Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-KEE u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC)

Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-KEE u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC)

 

SOMMARJU TA’:

Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-KEE u l-pajjiżi tal-GCC

Id-Deċiżjoni 89/147/KEE dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn il-KEE u l-pajjiżi tal-GCC

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAL-FTEHIM?

  • Id-deċiżjoni tikkonċerna l-konklużjoni, f’isem il-KEE (issa l-UE), ta’ sħubija u ftehim ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-GCC (l-Emirati Għarab Magħquda, il-Bahrain, l-Arabja Sawdija, l-Oman, il-Qatar u l-Kuwajt).
  • L-għan tal-ftehim huwa li jippromwovi l-aktar kooperazzjoni ġenerali wiesgħa bejn sħab indaqs b’termini reċiprokament vantaġġjużi fl-oqsma kollha bejn iż-żewġ reġjuni u li jżid l-iżvilupp ekonomiku tagħhom.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim ikopri dan li ġej:

  • il-kooperazzjoni ekonomika, li għandha tkun estensiva kemm jista’ jkun u ma teskludi l-ebda żona, u kooperazzjoni teknika, li tiġi mħeġġa u ffaċilitata:
    • d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tal-pajjiżi tal-GCC,
    • ir-riċerka dwar is-suq u l-promozzjoni tan-negozju,
    • it-trasferiment u l-iżvilupp tat-teknoloġija, b’mod partikolari permezz ta’ inizjattivi konġunti u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-privattivi, tat-trademarks u tal-proprjetà intellettwali,
    • il-promozzjoni ta’ rabtiet stabbli u bbilanċjati bejn in-negozjanti,
    • il-kooperazzjoni dwar standards u miżuri,
    • l-iskambju ta’ informazzjoni,
    • it-taħriġ;
  • l-agrikoltura, l-industrija agroalimentari u s-sajd, biex jiżdied l-iskambju ta’ informazzjoni u jiġu mħeġġa kuntatti bejn il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka biex jiġu promossi proġetti komuni;
  • l-industrija, biex jiġu mħeġġa intrapriżi konġunti, tiġi żviluppata produzzjoni industrijali, titkabbar il-bażi ekonomika u jiġu organizzati kuntatti u laqgħat;
  • il-protezzjoni ambjentali u tal-fawna selvaġġa, biex il-partijiet jiġu mħeġġa jikkondividu l-informazzjoni;
  • l-investiment, biex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ investiment b’mod partikolari permezz ta’ ftehimiet dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni reċiproċi;
  • fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija, biex jiġu mħeġġa rabtiet bejn il-komunitajiet xjentifiċi u l-aċċess għall-bażijiet tad-data dwar il-privattivi, ir-riċerka, l-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku, it-trasferimenti u l-adattament għat-teknoloġija;
  • l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni tan-negozju. Il-partijiet qablu li jsibu modi biex jeliminaw l-ostakoli kummerċjali u biex jiftħu diskussjonijiet dwar ftehim għall-iżvilupp tal-kummerċ. Dikjarazzjoni komuni dwar dan is-suġġett ġiet inkluża fl-aħħar tat-test. Sakemm jintlaħaq ftehim, iż-żewġ partijiet se jagħtu lil xulxin l-istatus tan-nazzjon l-aktar iffavorit*, kif stabbilit f’ittra tal-UE mehmuża mal-ftehim.

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

  • Il-ftehim jistabbilixxi Kunsill Konġunt għall-Kooperazzjoni li jistabbilixxi perjodikament il-linji gwida ġenerali għall-kooperazzjoni, jaġixxi bħala arbitru fil-każ ta’ tilwim u jfittex mezzi biex iqiegħed il-kooperazzjoni fil-prattika. Id-deċiżjonijiet tiegħu huma vinkolanti fuq il-partijiet, u l-presidenza tiegħu talterna bejn l-UE u l-pajjiżi tal-GCC. Dan huwa megħjun minn Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni, u jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi aktar kumitati.
  • Il-partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni u jikkonsultaw lill-Kunsill Konġunt dwar:
    • informazzjoni utli li għandha impatt dirett fuq il-ftehim; jew
    • problemi possibbli fil-funzjonament ġenerali tal-ftehim jew li jkunu jikkonċernaw in-negozju.
  • Dan il-ftehim ma jżommx milli jiġu konklużi ftehimiet bilaterali, dment li dawn ma jmorrux kontra dan il-ftehim. Id-durata tiegħu hija mingħajr limitu, iżda jekk parti waħda tirrinunzjah bil-miktub, dan se jieqaf japplika 6 xhur wara d-data ta’ notifika.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1990.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Nazzjon l-aktar iffavorit: skont il-ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, normalment il-pajjiżi ma jistgħux jiddiskriminaw bejn is-sħab kummerċjali tagħhom. Jekk pajjiż jagħti lil pajjiż ieħor favur speċjali (bħal rata tad-dazju doganali aktar baxxa għal wieħed mill-prodotti tiegħu), dan għandu jagħmel l-istess għall-membri l-oħra kollha tad-WTO.

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, mill-parti l-waħda, u l-pajjiżi partijiet tal-Karta tal-Kunsill tal-Koperazzjoni tal-Istati Għarab tal-Golf (l-Istat tal-Emirati Għarab Magħquda, l-Istat tal-Baħrejn, ir-Renju tas-Sawdi Arabja, is-Sultanat tal-Omar, l-Istat tal-Qatar u l-Istat tal-Kuwajt) mill-parti l-oħra (ĠU L 54, 25.2.1989, pp. 3-15)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/147/KEE tal-20 ta’ Frar 1989 li tirrigwarda l-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, mill-parti l-waħda, u l-pajjiżi partijiet tal-Karta tal-Kunsill tal-Koperazzjoni tal-Istati Għarab tal-Golf (l-Istat tal-Emirati Għarab Magħquda, l-Istat tal-Baħrejn, ir-Renju tas-Sawdi Għarabja, [is-Sultanat tal-Omar], l-Istat tal-Qatar u l-Istat tal-Kuwajt) mill-parti l-oħra (ĠU L 54, 25.2.1989, pp. 1-2)

DOKUMENTI RELATATI

Informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, mill-parti l-waħda, u l-pajjiżi partijiet tal-Karta tal-Kunsill tal-Koperazzjoni tal-Istati Għarab tal-Golf (l-Istat tal-Emirati Għarab Magħquda, l-Istat tal-Baħrejn, ir-Renju tas-Sawdi Arabja, is-Sultanat tal-Omar, l-Istat tal-Qatar u l-Istat tal-Kuwajt) mill-parti l-oħra (ĠU L 360, 9.12.1989, pp. 41)

l-aħħar aġġornament 04.03.2020

Top