekonomiċi differenti li tabilħaqq tikkaratterizza l-ekonomija tas-suq. Barra minn hekk, dan l-eżerċizzju lanqas ma jeżiġi li jiġu injorati kompletament ir‑restrizzjonijiet relatati man-natura tal-assi ttrasferiti, fid-dawl tal-fatt li bħala riferiment għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-aġir ta’ investitur privat li jinsab, sa fejn huwa possibbli, fl-istess sitwazzjoni bħal dik tal-investitur pubbliku.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-evalwazzjoni dwar jekk hemmx vantaġġ li l-impriża ma kinitx tkun tista’ tikseb f’kundizzjonijiet tas-suq, il-Kummissjoni għandha tagħmel analiżi kompluta tal-elementi rilevanti kollha tat-tranżazzjoni inkwistjoni u tal-kuntest tagħha, inkluż tas-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja u tas-suq ikkonċernat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari teżamina l‑kwistjoni dwar jekk l-impriża setgħetx tikseb mingħand investituri oħra fondi li kellhom l-istess vantaġġi għaliha u, skont il-każ, taħt liema kundizzjonijiet, peress li miżura ma tistax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat jekk ma tpoġġix l-impriża f’sitwazzjoni iktar vantaġġuża minn dik li kienet tkun fiha mingħajr intervent mill-awtorità pubblika.

    (ara l-punti 35-37, 175)

    2. Awtorità pubblika li tawtorizza bank jibbenefika minn kontribuzzjoni ta’ kapital li tipprevedi remunerazzjoni bbażata fuq mudell gradwali, li jipprovdi li, matul l‑ewwel snin wara l-integrazzjoni tal-imsemmija kontribuzzjoni, ir‑remunerazzjoni fissa għall-funzjoni tat-tkattir tal-attivitajiet kummerċjali ma titħallasx fuq il-kontribuzzjoni kollha, iżda fuq partijiet miftiehma minn qabel, mhux neċessarjament tagħti lil bank vantaġġ li ma kienx ikun jista’ jikseb b’mod ieħor.

    Fin-nuqqas ta’ argumenti li jippermettu li jiġi stabblit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, din tista’ tikkunsidra li, f’sitwazzjoni kkaratterizzata, minn naħa, mill-fatt li awtorità pubblika riedet tinvesti assi mhux likwidi li hija ma riditx taqsam, u min-naħa l-oħra, mill-fatt li Helaba ma kellux bżonn, la għal żmien temporanju u lanqas għal żmien twil, ta’ kapital daqs l‑ammont tal-fond speċjali, investitur privat ma kienx jasal jikseb mill-bank ir‑remunerazzjoni immedjata tal-kontribuzzjoni inkwistjoni kollha bir-rata adottata għar-remunerazzjoni tal-funzjoni ta’ tkattir tal-attivitajiet kummerċjali tal-bank. Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx manifestament żbaljat li jiġi kkunsidrat li bank ma jaċċettax li jħallas ir-rata li tikkorrispondi għar-remunerazzjoni tal-funzjoni ta’ tkattir tal-attivitajiet kummerċjali tiegħu fir-rigward ta’ fondi li huwa jaf mill-bidu li mhux ser ikun kapaċi juża għal dan il-għan. Fil-fatt, għalkemm dawn il-fondi setgħu jippermettulu jsaħħaħ s-solvenza tiegħu jew li jevita degradazzjoni ta’ din is-solvenza, u għalhekk li jnaqqas jew iżomm l-istess l-ispejjeż ta’ finanzjament tiegħu, madankollu dawn ma jippermettulux jikseb dħul addizzjonali minn tranżazzjonijiet ġodda.

    Għalhekk, investitur privat fis-sitwazzjoni ta’ tali awtorità pubblika kien jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, minħabba l-impossibbiltà li l-bank juża immedjatament il-kontribuzzjoni kollha disponibbli mill-perspettiva tad-dritt tas-superviżjoni, għat-tkattir tal-attivitajiet kummerċjali tiegħu, il-parti tal-kontribuzzjoni li huwa ma kienx f’pożizzjoni li juża ma kinitx taqdi l-istess funzjoni ekonomika għalih bħal dik tal-parti li huwa seta’ juża.

    (ara l-punti 51, 58, 66-68)

    3. L-evalwazzjoni mill-Kummissjoni, tal-kwistjoni dwar jekk investiment jagħtix vantaġġ li l-impriża ma kinitx tkun tista’ tikseb fis-suq, timplika evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Il-Kummissjoni, meta tadotta att li jimplika tali evalwazzjoni, tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ ġudizzjarju tal-imsemmi att, anki jekk bħala prinċipju japplika b’mod sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex saret l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-awtur tad-deċiżjoni.

    Għaldaqstant, il-paragun bejn il-kontribuzzjoni inkwistjoni u strumenti ibridi oħra jikkostitwixxi kwistjoni ta’ ċerta kumplessità ekonomika, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni għanda setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Barra minn hekk, il‑klassifika tal-kontribuzzjoni inkwistjoni bħala kontribuzzjoni taċita għal żmien determinat jew bħala investiment f’kapital azzjonarju tikkostitwixxi biss strument analitiku użat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

    L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma tippermettix għalhekk li jiġu determinati b’mod awtomatiku l-eżistenza u d-dimensjoni ta’ għajnuna mill-Istat, iżda tippermettilha biss li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha, ikollha punt ta’ tluq li jieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li fihom investituri privati wettqu tranżazzjonijiet li l-iktar jixxiebhu. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar din il‑kwistjoni għalhekk ma teħlishiex mill-obbligu li twettaq analiżi kompluta tal-elementi kollha rilevanti tat-tranżazzjoni inkwistjoni u tal-kuntest tagħha, inkluż is-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja u tas-suq ikkonċernat, sabiex tivverifika jekk l-impriża benefiċjarja tiksibx vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb fil-kundizzjonijiet normali tas-suq.

    (ara l-punti 38, 96-98)

    4. Anki jekk is-sottoskrizzjoni tal-kontribuzzjoni kollha li tirrappreżenta 40 % tal-fondi proprji tal-bank emittenti timplika riskju ogħla għall-investitur, żieda tar-remunerazzjoni tista’ biss tkun iġġustifikata jekk dan il-fatt jinkludi vantaġġ għal bank emittenti li għalih dan huwa lest li jħallas, jew jekk dan il-bank għandu bżonn il-fondi proposti mill-investitur u ma huwiex f’pożizzjoni li jiksibhom mingħand persuni oħra. Min-naħa l-oħra, jekk iż-żieda tar-riskju għall-investitur tirriżulta minn deċiżjoni li huwa adotta għal raġunijiet li huma speċifiċi għalih, mingħajr ma jkun influwenzat mix-xewqat jew mill-bżonnijiet tal-bank, dan jirrifjuta li jħallas żieda tar-remunerazzjoni u jikseb il-fondi mingħand investituri oħra.

    (ara l-punti 229, 234)

    5. Fir-rigward tal-klassifika ta’ għajnuna mill-Istat bħala investiment f’impriża, hija l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-impriża li hija determinanti. Minn dan jirriżulta li, f’każ bħal dak inkwistjoni, fejn l-awtorità pubblika tfittex li tinvesti assi ta’ natura partikolari, tranżazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tagħti lok għall-għajnuna mill-Istat meta, wara n-negozjati bejn l-awtorità pubblika li tixtieq tinvesti u l-impriża, il-kundizzjonijiet li din tal-aħħar tkun lesta li taċċetta minħabba l-iżvantaġġi li l-kapital ittrasferit jinvolvi fir-rigward tagħha, jimplikaw remunerazzjoni iżgħar minn dik miftiehma fis-suq għall-investimenti likwidi. Fil-fatt, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux iktar vantaġġużi għall-impriża minn dawk li hija setgħet tikseb li kieku t-tranżazzjoni kienet tikkonċerna bħalma huwa normalment il-każ, kapital likwidu, hija ma tirċevix vantaġġ li ma kinitx tkun tista’ tikseb fis-suq. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi kkunsidrat li, sabiex tranżazzjoni ta’ dan it-tip ma tiġix ikkunsidrata bħala li tagħti lok għall-għajnuna mill-Istat, l-awtorità pubblika għandha dejjem tirċievi għall-investiment tagħha l-istess remunerazzjoni bħal investitur li huwa dispost li jittrasferixxi kapital likwidu.

    (ara l-punt 277)

    Top