EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd

Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2019/473 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

Dan ir-regolament jagħmel dispożizzjoni għal Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), ibbażata f’Vigo, Spanja, li għandha l-għan li tippromwovi standards komuni għall-kontroll, l-ispezzjoni u s-sorveljanza skont il-politika komuni tas-sajd (PKS).

Ir-rwol ewlieni tal-EFCA huwa li torganizza l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-attivitajiet nazzjonali ta’ kontroll u spezzjoni sabiex ir-regoli tal-PKS jiġu rrispettati u applikati b’mod effettiv madwar l-UE.

PUNTI EWLENIN

Dan ir-regolament iħassar u jikkodifika r-Regolament (KE) Nru 768/2005.

Missjoni

Il-missjoni tal-EFCA hija li:

  • tikkoordina l-kontrolli u l-ispezzjonijiet mill-pajjiżi tal-UE;
  • tikkoordina l-użu ta’ mezzi nazzjonali ta’ kontroll u spezzjoni;
  • tgħin lill-pajjiżi tal-UE biex jirrapportaw informazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea u lil partijiet terzi rilevanti;
  • tgħin lill-pajjiżi tal-UE jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-PKS;
  • tgħin lill-pajjiżi tal-UE u lill-Kummissjoni jarmonizzaw l-applikazzjoni tal-PKS madwar l-UE;
  • tikkontribwixxi għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ tekniki ta’ kontroll u spezzjoni;
  • tikkontribwixxi għall-koordinazzjoni tat-taħriġ tal-ispetturi u għall-iskambju tal-esperjenzi bejn il-pajjiżi tal-UE;
  • tikkoordina l-isforzi biex jiġi miġġieled is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat (“IUU”);
  • tgħin fl-implimentazzjoni uniformi tas-sistema ta’ kontroll tal-PKS, fosthom il-koordinazzjoni operattiva u l-ispezzjonijiet;
  • tikkoopera mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima billi tipprovdi servizzi, informazzjoni, tagħmir u taħriġ, u tikkoordina l-operazzjonijiet b’diversi għanijiet.

Koordinazzjoni operattiva

Il-Kummissjoni tista’ titlob li l-EFCA tikkoordina l-kontrolli u l-ispezzjonijiet mill-pajjiżi tal-UE billi tistabbilixxi pjanijiet ta’ skjerament konġunti li:

  • japplikaw il-kriterji, il-punti ta’ riferiment, il-prijoritajiet u l-proċeduri ta’ spezzjoni komuni ddeterminati mill-Kummissjoni; u
  • jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom il-mezzi ta’ kontroll u spezzjoni ta’ pajjiż tal-UE jistgħu jidħlu fl-ilmijiet skont is-sovranità u l-ġurisdizzjoni ta’ pajjiż ieħor tal-UE.

Kompetenzi

  • Assenjament ta’ uffiċjali tal-EFCA bħala spetturi tal-UE: L-uffiċjali tal-EFCA jistgħu jiġu assenjati fl-ilmijiet internazzjonali bħala spetturi tal-UE;
  • Miżuri tal-aġenzija: Fejn ikun xieraq, l-EFCA
    • toħroġ manwali dwar standards armonizzati ta’ spezzjoni;
    • tiżviluppa materjal ta’ gwida dwar l-aħjar prattika b’rabta mal-kontroll tal-PKS, inkluż it-taħriġ tal-uffiċjali ta’ kontroll;
    • tagħti lill-Kummissjoni appoġġ tekniku u amministrattiv.
  • Kooperazzjoni: L-EFCA tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE u bejn dawn u l-Kummissjoni;
  • Unità ta’ Emerġenza: meta l-Kummissjoni, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ mill-anqas 2 pajjiżi tal-UE, tidentifika sitwazzjoni li tinvolvi riskju serju dirett, indirett jew potenzjali għall-PKS, l-EFCA tiġi nnotifikata. Imbagħad, l-EFCA li taġixxi fuq notifika mill-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tagħha stess se tistabbilixxi minnufih unità ta’ emerġenza u se tinforma lill-Kummissjoni.L-unità ta’ emerġenza tiġbor u tevalwa l-informazzjoni rilevanti u tidentifika l-għażliet disponibbli biex tipprevjeni, telimina jew tnaqqas ir-riskju għall-PKS u, fejn ikun xieraq, se żżomm lill-pubbliku informat dwar ir-riskji involuti u l-miżuri li ttieħdu.

Programm ta’ ħidma pluriennali

  • Il-programm ta’ ħidma pluriennali tal-EFCA jistabbilixxi l-objettivi, il-mandat, il-kompiti, l-indikaturi ta’ prestazzjoni u l-prijoritajiet tagħha fuq perjodu ta’ ħames snin.
  • L-EFCA tikkoopera fl-affarijiet marittimi billi tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Politika Marittima Integrata tal-UE.

Il-ġlieda kontra l-frodi

Biex jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet oħra illegali, japplika r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).

MINN META BEDA JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-14 ta’ April 2019. Ir-Regolament (UE) 2019/473 ikkodifika u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 768/2005 u l-emendi sussegwenti tiegħu.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (kodifikazzjoni) (ĠU L 83, 25.3.2019, pp. 18-37)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, pp. 1-38)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1986 tat-13 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni għal ċertu sajd u li tħassar id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2012/807/UE, 2013/328/UE, 2013/305/UE u 2014/156/UE (ĠU L 317, 14.12.2018, pp. 29-46)

Ir-Regolament (UE) Nru 2016/1626 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd (ĠU L 251, 16.9.2016, pp. 80-82)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, pp. 22-61)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, pp. 1-50)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jirrevoka r-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, pp. 1-32)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 21.11.2019

Top