EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010L0031

Ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

Ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din għandha l-għan li ttejjeb ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea (UE), filwaqt li tikkunsidra l-kundizzjonijiet klimatiċi u lokali differenti.
  • Din tistabbilixxi rekwiżiti minimi u qafas komuni biex jiġi kkalkulat ir-rendiment fl-użu tal-enerġija.
  • Wara rieżami tal-implimentazzjoni tagħha, id-Direttiva 2010/31/UE ġiet emendata fl-2018 bid-Direttiva (UE)2018/844. L-għan prinċipali kien li tiġi aċċellerata r-rinnovazzjoni kosteffettiva tal-bini eżistenti u li jiġu promossi t-teknoloġiji intelliġenti fil-bini. Bħala parti mill-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, id-direttiva emendatorja tikkumplimenta l-leġiżlazzjoni dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

PUNTI EWLENIN

  • Il-pajjiżi tal-UE jridu jistabbilixxu rekwiżiti minimi u ottimali dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija. Dawn għandhom jiġu evalwati kull 5 snin. Dawn iridu jkopru l-bini, il-komponenti tiegħu u l-enerġija użata għal:
    • it-tisħin tal-ispazju;
    • it-tkessiħ tal-ispazju;
    • l-ilma sħun domestiku;
    • il-ventilazzjoni;
    • l-installazzjonijiet tad-dawl fissi;
    • sistemi oħra tekniċi tal-bini*.
  • Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet qafas ta’ metodoloġija komparattiva għall-kalkolu tal-livelli ottimali tal-kostijiet għar-rekwiżiti dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija.
  • Bini ġdid irid jissodisfa l-istandards minimi. Bini li huwa fis-sjieda ta’ u okkupat mill-awtoritajiet pubbliċi għandu jikseb stat ta’ użu ta’ kważi żero enerġija* sal-31 ta’ Diċembru 2018 u bini ieħor ġdid sal-31 ta’ Diċembru 2020.
  • Bini eżistenti, meta jkun għaddej minn rinnovazzjoni kbira, irid ikollu r-rendiment fl-użu tal-enerġija tiegħu aġġornat biex jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli.
  • Il-pajjiżi tal-UE jridu joperaw sistema ta’ ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Iċ-ċertifikati:
    • jipprovdu informazzjoni għal akkwirenti prospettivi jew kerrejja tal-klassifikazzjoni enerġetika ta’ bini;
    • jinkludu rakkomandazzjonijiet għal titjib kosteffettiv;
    • trid issir referenza għalihom fir-reklami kummerċjali kollha fil-midja meta l-post ikun offrut għall-bejgħ jew għall-kiri;
  • L-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li jkollhom skemi fis-seħħ biex jispezzjonaw is-sistemi tat-tisħin u tal-arja kundizzjonata.

Emendi għad-direttiva oriġinali

  • Id-Direttiva emendatorja (UE) 2018/844 tirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jfasslu strateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul li jappoġġjaw ir-rinnovazzjoni ta’ bini residenzjali kif ukoll mhux residenzjali fi stokk ta’ bini b’rendiment fl-użu tal-enerġija għoli u dekarbonizzat sal-2050. Dawn l-istrateġiji għandhom jistabbilixxu pjan direzzjonali b’miżuri u b’indikaturi tal-progress miżurabbli, immirati lejn l-għan fil-tul tal-UE għall-2050 ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra sa 80-95 % mqabbel mal-1990. Il-pjan direzzjonali jrid jinkludi stadji importanti indikattivi għall-2030, l-2040 u l-2050, u jispeċifika kif dawn jikkontribwixxu biex jinkisbu l-miri ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-UE f’konformità mad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza tal-enerġija (ara s-sommarju).
  • Barra dan, id-direttiva riveduta:
    • tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim ta’ spezzjoni attwali tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kundizzjonata biex jinkludi sistemi kombinati (bil-ventilazzjoni) u biex tingħata kunsiderazzjoni għar-rendiment tas-sistemi f’kundizzjonijiet operattivi tipiċi;
    • tħeġġeġ l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u teknoloġiji intelliġenti tal-awtomatizzazzjoni u tal-kontroll fil-bini;
    • tappoġġja t-tnedija ta’ infrastruttura għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi f’parkeġġi tal-karozzi fil-bini billi jeħtieġ l-installazzjoni ta’ infrastruttura ta’ tubi u punti tal-iċċarġjar;
    • tintroduċi “indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza” li jikklassifika l-kapaċità tal-bini li jadatta għall-ħtiġijiet tal-okkupant, jottimizza l-operat tiegħu u jinteraġġixxi mal-grilja.

Skema komuni fakultattiva tal-UE għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini

Fl-2020, il-Kummissjoni adottat att delegat u att ta’ implimentazzjoni:

  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/2155 jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2010/31/UE billi jistabbilixxi skema komuni fakultattiva tal-UE għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini, jiġifieri jiddefinixxi l-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza u metodoloġija komuni li biha għandu jiġi kkalkulat. Il-metodoloġija tikkonsisti fil-kalkolu ta’ punteġġi għall-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini jew tal-unitajiet tal-bini u d-derivazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini jew tal-unitajiet tal-bini.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2156 jistabbilixxi d-dettalji tekniċi għall-implimentazzjoni tal-iskema komuni fakultattiva tal-UE għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini. Tkopri aspetti li jinkludu:
    • l-akkreditazzjoni u l-kwalifiki tal-esperti tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza,
    • il-ħruġ u t-termini u l-kundizzjonijiet tal-użu taċ-ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza, u
    • l-ittestjar tal-iskema tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2155 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2156 ilhom japplikaw mill-10 ta’ Jannar 2021.

MINN META JIBDEW JAPPLIKAW ID-DIRETTIVI?

  • Id-Direttiva 2010/31/UE ilha tapplika sa mit-8 ta’ Lulju 2010 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sad-9 ta’ Lulju 2012.
  • Id-Direttiva emendatorja (UE) 2018/844 ilha tapplika mid-9 ta’ Lulju 2018 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-10 ta’ Marzu 2020.

SFOND

Is-settur tal-bini fl-UE huwa l-ikbar konsumatur uniku tal-enerġija fl-Ewropa, li jassorbi 40 % tal-enerġija, u madwar 75 % tal-bini mhumiex effiċjenti fl-enerġija. Minħabba dawn il-livelli baxxi ta’ effiċjenza fl-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini hija wieħed mill-għanijiet fit-tul tal-UE. Din id-Direttiva hija element importanti li jgħin jagħmel il-bini iktar effiċjenti.

Għal aktar informazzjoni, ara

TERMINI EWLENIN

Sistema teknika tal-bini: tagħmir tekniku għat-tisħin tal-ispazju, it-tkessiħ tal-ispazju, il-ventilazzjoni, l-ilma sħun domestiku, l-installazzjonijiet tad-dawl fissi, l-awtomatizzazzjoni u l-kontroll tal-bini, il-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq il-post, jew kombinazzjoni ta’ dawn, inklużi dawk is-sistemi li jużaw l-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ta’ binja jew unità tal-bini.
Bini b’użu ta’ kważi żero enerġija: bini li għandu rendiment fl-użu tal-enerġija għoli ħafna. L-ammont verament baxx ta’ enerġija meħtieġa għandu jkun kopert sa livell sinifikanti ħafna minn sorsi rinnovabbli, li jinkludi enerġija minn sorsi rinnovabbli prodotti fuq il-post jew fil-viċinanzi.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 153, 18.6.2010, pp. 13-35)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2010/31/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2155 tal-14 ta’ Ottubru 2020 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi skema komuni fakultattiva tal-Unjoni Ewropea għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini (ĠU L 431, 21.12.2020, pp. 9-24)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2156 tal-14 ta’ Ottubru 2020 li jispjega fid-dettall il-modalitajiet tekniċi għall-implimentazzjoni effettiva ta’ skema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini (ĠU L 431, 21.12.2020 , pp. 25-29)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1318 tad-29 ta’ Lulju 2016 dwar il-linji gwida għall-promozzjoni ta’ binjiet b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero u l-aħjar prattiki biex jiġi żgurat li, sal-2020, il-binjiet ġodda kollha jkunu binjiet b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero (ĠU L 208, 2.8.2016, pp. 46-57)

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Il-progress mill-Istati Membri lejn Binjiet b’Konsum ta’ Enerġija Kważi Żero (COM(2013) 483 final/2, 7.10.2013)

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: L-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fil-bini (COM(2013) 225 final, 18.4.2013)

Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, id-direttivi emendatorji 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, pp. 1-56)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 244/2012 tas-16 ta’ Jannar 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija billi jistabbilixxi qafas ta’ metodoloġija komparattiva għall-kalkolu tal-livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku tal-bini u tal-elementi tal-bini (ĠU L 81 tal-21.3.2012, pp. 18-36)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 26.02.2021

Fuq