EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-gvernijiet fl-UE — pjan ta’ azzjoni għal bejn l-2016 u l-2020

Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-gvernijiet fl-UE — pjan ta’ azzjoni għal bejn l-2016 u l-2020

 

SOMMARJU TA’:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (COM(2016) 179 final) — il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku

Artikolu 197 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI, TAL-ARTIKOLI TAT-TRATTAT U TAL-KARTA?

Mill-2005, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-pjanijiet ta’ azzjoni dwar il-Gvern elettroniku sabiex tavvanza l-aġenda tal-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku mal-UE kollha. Dawn jimmiraw li jappoġġjaw il-koordinazzjoni, il-kollaborazzjoni u l-azzjonijiet konġunti dwar il-Gvern elettroniku.

L-aktar pjan ta’ azzjoni riċenti jimmira li jipprovdi appoġġ lill-proċessi amministrattivi, itejjeb il-kwalità tas-servizz u jżid l-effiċjenza billi jagħmel użu sħiħ mit-teknoloġija diġitali. Huwa jimmira wkoll li jnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji u ċ-ċittadini billi jagħmel l-interazzjonijiet aktar rapidi, aktar kovenjenti u orħos, u b’hekk iwassal għal benefiċċji ekonomiċi u soċjali ulterjuri għas-soċjetà kollha.

Skont l-Artikolu 197 tat-TFUE, l-UE tista’ tappoġġja l-isforzi tal-pajjiżi tal-UE biex itejbu l-kapaċità amministrattiva tagħhom biex jimplimentaw il-liġi tal-UE.

Skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha d-dritt li:

  • ikollha l-affarijiet tagħha trattati b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli mill-korpi tal-UE, inkluż id-dritt li tinstema’ qabel ma tittieħed xi miżura individwali li taffettwaha b’mod negattiv,
  • ikollha aċċess għall-fajl tagħha, filwaqt li tirrispetta l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju.

PUNTI EWLENIN

Il-pjan ta’ azzjoni huwa ggwidat mill-viżjoni li sal-2020, jenħtieġ li l-amministrazzjonijiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi fl-UE jkunu miftuħa, effiċjenti u inklużivi, filwaqt li jipprovdu servizzi pubbliċi diġitali mingħajr fruntieri, personalizzati, faċli għall-utent, għaċ-ċittadini u għan-negozji kollha.

Fid-disinn u t-twettiq ta’ servizzi aħjar jintużaw approċċi innovattivi f’konformità mal-ħtiġijiet u d-domandi taċ-ċittadini u tan-negozji. L-amministrazzjonijiet pubbliċi jużaw l-opportunitajiet offruti mill-ambjent diġitali l-ġdid biex jiffaċilitaw l-interazzjonijiet tagħhom mal-partijiet kollha interessati u ma’ xulxin.

Dan il-pjan ta’ azzjoni jimmira li jgħaqqad l-isforzi li qed isiru biex jitneħħew l-ostakoli diġitali eżistenti għas-Suq Uniku Diġitali. Huwa ma għandux baġit iddedikat, iżda jgħin fil-koordinazzjoni tar-riżorsi disponibbli għall-pajjiżi tal-UE permezz ta’ diversi programmi tal-UE. L-inizjattivi fil-pjan huma bbażati fuq dawn il-prinċipji:

  • Diġitali b’mod awtomatiku, it-twettiq ta’ servizzi b’mod diġitali bħala l-opzjoni ppreferuta permezz ta’ punt ta’ kuntatt uniku;
  • Il-prinċipju ta’ darba biss, li jiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji jfornu l-istess informazzjoni darba biss lil amministrazzjoni pubblika;
  • Inklużivi u aċċessibbli: servizzi pubbliċi diġitali li huma inklużivi u li jissodisfaw ħtiġijiet differenti bħal dawk tan-nies b’diżabbiltà;
  • Miftuħa u trasparenti: korpi pubbliċi li jaqsmu l-informazzjoni u d-data bejniethom, u ċittadini u negozji li jkollhom aċċess għad-data tagħhom, u jingaġġaw ma’ negozji u oħrajn fid-disinn ta’ servizzi;
  • Transfruntier, b’servizzi pubbliċi diġitali disponibbli minn fruntiera għal oħra, li jimpedixxu aktar frammentazzjoni u li jiżguraw il-mobbiltà fis-suq uniku tal-UE;
  • Interoperabbli, b’servizzi ddisinjati biex jaħdmu mingħajr diffikultà fis-suq uniku kollu u bejn l-organizzazzjonijiet;
  • Affidabbli u sigur, b’inizjattivi li jmorru lil hinn minn sempliċiment konformità legali dwar il-protetzzjoni tad-data, il-privatezza, u s-sigurtà tal-IT.

Il-pjan ta’ azzjoni ta’ 20 punt huwa organizzat fi 3 pilastri, u jagħti data fil-mira għal kull azzjoni li għandha titlesta.

Pilastru I: L-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika bl-ICT

L-azzjonijiet f’dan il-pilastru jimmiraw li jtejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, li għadhom kruċjali fil-klima ekonomika attwali u fil-kuntest tal-awsterità tal-baġit, billi jużaw għodod diġitali ewlenin:

1. Fl-2019: jappoġġjaw it-tranżizzjoni tal-pajjiżi tal-UE lejn akkwist elettroniku sħiħ u l-użu ta’ reġistri ta’ kuntratti.

2. Fl-2016: iħaffu l-użu ta’ servizzi eIDAS.

3. Fl-2018: jiżguraw is-sostenibbiltà tal-infrastruttura tas-servizzi diġitali minn naħa għal oħra tal-fruntiera.

4. Bejn l-2016 u l-2019: jippreżentaw verżjoni riveduta tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (EIF) u jappoġġjaw l-użu mill-pajjiżi tal-UE.

5. Fl-2017: jikkoordinaw l-iżvilupp ta’ prototip għal Katalgu Ewropew ta’ standards tal-ICT għall-akkwist pubbliku.

6. Bejn l-2016 u l-2019: gradwalment jintroduċu l-prinċipji “diġitali b’mod awtomatiku” u “ta’ darba biss”, il-fatturar elettroniku u l-akkwist elettroniku u jivvalutaw l-implimentazzjoni possibbli tal-prinċipju “ta’ nuqqas ta’ legat”.

Pilastru II: Li tiġi permessa mobbiltà transfruntiera ma’ servizzi pubbliċi diġitali

L-aħħar snin ta’ parametraġġ referenzjarju ta’ Gvern elettroniku juru li s-servizzi intra-UE għadhom lura b’mod sinifikanti meta mqabbla mas-servizzi nazzjonali u li d-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi offruti lil dawk mhux residenti hija inadegwata. L-istudju f’pajjiż ieħor, pereżempju, xorta jaf jinkludi proċessi ta’ applikazzjoni bil-karti u laqgħat wiċċ imb wiċċ qabel ir-reġistrazzjoni.

L-azzjonijiet f’dan il-pilastru jimmiraw li jiffaċilitaw il-mobbiltà u l-aċċess għas-servizzi pubbliċi diġitali minn naħa ta’ fruntiera għal oħra għaċ-ċittadini u n-negozji f’UE interoperabbli:

7. Fl-2017: tiġi sottomessa proposta għal Gateway Diġitali Unika.

8. Fl-2016: il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika isir punt ta’ kuntatt uniku tal-informazzjoni.

9. Fl-2017: interkonnessjoni mandatorja għar-reġistri tan-negozju tal-pajjiżi tal-UE kollha.

10. Fl-2019: żvilupp ulterjuri fl-interkonnessjoni elettronika tar-reġistri tal-insolvenza.

11. Fl-2017: tiġi ppreżentata inizjattiva għal soluzzjonijiet diġitali tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija.

12. Fl-2016: il-Mekkaniżmu Elettroniku Uniku jiġi estiż għar-reġistrazzjoni u l-pagament tal-VAT.

13. Fl-2016: jitnieda pilota dwar il-Prinċipju ta’ Darba Biss għan-negozju.

14. Fl-2018: jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ rappurtar uniku fit-trasport marittimu u d-dokumenti elettroniċi dwar it-trasport jiġu diġitalizzati.

15. Fl-2019: jitlesta s-setup tal-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali.

16. Fl-2017: jiġi żviluppat aktar il-Portal Ewropew dwar il-Mobbiltà fix-Xogħol.

17. Bejn l-2016 u l-2018: il-pajjiżi tal-UE jiġu appoġġjati biex jiżviluppaw servizzi tas-Saħħa elettronika minn fruntiera għal oħra.

Pilastru III: L-iffaċilitar tal-interazzjoni diġitali maċ-ċittadini u n-negozji

L-azzjonijiet f’dan il-pilastru jimmiraw li jtejbu l-użu ta’ servizzi pubbliċi diġitali miċ-ċittadini u n-negozji. Dan huwa maħsub li jtejjeb l-esperjenza tal-utent, pereżempju, permezz tal-personalizzazzjoni, filwaqt li jirrispetta l-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Dan jista’ jinkiseb billi l-utenti nfushom jiġu involuti fid-disinn, fil-produzzjoni u fit-twettiq ta’ servizzi pubbliċi.

Uħud mill-aktar azzjonijiet li jħallu impatt jinkludu l-introduzzjoni ta’ servizzi ta’ identifikazzjoni elettronika u fiduċjarji (eIDAS services), l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ darba biss u l-użu mill-ġdid tal-elementi kostitwenti tal-infrastruttura tas-servizz diġitali għal servizzi pubbliċi transfruntieri. Xi azzjonijiet jindirizzaw b’mod speċifiku t-trasformazzjoni diġitali tal-Kummissjoni.

L-azzjonijiet f’dan il-pilastru jinkludu:

18. Fl-2019: tiġi vvalutata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ darba biss għaċ-ċittadini minn fruntiera għal oħra.

19. Bejn l-2016 u l-2020: jiġi mħaffef l-użu tal-infrastruttura tad-data tad-Direttiva INSPIRE.

20. Fl-2018: jiġu ttrasformati siti web tal-UE biex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u n-negozji fil-programmi u fil-politika.

Jistgħu jkunu meħtieġa aktar azzjonijiet sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, u għall-adattament għall-ambjent teknoloġiku li qed jinbidel b’mod rapidu.

Il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll Bord ta’ Tmexxija tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Gvern Elettroniku, magħmul minn rappreżentanti tal-pajjiżi tal-UE, biex jikkoordinaw l-implimentazzjoni effettiva u jissorveljaw il-Pjan ta’ Azzjoni kif ukoll biex jivvalutaw u jagħżlu azzjonijiet ġodda.

Għalkemm il-pjan mhux se jkollu l-baġit iddedikat tiegħu, se jirċievi finanzjament minn diversi programmi tal-UE. Meta l-finanzjament jiġi mill-fondi strutturali u tal-investiment tal-UE, il-finanzjament huwa marbut mal-kundizzjoni li l-pajjiżi inkwistjoni jikkonformaw mal-proċeduri tal-governanza ekonomika tal-UE.

SFOND

It-trasformazzjoni diġitali tal-gvern tiffaċilita l-interazzjoni tan-negozji mal-amministrazzjonijiet pubbliċi mal-UE kollha, sabiex dawn ikunu jistgħu jesploraw faċilment swieq ġodda. Hija tnaqqas ukoll il-piż amministrattiv għaċ-ċittadini li jkunu jridu jgħixu, jaħdmu, jistudjaw jew jirtiraw f’pajjiż ieħor tal-UE.

Is-servizzi pubbliċi diġitali huma kruċjali għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq iċ-ċittadini u n-negozji billi jagħmlu l-interazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi aktar rapidi, aktar konvenjenti u orħos.

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern Elettroniku għal bejn l-2016 u l-2020 jimmira li jindirizza l-problemi li jiffaċċjaw iċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi permezz tal-objettivi strateġiċi stipulati fl-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa:

  • 1.

    l-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika;

  • 2.

    il-ksib ta’ interoperabbiltà transfruntiera; u

  • 3.

    l-iffaċilitar ta’ interazzjoni faċli maċ-ċittadini.

Pjan ta’ Azzjoni Dinamiku

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern Elettroniku għal bejn l-2011 u l-2015 tirrakkomanda li l-Pjan ta’ Azzjoni attwali ma jibqax inizjattiva statika ta’ 5 snin iżda jsir approċċ flessibbli u iterattiv. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern Elettroniku li jevolvi b’mod dinamiku huwa appoġġjat minn pjattaforma ta’ involviment diġitali msejħa l-eGovernment4EU. Hija tiġbor ideat konkreti għall-azzjoni mill-partijiet kollha interessati. Fir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu 5 tas-Suq Uniku Diġitali, kienu diġà żdiedu azzjonijiet ġodda mal-Pjan ta’ Azzjoni, iżda xorta waħda jistgħu jiżdiedu azzjonijiet ġodda mal-Pjan ta’ Azzjoni.

Lil hinn mill-Pjan ta’ Azzjoni

Id-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar il-Gvern Elettroniku ta’ Tallinn tal-2017 tirrappreżenta impenn politiku b’saħħtu mill-pajjiżi Ewropej (mill-UE u mill-EFTA) biex ikomplu jħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-gvern f’konformità mal-prinċipji tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern Elettroniku. Filwaqt li tirrikonoxxi l-irwol tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern Elettroniku għall-2016, hija ssejjaħ biex tiġi stabbilita l-bażi għal evoluzzjoni diġitali ulterjuri u azzjonijiet konġunti lil hinn mill-2020 billi tiġi mifruxa d-diġitalizzazzjoni fl-oqsma ta’ politika kollha u jiġi żgurat li l-utenti aħħarija jkunu l-enfasi tas-servizzi.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti tlieta — Titolu XXIV — Koperazzjoni amministrattiva — Artikolu 197 (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 136)

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Titolu V — Drittijiet taċ-ċittadini — Artikolu 41 — id-dritt għal amministrazzjoni tajba (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 401-402)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 — Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-gvern (COM(2016) 179 final, 19.4.2016)

l-aħħar aġġornament 03.04.2018

Top