Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0065

    It-tisħiħ tal-kompetittività globali tal-fondi ta’ investiment tal-UE

    It-tisħiħ tal-kompetittività globali tal-fondi ta’ investiment tal-UE

     

    SOMMARJU TA’:

    Id-Direttiva 2009/65/KE — regoli relatati mal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)

    X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

    L-għanijiet ewlenin tad-Direttiva huma dawn li ġejjin.

    • Biex toffri lill-investituri għażla usa’ ta’ prodotti bi prezz aktar baxx permezz ta’:
      • suq aktar effiċjenti f’impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)* fl-Unjoni Ewropea (UE);
      • informazzjoni aħjar għall-investituri; u
      • superviżjoni aktar effiċjenti tal-fondi.
    • Biex iżżomm is-settur tal-investiment tal-UE kompetittiv billi taġġusta r-regoli għall-iżviluppi tas-suq.

    PUNTI EWLENIN

    Hija tistabbilixxi regoli uniformi dwar il-fondi ta’ investiment, sabiex tippermetti l-offerta transfruntiera tal-fondi ta’ investiment regolati fuq livell tal-UE.

    Id-Direttiva tistipula regoli dwar:

    • informazzjoni għall-investituri permezz ta’ dokument standardizzat ta’ informazzjoni sommarja sabiex ikun aktar faċli għall-konsumatur li jifhem il-prodott;
    • passaport tal-UE ġenwin għall-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS, li jippermetti kumpanija maniġerjali li tinsab fi Stat Membru wieħed tal-UE timmaniġġja fondi fi Stati Membri oħra;
    • il-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS f’pajjiżi oħrajn, pereżempju billi tissimplifika l-proċeduri amministrattivi;
    • fużjonijiet tal-UCITS f’pajjiżi oħrajn;
    • superviżjoni aktar b’saħħitha tal-UCITS u tal-kumpaniji li jimmaniġġjawhom, pereżempju permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn is-superviżuri nazzjonali tas-servizzi finanzjarji.

    Emendi għad-Direttiva 2009/65/KE

    • Id-Direttiva Emendatorja 2014/91/UE (UCITS V), introduċiet regoli ġodda dwar id-depożitarji tal-UCITS (l-entità li żżomm l-assi), inklużi l-entitajiet eliġibbli sabiex jassumu dan ir-rwol, il-kompiti tagħhom, l-arranġamenti ta’ delega u r-responsabbiltà tad-depożitarji.
    • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2017/2402 jikkomplementa d-Direttiva 2009/65/KE b’rekwiżiti għall-UCITS li jassumu skopertura għal titolizzazzjoni (ara s-sommarju).
    • Id-Direttiva emendatorja (UE) 2019/1160 introduċiet regoli biex jitneħħew l-ostakli regolatorji li qabel kienu jxekklu d-distribuzzjoni transfruntiera tal-fondi ta’ investiment biex id-distribuzzjoni tagħhom issir aktar faċli, aktar rapida u inqas għalja.
    • Id-Direttiva emendatorja (UE) 2019/2034 introduċiet qafas regolatorju ġdid għad-ditti tal-investiment (ara s-sommarju).
    • Id-Direttiva emendatorja (UE) 2019/2162 għandha l-għan li tipproteġi l-investituri billi tistabbilixxi regoli armonizzati minimi madwar l-UE kollha, speċjalment dwar definizzjonijiet u standards, għal bonds koperti* maħruġa minn istituzzjonijiet ta’ kreditu* (ara s-sommarju). Dan jirrimedja l-fatt li d-Direttiva 2009/65/KE ma speċifikatx in-natura u l-kontenut ta’ qafas ta’ superviżjoni speċjali — element li jiddefinixxi bonds koperti — jew l-awtoritajiet li għandhom ikunu responsabbli għat-twettiq ta’ tali superviżjoni. Huwa jistabbilixxi wkoll il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali f’dan ir-rigward.
    • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2021/2261 iżżid regoli ġodda biex tiżgura li d-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 (ara s-sommarju) ipprovduti minn kumpaniji ta’ investiment jew kumpaniji ta’ maniġment tal-UCITS dejjem jissodisfaw ir-rekwiżit applikabbli għal tagħrif ewlieni għall-investitur stabbilit fid-Direttiva 2009/65/KE.
    • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2022/2556 tallinja r-regoli tad-direttiva, u diversi direttivi relatati oħra, mar-rekwiżiti dwar ir-riskju tal-ICT għall-entitajiet finanzjarji stabbiliti fir-reżiljenza operazzjonali diġitali tar-regolament tas-settur finanzjarju (DORA), ir-Regolament (UE) 2022/2254 (ara s-sommarju).

    Att delegat

    • Id-Direttiva 2009/65/KE ġiet issupplimentata wkoll minn att delegat adottat mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-Regolament Delegat (UE)2016/438 jindirizza riskji mhux tas-suq relatati mal-attivitajiet tad-depożitarji. Huwa jkopri aspetti tad-doveri tad-depożitarji bħal:
      • is-salvagwardja tal-assi tal-UCITS;
      • dmirijiet ta’ sorveljanza (eż. verifika li investimenti tal-UCITS huma konsistenti mal-istrateġiji tal-investiment tagħhom kif deskritti fir-regoli tagħhom u joffru dokumenti jew jiżguraw li l-UCITS ma jiksrux ir-restrizjonijiet tal-investiment tagħhom); u
      • ir-responsabbiltà għall-assi.
    • Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/438 jistabbilixxi wkoll rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta speċifiċi għall-protezzjoni tal-insolvenza tal-assi tal-UCITS, flimkien ma’ rekwiżiti dettaljati tal-indipendenza għall-maniġers u l-kustodji tal-UCITS.

    Atti ta’ implimentazzjoni

    Il-Kummissjoni adottat ukoll:

    • Ir-Regolament (UE) Nru 583/2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE dwar it-tagħrif ewlieni għall-investitur u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati meta jingħata tagħrif ewlieni għall-investitur jew prospett b’mezz li jibqa’ li mhuwiex stampat jew permezz ta’ sit elettroniku;
    • Ir-Regolament (UE) Nru 584/2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-proċedura ta’ notifika tal-UE għall-UCITS (ara s-sommarju);
    • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1212 li jniżżel standards tekniċi fir-rigward ta’ proċeduri u formoli standard għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni skont id-Direttiva 2009/65/KE.

    MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

    • Id-Direttiva 2009/65/KE kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sat-30 ta’ Ġunju 2011 u dawn ir-regoli ilhom japplikaw minn dik id-data.
    • Id-Direttiva Emendatorja 2014/91/UE kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sat-18 ta’ Marzu 2016 u dawn ir-regoli ilhom japplikaw minn dik id-data.
    • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2017/2402 ilu japplika sa mill-1 ta’ Jannar 2019.
    • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2019/1160 kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sat-2 ta’ Awwissu 2021 u dawn ir-regoli ilhom japplikaw minn dik id-data.
    • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2019/2034 kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sas- 26 ta’ Ġunju 2021 u dawn ir-regoli ilhom japplikaw minn dik id-data.
    • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2019/2162 kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sat-8 ta’ Lulju 2021. Dawn ir-regoli ilhom japplikaw mit-8 ta’ Awwissu 2022.
    • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2022/2556 kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sas-17 ta’ Jannar 2025 u dawn ir-regoli japplikaw minn din id-data.

    SFOND

    Id-Direttiva 2009/65/KE hija r-raba’ verżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-UCITS, li ħadet post id-Direttiva 85/611/KEE.

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    TERMINI EWLENIN

    Impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS). Strumenti ta’ investiment li jiġbru flimkien il-kapital tal-investituri u jinvestu dak il-kapital b’mod kollettiv permezz ta’ portafoll ta’ strumenti finanzjarji bħal stokks, bonds u titoli oħrajn.
    Bond kopert. Obbligu ta’ dejn li jkun maħruġ minn istituzzjoni ta’ kreditu, li hu ggarantit b’assi li għalihom l-investituri tagħhom għandhom rikors dirett. L-assi inkwistjoni huma ġeneralment aggregazzjoni ta’ self ipotekarju jew krediti lis-settur pubbliku, jew assi oħra ta’ kopertura ta’ kwalità għolja li jiżguraw li l-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti jkollha pretensjoni għal ħlas u li huma ggarantiti minn assi kollaterali soġġetti għal rekwiżiti strettament definiti.
    Istituzzjonijiet ta’ kreditu. Impriża li tieħu depożiti jew fondi oħra ripagabbli mill-pubbliku sabiex tagħti kreditu.

    DOKUMENT PRINĊIPALI

    Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, pp. 32–96).

    L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/65/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Id-Direttiva (UE)2022/2556 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE, 2014/65/UE, (UE) 2015/2366 u (UE) 2016/2341 fir-rigward tar-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju (ĠU L 333, 27.12.2022, pp. 153–163).

    Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, pp. 1–79).

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1212 tal-25 ta’ Lulju 2016 li jniżżel standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ proċeduri u formoli standard għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni skont id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 199, 26.7.2016, pp. 6–11).

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 583/2010 tal-1 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tagħrif ewlieni għall-investitur u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati meta jingħata tagħrif ewlieni għall-investitur jew il-prospett b’mezz li jibqa’ li mhuwiex stampat jew permezz ta’ sit elettroniku (ĠU L 176, 10.7.2010, pp. 1–15).

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 584/2010 tal-1 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forma u l-kontenut tal-ittra ta’ notifika u attestazzjoni UCITS standardizzati, l-użu ta’ komunikazzjoni elettronika bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-fini ta’ notifika, u proċeduri għal verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti (ĠU L 176, 10.7.2010, pp. 16–27).

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/43/UE tal-1 ta’ Lulju 2010 li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti organizzazzjonali, il-konflitti ta’ interess, il-kondotta fin-negozju, l-immaniġġjar tar-riskji u l-kontenut tal-ftehim ta’ bejn id-depożitarju u l-kumpanija maniġerjali (ĠU L 176, 10.7.2010, pp. 42–61).

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Direttiva tal-Kummissjoni 2010/42/UE tal-1 ta’ Lulju 2010 li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti dispożizzjonijiet li jikkonċernaw fużjonijiet ta’ fondi, strutturi prinċipali-alimentatriċi u l-proċedura tan-notifikazzjoni (ĠU L 176, 10.7.2010, pp. 28–41).

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 31.05.2023

    Fuq