Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004L0068

    Importazzjonijiet u transitu ta’ ċerti annimali ungulati

    Status legali tad-dokument Din it-taqsira ġiet arkivjata u mhux se tkun aġġornata Ara 'Il-Liġi tal-UE dwar is-saħħa tal-annimali' għall-informazzjoni aġġornata dwar is-suġġett.

    Importazzjonijiet u transitu ta’ ċerti annimali ungulati

     

    SOMMARJU TA’:

    Direttiva 2004/68/KE — ir-regoli tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni lejn u t-transitu fl-UE għal ċerti annimali ungulati ħajjin

    X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

    • Hija tistipula r-regoli tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw l-importazzjoni minn pajjiżi mhux fl-UE u t-transitu fl-UE ta’ ċerti annimali ungulati* elenkati fl-Anness I tagħha.
    • Annimali importati lejn jew fi transitu fl-UE għandhom jiġu minn pajjiżi jew minn reġjuni li jidhru f’lista ta’ pajjiżi awtorizzati li mhumiex fl-UE u jrid ikollhom ċertifikati veterinarji. Il-pajjiżi inkwistjoni li mhumiex fl-UE għandhom jikkonformaw ukoll ma’ ċerti regoli tas-saħħa tal-annimali.

    PUNTI EWLENIN

    Tfassil tal-listi ta’ pajjiżi awtorizzati li mhumiex fl-UE

    Il-Kummissjoni Ewropea, bl-għajnuna tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, tħejji lista ta’ pajjiżi li mhumiex fl-UE li minnhom importazzjonijiet huma awtorizzati. Fit-tfassil ta’ dawn il-listi, tqis b’mod partikolari:

    • l-istat tas-saħħa tal-bhejjem;
    • il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ikkonċernat fir-rigward tas-saħħa u l-benesseri tal-annimali;
    • l-organizzazzjoni tal-awtorità veterinarja kompetenti tal-pajjiż u s-servizzi ta’ spezzjoni tiegħu;
    • il-konformità mal-kundizzjonijiet tar-regoli tas-saħħa tal-UE;
    • is-sħubija fl-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali;
    • in-notifika ta’ mard infettiv jew li jittieħed fil-limiti ta’ skadenzi speċifiċi;
    • l-esperjenza ta’ importazzjonijiet preċedenti ta’ annimali ħajjin minn pajjiż li mhux fl-UE;
    • ir-riżultati tal-ispezzjonijiet imwettqa fil-pajjiż li mhux fl-UE;
    • il-miżuri implimentati fil-pajjiż li mhuwiex fl-UE għall-kontroll ta’ mard infettiv jew li jittieħed tal-annimali (ara l-Anness II).

    Kundizzjonijiet speċifiċi tas-saħħa tal-annimali

    L-importazzjoni jew it-transitu ta’ annimali minn pajjiżi li mhumiex fl-UE jistgħu jkunu soġġetti għall-kundizzjonijiet ta’ regoli speċifiċi tas-saħħa, filwaqt li titqies:

    • l-ispeċi kkonċernata tal-annimali;
    • l-età u s-sess tal-annimali;
    • id-destinazzjoni jew l-iskop intiżi tal-annimali;
    • il-miżuri li għandhom ikunu applikati wara l-importazzjoni;
    • xi dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għall-kummerċ fl-UE.

    Garanziji mogħtija minn pajjiżi li mhumiex fl-UE

    Pajjiżi awtorizzati mhux fl-UE għandhom jiggarantixxu li l-annimali jkunu ġew ivverifikati minn uffiċjal veterinarju u li jkunu konformi ma’ ċerti kundizzjonijiet stabilliti dwar is-saħħa tal-annimali.

    Ċertifikat veterinarju li jattesta li l-annimali konċernati huma ħielsa mill-periklu u li jipprovdi ċerta informazzjoni, bħal dettalji dwar is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali jew il-benesseri tal-annimali, għandu jiġi ppreżentat ma’ kull konsenja tal-annimali.

    Jistgħu jingħataw derogi abbażi tad-destinazzjoni tal-annimali (ġonna żooloġiċi, ċirki, annimali domestiċi, eċċ.) jew skont il-miżuri kontra l-mard elenkat fl-Anness II li jkunu implimentati fil-pajjiż li mhux fl-UE.

    Spezzjonijiet f’pajjiżi li mhumiex fl-UE

    L-esperti tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu spezzjonijiet sabiex jivverifikaw il-konformità jew l-ekwivalenza tar-regoli tas-saħħa tal-annimali tal-pajjiż mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

    Tħassir

    Ir-Regolament (UE) 2016/429 (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) jirrevoka d-direttiva mill-21 ta’ April 2021.

    MINN META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

    Din ilha tapplika mill-20 ta’ Mejju 2004 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sad-19 ta’ Novembru 2005.

    SFOND

    Id-Direttiva 2004/68/KE ġiet adottata b’reazzjoni għat-tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer u d-deni tal-ħnieżer fl-UE.

    TERMINI PRINĊIPALI

    Ungulati: mammiferi bid-dwiefer inkluż bhejjem, ħnieżer, nagħaġ, żwiemel, ċriev, eċċ.

    DOKUMENT EWLIENI

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/68/KE tas-26 ta’ April 2004 li tistabbilixxi r-regoli tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni lejn u t-transitu matul il-Komunità għal ċerti annimali ungulati ħajjin, u temenda d-Direttivi 90/426/KEE u 92/65/LEE u tħassar id-Direttiva 72/462/KEE (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 321-360)

    Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2004/68/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1-208)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1-121).

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 06.03.2019

    Fuq