EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02018R1862-20190611

Sistema Msaħħa ta’ Informazzjoni ta’ Schengen

Sistema Msaħħa ta’ Informazzjoni ta’ Schengen

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2018/1860 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali

Ir-Regolament (UE) 2018/1861 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen

Ir-Regolament (UE) 2018/1862 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

X’INHU L-GĦAN TA’ DAWN IR-REGOLAMENTI?

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), li nħolqot fl-1995 wara t-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri interni fl-UE, hija bażi tad-data fuq skala kbira li tappoġġja l-kontroll tal-fruntieri esterni u l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi bejn il-pajjiżi membri tal-Ftehim ta’ Schengen.

It-3 regolamenti huma maħsuba biex isaħħu l-miżuri eżistenti fis-SIS II — li ġiet stabbilita fl-2006 u li ilha tiffunzjona mill-2013 — partikolarment fid-dawl tal-isfidi l-ġodda tal-migrazzjoni u s-sigurtà. Dawn se jissostitwixxu l-leġiżlazzjoni attwali stabbilita fir-Regolamenti (KE) Nru 1986/2006 u (KE) Nru 1987/2006, u fid-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

Dan is-sommarju jiddeskrivi kif is-SIS se topera ladarba t-3 regolamenti l-ġodda jkunu kompletament fis-seħħ.

PUNTI EWLENIN

Arkitettura

SIS tikkonsisti minn:

  • sistema ċentrali (SIS Ċentrali)
    • b’funzjoni ta’ appoġġ tekniku (CS-SIS), li tinkludi bażi tad-data (il-bażi tad-data tas-SIS) li twettaq superviżjoni teknika u kompiti amministrattivi, u CS-SIS ta’ riżerva;
    • interfaċċa uniformi nazzjonali (NI-SIS) f’kull pajjiż li l-membri jużaw biex idaħħlu, jaġġornaw, iħassru u jfittxu d-data tas-SIS;
    • sistema nazzjonali (N.SIS) f’kull pajjiż biex tikkomunika mas-SIS Ċentrali, inkluż mill-inqas N.SIS ta’ riżerva waħda nazzjonali jew kondiviża. Mhuwiex possibbli li wieħed ifittex fajls ta’ data f’N.SIS oħra, sakemm il-pajjiżi kkonċernati ma jkunux qablu li jaqsmu l-fajl;
  • infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn is-CS-SIS, is-CS-NIS ta’ riżerva u l-NI-SIS tipprovdi netwerk virtwali kriptat għad-data tas-SIS u l-iskambju tagħhom bejn SIRENE bureaux.

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA):

  • timplimenta soluzzjonijiet tekniċi biex issaħħaħ id-disponibbiltà bla interruzzjoni tas-SIS;
  • f’ċirkostanzi eċċezzjonali, tista’ tiżviluppa kopja addizzjonali tal-bażi tad-data tas-SIS;
  • għandha tippreżenta rapport sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Diċembru 2019 dwar għażliet għal soluzzjonijiet tekniċi, li jkun fih valutazzjoni indipendenti tal-impatt u analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji;
  • tippubblika lista tal-uffiċċji tal-N.SIS u SIRENE Bureaux.

Ir-regoli ta’ proċedura jiddikjaraw:

  • twissijiet* għandhom jibqgħu fis-SIS biss sakemm ikunu meħtieġa għall-iskop speċifiku tagħhom u jitħassru meta jilħqu l-iskop tagħhom;
  • it-twissijiet għandhom jiġu riveduti f’perjodi definiti. Il-pajjiż membru jista’ mbagħad jiddeċiedi li jtawwalhom, inkella jiġu mħassra awtomatikament. Il-perjodi ta’ reviżjoni huma
    • 5 snin: persuni mfittxija għal arrest għal finijiet ta’ ċediment jew ta’ estradizzjoni u persuni neqsin li jistgħu, jew ma jistgħux, ikunu jeħtieġu li jitpoġġew taħt protezzjoni
    • 3 snin: persuni mfittxija biex jgħinu bi proċedura ġudizzjarja u persuni mfittxija mhux magħrufa
    • sena: tfal f’riskju, persuni vulnerabbli li jeħtieġu li jiġu protetti milli jivvjaġġaw u persuni għal verifiki diskreti, ta’ investigazzjoni jew speċifiċi
    • 10 snin: oġġetti għal investigazzjoni diskreta, jew verifiki speċifiċi jew għal qbid jew użu bħala evidenza fi proċedimenti kriminali;
  • kategoriji ta’ data li għandhom jiddaħħlu fis-sistema. Dawn huma maħsuba biex jgħinu lill-utenti finali jieħdu deċiżjonijiet malajr. Dawn jinkludu rekwiżiti minimi (kunjom, data tat-twelid, raġuni għat-twissija u l-azzjoni li għandha tittieħed) u data oħra, bħal tip ta’ reat, data fotografika u informazzjoni dattiloskopika*, jekk disponibbli;
  • l-użu ta’ data bijometrika u dattiloskopika għandu jirrispetta d-dritt tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali, u jissodisfa l-istandards minimi ta’ kwalità u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi;
  • każ għandu jkun adegwat, rilevanti u importanti biżżejjed biex tinħareġ twissija mis-SIS, pereżempju, twissija marbuta ma’ reat terroristiku tissodisfa dawn il-kriterji;
  • il-pajjiż membru tal-ħruġ biss jista’ jimmodifika, iżid, jikkoreġi, jaġġorna jew iħassar id-data fis-SIS;
  • pajjiż li jqis li jekk jaġixxi fuq twissija jkun inkompatibbli mal-liġi nazzjonali tiegħu, l-obbligi internazzjonali jew interessi essenzjali jista’ jinkludi marka* ma’ dik it-twissija. Dan jindika li mhu se jieħu l-ebda azzjoni fit-territorju tiegħu.

Spejjeż:

  • il-baġit tal-UE jkopri l-ispejjeż operattivi, dawk ta’ manutenzjoni u tal-iżvilupp tas-SIS Ċentrali u l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni;
  • Il-pajjiżi membri ta’ Schengen ikopru l-ispejjeż operattivi, dawk ta’ manutenzjoni u tal-iżvilupp tal-N.SIS tagħhom stess.

Kategoriji ta’ twissija għal kull regolament

Ir-Regolament (UE) 2018/1860 isaħħaħ l-infurzar tal-politika ta’ ritorn tal-UE u jnaqqas l-inċentivi għall-immigrazzjoni illegali fl-UE:

  • jistabbilixxi kundizzjonijiet u proċeduri komuni biex jiddaħħlu u jiġu pproċessati twissijiet u tiġi skambjata informazzjoni supplimentari fuq ċittadini mhux tal-UE soġġetti għal deċiżjonijiet ta’ ritorn*;
  • jirrikjedi li l-awtoritajiet nazzjonali jdaħħlu twissijiet malli tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn;
  • jistabbilixxi proċeduri armonizzati dwar
    • kategoriji ta’ data li għandhom jiġu inklużi fit-twissija
    • verifika dwar jekk ġietx osservata deċiżjoni ta’ ritorn u, jekk le, is-segwitu bejn l-awtoritajiet rilevanti
    • iż-żamma u t-tħassir ta’ twissijiet sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm dewmien bejn it-tluq ta’ ċittadin mhux tal-UE u l-attivazzjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul
    • konsultazzjoni obbligatorja bejn l-awtoritajiet nazzjonali qabel
      • ma jagħtu jew jestendu permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn fit-tul għal ċittadin mhux tal-UE li jista’ jkun is-suġġett ta’ twissija dwar ritorn f’pajjiż ieħor tal-UE
      • idaħħlu twissija dwar deċiżjoni ta’ ritorn jekk il-persuna tkun legalment toqgħod x’imkien ieħor fl-UE.

Ir-Regolament (UE) 2018/1861 ikopri l-użu tas-SIS għall-projbizzjonijiet fuq id-dħul u l-verifiki fil-fruntieri:

  • dan jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri biex jiddaħħlu u jiġu pproċessati twissijiet u skambju ta’ informazzjoni supplimentari* dwar ċittadini mhux tal-UE li jkunu ġew rrifjutati d-dħul jew id-dritt ta’ soġġorn fl-UE;
  • jintroduċi proċeduri armonizzati fuq
    • kategoriji ta’ data li għandhom jiġu inklużi fit-twissija
    • dħul obbligatorju ta’ twissija meta ċittadin mhux tal-UE jiġi rrifjutat id-dħul jew id-dritt ta’ soġġorn fl-UE minħabba li huwa ta’ theddida għas-sigurtà jew huwa soġġett għal ordni restrittiva li tipprevjeni d-dħul ġewwa, jew it-tranżitu minn, pajjiż tal-UE
    • ċittadini mhux tal-UE li għandhom id-dritt tal-moviment liberu fl-UE
    • konsultazzjoni obbligatorja bejn l-awtoritajiet nazzjonali qabel ma jagħtu jew jestendu permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn fit-tul lil ċittadin mhux tal-UE li jkun ġie rrifjutat id-dritt għad-dħul jew ta’ soġġorn f’pajjiż ieħor tal-UE;
  • jiggarantixxi liċ-ċittadini mhux tal-UE d-dritt li jiġu informati bil-miktub jekk ikunu s-suġġett ta’ twissija.

Ir-Regolament 2018/1862 itejjeb u jestendi l-użu tas-SIS għall-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji:

  • dan jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għad-dħul u l-ipproċessar ta’ twissijiet fis-SIS dwar in-nies u l-oġġetti, u għall-iskambju ta’ informazzjoni u data supplimentari fil-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja dwar kwistjonijiet kriminali;
  • ikopri proċeduri għal twissijiet dwar:
    • persuni mfittxija għal arrest, ċediment jew estradizzjoni;
    • persuni nieqsa;
    • persuni vulnerabbli li jeħtieġu li ma jitħallewx jivvjaġġaw, jew għall-protezzjoni tagħhom stess jew biex tiġi evitata theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika;
    • tfal li jkunu jinsabu f’riskju, partikolarment ta’ ħtif, traffikar jew li jiġu involuti fit-terroriżmu;
    • individwi li jkunu qed jiġu mfittxija biex jgħinu bi proċedura ġudizzjarja bħala xhieda jew minħabba li jkunu ġew imsejħa b’konnessjoni ma’ proċeduri kriminali;
    • persuni mfittxija mhux magħrufa li l-identità tagħhom tkun qed tiġi mfittxija;
    • verifiki u investigazzjonijiet diskreti jew speċifiċi biex jipprevjenu, jiskopru, jinvestigaw jew jipproċedu bil-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jeżegwixxu sentenza kriminali jew jipprevjenu theddid għas-sigurtà pubblika;
    • oġġetti li għandhom jinħatfu jew jintużaw bħala evidenza fi proċedimenti kriminali, speċjalment oġġetti faċilment identifikabbli bħal karozzi, dgħajjes, inġenji tal-ajru, armi tan-nar, dokumenti ta’ identità u karti tal-flus.

Drittijiet tad-data

L-individwi għandhom id-dritt li:

  • ikunu jafu jekk id-data personali tagħhom tkunx qed tiġi pproċessata, għal liema skopijiet u b’liema kundizzjonijiet;
  • iressqu lment quddiem awtorità ta’ sorveljanza;
  • jikkoreġu data personali mhux preċiża mingħajr dewmien żejjed;
  • iħassru data personali jekk l-użu tagħha ma jkunx għadu meħtieġ jew jekk din tkun ġiet ipproċessata illegalment;
  • jieħdu azzjoni biex jaċċessaw, jirretifikaw, iħassru, jiksbu informazzjoni jew kumpens għal twissija li tkun tikkonċernahom;
  • jiġu kkumpensati minn pajjiż membru għal kwalunkwe ħsara materjali jew mhux materjali li jsofru minn ipproċessar illegali tad-data personali tagħhom.

Gvernijiet membri tas-SIS:

  • huma impenjati li jinfurzaw deċiżjonijiet dwar id-drittijiet tal-protezzjoni tad-data;
  • jirrapportaw kull sena lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-għadd ta’ talbiet li jirċievu biex ikollhom aċċess għad-data u biex jikkoreġu l-ineżattezzi, u l-volum tal-każijiet tal-qorti u r-riżultat tagħhom.

L-awtoritajiet superviżorji indipendenti jissorveljaw il-legalità tal-ipproċessar nazzjonali tad-data personali fis-SIS; il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data li ġie stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 iwettaq l-istess rwol għall-eu-LISA. It-tnejn jikkoperaw biex jiżguraw is-superviżjoni kkoordinata tas-SIS.

  • Id-data pproċessata fis-SIS u informazzjoni supplimentari relatata ma jistgħux jiġu ttrasferiti jew isiru disponibbli għal pajjiżi mhux tal-UE jew organizzazzjonijiet internazzjonali.
  • Ir-Regolament (UE) 2018/1725 japplika għal data personali pproċessata mill-ue-LISA, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Eurojust.
  • Ir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva (UE) 2016/680 japplikaw għal data personali pproċessata mill-awtoritajiet u s-servizzi nazzjonali kompetenti.

Dawn li ġejjin għandhom aċċess għad-data fis-SIS:

  • Awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli
    • għall-kontroll fil-fruntieri, il-pulizija u l-kontrolli doganali;
    • għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ atti terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra;
    • għad-deċiżjonijiet, inklużi dwar permessi ta’ residenza u viżi għal soġġorn fit-tul, dwar id-dħul, is-soġġorn u r-ritorn ta’ ċittadini mhux tal-UE;
    • għall-kontrolli tas-sigurtà fil-konfront ta’ ċittadini mhux tal-UE li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali;
    • għad-deċiżjonijiet ta’ naturalizzazzjoni;
    • għall-prosekuzzjonijiet pubbliċi fi proċeduri kriminali u inkjesti ġudizzjarji;
    • għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni għal vetturi, dgħajjes, inġenji tal-ajru u armi tan-nar;
  • l-aġenziji tal-UE t’hawn taħt għandhom id-dritt li jaċċessaw u jfittxu d-data fis-SIS li jkunu jeħtieġu biex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom. Dawn għandhom jinformaw lill-pajjiż membru tal-ħruġ meta tfittxija tikxef l-eżistenza ta’ twissija. Ma jistgħux jagħqdu partijiet mis-SIS jew jittrasferixxu xi data tagħha fis-sistema tagħhom stess
    • Il-Europol: tista’ taċċessa d-data kollha, mhux biss ftit minnha bħal kif kien isir qabel. Il-pajjiżi membri tas-SIS għandhom jinformaw lill-aġenzija tal-infurzar tal-liġi dwar kwalunkwe hit jew twissija relatata ma’ reati terroristiċi;
    • Il-Eurojust, li jittratta l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali;
    • Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, timijiet involuti f’ħidmiet relatati mar-ritorn u timijiet ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni.

Kull 5 snin, il-Kummissjoni Ewropea tevalwa l-użu li dawn l-aġenziji jagħmlu mis-SIS.

Responsabbilitajiet

Kull pajjiż membru tas-SIS:

  • jiżgura li d-data tkun preċiża, aġġornata u mdaħħla u maħżuna legalment fis-SIS, u jirrispetta r-regoli ġenerali tal-ipproċessar tad-data;
  • jistabbilixxi, jopera, iżomm u jiżviluppa l-N.SIS tiegħu, skont standards, protokolli u proċeduri tekniċi komuni, u jgħaqqadha mal-NI-SIS;
  • jiżgura d-disponibbiltà bla interruzzjoni tad-data SIS għall-utenti finali;
  • jittrażmetti t-twissijiet tiegħu permezz tal-N.SIS tiegħu;
  • jinnomina Uffiċċju tal-N.SIS b’responsabbiltà ċentrali biex jiżgura l-operat bla xkiel u s-sigurtà tal-N.SIS tiegħu, l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għas-SIS, il-konformità ġenerali mar-regolament u d-disponibbiltà xierqa tas-SIS għall-utenti finali kollha;
  • jaħtar awtorità nazzjonali (l-Uffiċċju ta’ SIRENE) bħala punt uniku ta’ kuntatt li jopera 24/7 għall-iskambju u d-disponibbiltà tal-informazzjoni supplimentari kollha dwar twissijiet u biex jiffaċilita l-azzjoni ta’ segwitu;
  • jadotta pjanijiet ta’ sigurtà, kontinwità tan-negozju u rkupru minn diżastru biex jipproteġi d-data u jipprevjeni aċċess mhux awtorizzat;
  • japplika regoli professjonali ta’ segretezza u kunfidenzjalità, inkluż monitoraġġ mill-qrib ta’ kuntratturi esterni. Kumpaniji u organizzazzjonijiet privati huma pprojbiti mill-ġestjoni operattiva tal-N.SIS;
  • iżomm ir-reġistri elettroniċi, li normalment jitħassru wara 3 snin, fir-rigward ta’ twissijiet, aċċess għal u skambju ta’ data personali biex jivverifika jekk it-tfittxija kinitx legali u jiżgura l-integrità u s-sigurtà tad-data;
  • jopera programm nazzjonali ta’ taħriġ tas-SIS għall-persunal b’aċċess għas-SIS dwar is-sigurtà tad-data, id-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data, u regoli u regolamenti dwar l-ipproċessar tad-data.

Il-Kummissjoni:

  • tadotta atti ta’ implimentazzjoni u dawk delegati fuq aspetti tekniċi tas-SIS u taġġornahom kif meħtieġ;
  • skont ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013, taqdi rwol ta’ koordinazzjoni ġenerali għall-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ li timplimenta mal-gvernijiet tal-UE biex tiżgura li r-regoli ta’ Schengen jiġu applikati bis-sħiħ fuq livell nazzjonali. Dan jinkludi l-evalwazzjoni tas-SIS;
  • se tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-gvernijiet tal-UE sat-28 ta’ Diċembru 2019, u kull sena wara dan, sakemm tiddeċiedi d-data għall-bidu tal-operazzjonijiet tas-SIS, dwar l-istat ta’ tħejjijiet għall-implimentazzjoni sħiħa tar-regolament aġġornat dwar is-SIS 2018/1862;
  • twettaq evalwazzjoni ġenerali tas-SIS Ċentrali, l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari bejn l-awtoritajiet nazzjonali, inkluża valutazzjoni tas-sistema awtomatizzata ta’ identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’ (AFIS) u l-kampanji ta’ informazzjoni tas-SIS 3 snin wara li r-regolament jidħol fis-seħħ u kull 4 snin wara dan.

L-eu-LISA hija responsabbli għal:

  • SIS Ċentrali: il-ġestjoni operattiva tagħha, inklużi l-kontrolli tal-kwalità fuq id-data li fiha, u l-kompiti kollha meħtieġa biex tiżgura li din tiffunzjona 24/7 kuljum matul is-sena kollha;
  • infrastruttura ta’ komunikazzjoni: aspetti ewlenin, b’mod partikolari s-superviżjoni, is-sigurtà, il-koordinazzjoni bejn il-pajjiżi membri u l-fornituri, u kwistjonijiet baġitarji u kuntrattwali;
  • L-Uffiċċji ta’ SIRENE: tikkoordina, tiġġestixxi u tappoġġja attivitajiet ta’ ttestjar, filwaqt li żżomm u taġġorna speċifikazzjonijiet tekniċi dwar skambju ta’ informazzjoni supplimentari bejn l-Uffiċċji u l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni, u tiġġestixxi bidla teknika;
  • tadotta l-miżuri meħtieġa biex tipproteġi d-data u tevita aċċess jew użu mhux awtorizzat, inklużi pjanijiet ta’ sigurtà, kontinwità tan-negozju u rkupru minn diżastru għas-SIS Ċentrali u l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni;
  • tapplika r-regoli professjonali ta’ segretezza u kunfidenzjalità, u żżomm reġistri elettroniċi bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk tal-awtoritajiet nazzjonali;
  • tagħmel pubblikament disponibbli permezz tal-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, lista tal-awtoritajiet nazzjonali awtorizzati biex ifittxu data fis-SIS;
  • tipproduċi statistika ta’ kuljum, ta’ kull xahar u ta’ kull sena dwar l-għadd ta’ reġistri għal kull kategorija ta’ twissijiet, u tħalli barra kwalunkwe data personali. Ir-rapporti tagħha jsiru pubbliċi.

Kampanja ta’ informazzjoni

  • Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tmexxi l-kampanja. Din tiġi mnedija meta l-leġiżlazzjoni tidħol fis-seħħ u tiġi ripetuta f’intervalli regolari, biex il-pubbliku jiġi infurmat dwar:
    • l-għanijiet tas-SIS;
    • id-data li żżomm;
    • l-awtoritajiet li għandhom aċċess għaliha;
    • id-drittijiet ta’ data tal-individwi.
  • Il-Kummissjoni żżomm sit web disponibbli pubblikament bl-informazzjoni kollha rilevanti dwar is-SIS.
  • Il-pajjiżi tal-UE, li jaħdmu mal-awtoritajiet superviżorji tagħhom, għandhom jinformaw lill-pubbliku dwar is-SIS.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

Għandhom japplikaw gradwalment u għandhom ikunuoperattivi bis-sħiħ sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Diċembru 2021. Id-data għandha tiġi deċiża mill-Kummissjoni wara li tivverifika li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • ikunu ġew adottati atti ta’ implimentazzjoni;
  • l-awtoritajiet nazzjonali jkunu għamlu l-arranġamenti meħtieġa biex jipproċessaw id-data tas-SIS u l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari;
  • l-eu-LISA tkun temmet b’suċċess ir-rekwiżiti kollha ta’ ttestjar tagħha.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Twissija: sett ta’ data li jippermetti lill-awtoritajiet jidentifikaw persuna jew oġġett u jaġixxu kif xieraq.
Data dattiloskopika: data fuq il-pala tal-id u l-marki tas-swaba’.
Marka: sospensjoni tal-validità ta’ twissija fuq livell nazzjonali.
Deċiżjonijiet ta’ ritorn: deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva dwar ċittadin mhux tal-UE li jitqies li qed jgħix ġo pajjiż illegalment u li għandu jirritorna lejn pajjiżu.
Informazzjoni supplimentari: informazzjoni li ma tifformax parti mid-data ta’ twissija fis-SIS, iżda li tkun konnessa magħha.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU L 312, 7.12.2018, pp. 1-13)

Ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU L 312, 7.12.2018, pp. 14-55)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2018/1861 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, pp. 56-106)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, pp. 99-137)

Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, pp. 6-21)

Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, pp. 1-76)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 1-88)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, pp. 1-52)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, pp. 27-37)

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, pp. 98-107)

L-acquis ta’ Schengen kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/435/KE tal-20 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 239, 22.9.2000, pp. 1-473)

l-aħħar aġġornament 04.05.2020

Fuq