EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Eżenzjoni mill-VAT: importazzjoni finali tal-oġġetti

Eżenzjoni mill-VAT: importazzjoni finali tal-oġġetti

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2009/132/KE li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u r-regoli għall-implimentazzjoni tagħhom imsemmija fid-Direttiva 2006/112/KE (is-sistema komuni tal-UE tat-taxxa fuq il-valur miżjud).

PUNTI EWLENIN

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) jeħtiġilhom jagħtu eżenzjonijiet mill-VAT fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minnhom sabiex jipprevjenu kwalunkwe distorsjoni fil-kompetizzjoni jew evażjoni tat-taxxa.

Eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni tista’ tingħata għal:

  • proprjetà personali importata minn persuni fiżiċi li jittrasferixxu l-post ta’ residenza normali tagħhom minn pajjiż li mhux tal-UE għal Stat Membru;
  • oġġetti importati fl-okkażjoni ta’ żwieġ;
  • proprjetà personali akkwistata minn wirt;
  • ħwejjeġ tal-iskola, materjali edukattivi u oġġetti tad-dar relatati;
  • oġġetti kapitali u apparat importat mat-trasferiment tal-attivitajiet kummerċjali;
  • ċerti prodotti agrikoli jew prodotti maħsuba għal użu agrikolu;
  • sustanzi terapewtiċi, mediċini, annimali tal-laboratorju u sustanzi bijoloġiċi jew kimiċi;
  • oġġetti importati għall-użu minn organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi;
  • oġġetti importati fil-kuntest tar-relazzjonijiet internazzjonali;
  • oġġetti għall-promozzjoni tal-kummerċ;
  • oġġetti importati għall-finijiet ta’ eżamijiet, analiżi jew testijiet;
  • kunsinni mibgħuta lil organizzazzjonijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-awtur jew ta’ privattivi industrijali u kummerċjali;
  • fuljetti ta’ informazzjoni għat-turisti;
  • diversi dokumenti maħsuba għal korpi uffiċjali;
  • materjali anċillari għall-ħażna u l-protezzjoni tal-oġġetti matul it-trasport tagħhom;
  • żibel, għalf u materjali tal-għalf għall-annimali matul it-trasport tagħhom;
  • karburanti u lubrifikanti preżenti f’vetturi bil-mutur tal-art u f’kontenituri speċjali;
  • oġġetti għall-kostruzzjoni, manutenzjoni jew tiżjin ta’ monumenti tal-gwerra;
  • twiebet, urni tal-funerali u oġġetti ornamentali tal-funeral.

Din id-Direttiva ma tipprevjenix lill-Istati Membri milli jżommu ftehimiet konklużi ma’ pajjiżi mhux tal-UE li jipprevedu eżenzjonijiet speċjali.

Għal uħud minn dawn il-kategoriji, ċerti oġġetti huma esklużi mill-eżenzjoni, b’mod partikolari l-alkoħol u l-prodotti tat-tabakk.

Importazzjonijiet ta’ valur negliġibbli

Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2017/2455 ħassret it-Titolu IV tad-Direttiva 2009/132/KE rigward l-importazzjonijiet ta’ valur negliġibbli, bl-eliminazzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT għal kunsinni żgħar (valur massimu ta’ EUR 22) mill-1 ta’ Lulju 2021.

Pandemija tal-COVID-19 — eżenzjoni mill-VAT u mid-dazji tal-importazzjoni

  • F’Marzu 2020, l-Istati Membri talbu eżenzjoni mill-VAT u eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti meħtieġa fil-ġlieda kontra t-tifqigħa tal-COVID-19. Billi l-pandemija u l-isfidi estremi li ħolqot irriżultaw f’diżastru fis-sens tal-Arikolu 51 tad-Direttiva 2009/132/UE, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni (UE) 2020/491 li ppermettiet li l-importazzjoni ta’ dawn l-oġġetti tkun eżenti mill-VAT mit-30 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Lulju 2020.
  • L-oġġetti inkwistjoni kellhom jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet:
    • għandhom jiġu distribwiti mingħajr ħlas minn jew f’isem korpi pubbliċi jew aġenziji ta’ għajnuna għad-diżastri lil persuni affettwati minn jew f’riskju li jaqbadhom il-COVID-19, jew involuti fil-ġlieda kontriha;
    • kellhom ikunu disponibbli mingħajr ħlas għal dawn l-istess persuni waqt li jibqgħu l-proprjetà tal-korpi pubbliċi.
  • L-Istati Membri kellhom jibagħtu lill-Kummissjoni:
    • lista tal-korpi pubbliċi inkwistjoni;
    • informazzjoni dwar in-natura u l-kwantitajiet tal-oġġetti inkwistjoni; u
    • informazzjoni dwar il-miżuri meħuda biex jipprevjenu li dawn l-oġġetti jintużaw għal skopijiet oħra minbarra biex jiġu miġġielda l-effetti tal-pandemija.
  • Il-validità tad-Deċiżjoni (UE) 2004/83/1 ġiet estiża ulterjorment sa:
    • il-31 ta’ Ottubru 2020 bid-Deċiżjoni (UE) 2020/1101;
    • it-30 ta’ April 2021 bid-Deċiżjoni (UE) 2020/1573;
    • il-31 ta’ Diċembru 2021 bid-Deċiżjoni (UE) 2021/660;
    • it-30 ta’ Ġunju 2022 bid-Deċiżjoni (UE) 2021/2313;
    • il-31 ta’ Diċembru 2022 bid-Deċiżjoni (UE) 2022/1511, għall-Belġju, il-Latvja, l-Awstrija, il-Portugall u s-Slovenja.

Eżenzjoni mill-VAT u d-dazji tal-importazzjoni għal persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa fl-Ukrajna u n-nies fil-bżonn fl-Ukrajna

F’Lulju 2022, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1108 ġiet adottata biex tirreaġixxi għat-talbiet minn xi Stati Membri għall-eżenzjoni mill-VAT u l-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet primarji tal-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u joffrulhom biżżejjed għajnuna umanitarja (kenn temporanju ta’ emerġenza, oġġetti ta’ akkomodazzjoni, mediċini u oġġetti mediċi, tagħmir li għandu jintuża għall-ġestjoni u l-forniment tal-ikel). Din id-deċiżjoni applikat sal-31 ta’ Diċembru 2022.

Fis-17 ta’ April 2023, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/829 ġiet adottata biex tagħti eżenzjoni ulterjuri mid-dazji tal-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fir-rigward tal-importazzjonijiet minn, jew f’isem, organizzazzjonijiet tal-Istat, u organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jagħmlu talba (l-Estonja, Franza, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja). Id-deċiżjoni applikat mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-Direttiva 2009/132/KE kkodifikat u ssostitwiet id-Direttiva 83/181/KEE u l-emendi sussegwenti tagħha. Id-Direttiva oriġinali 83/181/KEE kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-1984.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 292, 10.11.2009, pp. 5–30).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/132/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/829 tas-17 ta’ April 2023 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni mogħtija għall-merkanzija li għandha titqassam jew issir disponibbli mingħajr ħlas lill-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari fl-Ukrajna u lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna (ĠU L 104, 19.4.2023, pp. 25–29).

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1511 tas-7 ta’ Settembru 2022 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni mogħtija għall-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2022 (ĠU L 235, 3.4.2020, pp. 48–50).

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1108 tal-1 ta’ Lulju 2022 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni mogħtija għall-merkanzija li għandha titqassam jew issir disponibbli mingħajr ħlas lill-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna u lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna (ĠU L 178, 5.7.2022, pp. 57–60).

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2313 tat-22 ta’ Diċembru 2021 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2022 (ĠU L 464, 28.12.2021, pp. 11–13).

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/491 tat-3 ta’ April 2020 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2020 (ĠU L 103 I, 3.4.2020, pp. 1–3).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, pp. 1–118).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 06.02.2024

Top