EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Statistika rigward il-ġarr tal-passiġġieri, il-merkanzija u l-posta bl-ajru

Statistika rigward il-ġarr tal-passiġġieri, il-merkanzija u l-posta bl-ajru

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 437/2003 rigward il-ġbir ta’ statistika dwar passiġġieri, merkanzija u posta bl-ajru

Ir-Regolament (KE) Nru 1358/2003 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 437/2003

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?

Sabiex tiġi fformulata l-politika tal-UE dwar l-avjazzjoni, din jeħtieġ li jkollha data statistika komparabbli, konsistenti, sinkronizzata u regolari dwar l-iskala u l-iżvilupp tal-ġarr tal-passiġġieri, il-merkanzija u l-posta bl-ajru fi ħdan l-UE. Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 437/2003 għandu l-għan li jistabbilixxi bażi statistika solida għal dan l-iskop.

Huwa kkomplementat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (KE) Nru 1358/2003 li fih informazzjoni metodoloġika importanti, bħalma huma l-kategoriji tal-ajruporti li fuqhom huma bbażati l-obbligi tar-rappurtar, aktar definizzjonijiet u linji gwida tal-kodifikazzjoni.

PUNTI EWLENIN

L-għan tar-Regolament (KE) Nru 437/2003 huwa li tinġabar informazzjoni affidabbli, regolari, aġġornata, armonizzata u komparabbli dwar il-ġarr tal-passiġġieri, il-merkanzija u l-posta bl-ajru. Il-ġbir ta’ data komuni fuq bażi komparabbli jew armonizzata jagħmilha possibbli li tiġi stabbilita sistema integrata li tipprovdi informazzjoni affidabbli, konsistenti u fil-pront.

Kull pajjiż tal-UE għandu jiġbor data statistika dwar:

  • il-passiġġieri;
  • il-merkanzija u l-posta;
  • it-titjiriet;
  • il-postijiet tal-passiġġieri disponibbli;
  • il-movimenti tal-inġenji tal-ajru.

Kull pajjiż tal-UE għandu jiġbor ukoll id-data speċifikata kollha għall-ajruporti kollha tal-UE fit-territorju tiegħu b’iktar minn 150,000 passiġġier kull sena. Għandha tinġabar statistika inqas dettaljata għal ajruporti ta’ bejn 15,000 u 150,000 passiġġier, waqt li ajruporti b’inqas minn 15,000 passiġġier m’għandhomx għalfejn jirrapportaw.

Fejn ikun possibbli, il-ġbir tad-data għandu jkun ibbażat fuq sorsi disponibbli sabiex jiġi minimizzat il-piż fuq ir-rispondenti. Meta pajjiż tal-UE jitlob lil rispondent biex jipprovdi informazzjoni, ir-rispondent huwa obbligat jagħti informazzjoni vera u kompluta sad-data ta’ skadenza mogħtija.

Il-ġbir tad-data għandu jkun ibbażat fuq prospetti mimlijin sakemm ma jiġux stabbiliti standards ta’ preċiżjoni oħrajn mill-Kummissjoni Ewropea. Il-pajjiżi tal-UE għandhom jibagħtu r-riżultati tal-ipproċessar tad-data, inkluża d-data ddikjarata kunfidenzjali, lill-Eurostat.

Meta jintalbu mill-Kummissjoni, il-pajjiżi tal-UE għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni kollha rigward il-metodi użati fil-ġbir tad-data, kif ukoll kwalunkwe bidliet sostantivi f’dawn il-metodi.

Ir-Regolament (KE) Nru 1358/2003 jistabbilixxi l-lista ta’ ajruporti tal-UE (minbarra dawk li jkollhom biss traffiku kummerċjali okkażjonali).

Din fiha informazzjoni metodoloġika importanti ħafna — pereżempju, il-kategoriji tal-ajruporti — li abbażi tagħha jiġu stabbiliti l-obbligi tar-rapportar, kif ukoll definizzjonijiet u linji gwida tal-kodifikazzjoni addizzjonali.

KEMM ILHOM FIS-SEĦĦ IR-REGOLAMENTI?

Ir-Regolament (KE) Nru 437/2003 ilu fis-seħħ mill-31 ta’ Marzu 2003.

Ir-Regolament (KE) Nru 1358/2003 ilu fis-seħħ mill-21 t’Awwissu 2003.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

ID-DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament (KE) Nru 437/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2003 dwar il-prospetti ta’ l-istatistika rigward it-trasport tal-passiġġieri, l-merkanzija u l-posta bl-ajru (ĠU L 66, 11.3.2003, pp. 1-8)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 437/2003 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1358/2003 tal-31 ta’ Lulju 2003 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 437/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospetti ta’ l-istatistika rigward it-trasport tal-passiġġieri, l-merkanzija u l-posta bl-ajru w li jemenda l-Anness I u II tiegħu (ĠU L 194, 1.8.2003, pp. 9-33)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 13.04.2018

Top