WTO: ftehim dwar il-kummerċ f'oġġetti
SOMMARJU TA’:
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986–1994) - aspetti relatati mal-kummerċ f'oġġetti
Laqgħa ta' Negozjati Multilaterali fl-Urugwaj (1986–1994) -— Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO)
X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U L-FTEHIM?
Id-deċiżjoni tapprova f'isem il-Komunità Ewropea (illum l-Unjoni Ewropea (UE)) il-ftehim li stabbilixxiet l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).
PUNTI EWLENIN
Il-ftehim multilaterali dwar il-kummerċ ta' oġġetti jinkludi GATT tal-1994 (Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ) u 13-il ftehim settorjali. Dawn ikopru 4 oqsma:
-
l-aċċess għas-swieq;
-
regoli li jirregolaw il-miżuri nontariffarji;
-
amministrazzjoni tad-dwana u tal-kummerċ;
-
miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ.
AĊĊESS GĦAS-SUQ
Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT tal-1994)
-
Dan it-test bażiku fih ir-regoli ġenerali li jirregolaw il-kummerċ tal-oġġetti. Ir-regoli speċifiċi huma stabbiliti fil-ftehimiet settorjali stabbiliti fl-Att Finali. GATT tal-1994 inkluda l-GATT tal-1947 u l-istrumenti legali kollha adottati qabel il-ftehim li jistabbilixxi d-WTO.
-
Il-ftehim ġenerali jistabbilixxi għadd ta' prinċipji fundamentali bbażati fuq il-GATT tal-1947, li l-għan tiegħu huwa b'mod partikolari li jiżgura kompetizzjoni ġusta, bħal:
-
il-prinċipju ġenerali ta' trattament tal-aktar nazzjon iffavorit: skont dan il-prinċipju, kull membru tad-WTO jittratta l-prodotti ta' pajjiż membru ieħor mhux anqas favorevoli mill-prodotti simili ta' pajjiż membru ieħor (il-kunċett tan-nondiskriminazzjoni);
-
il-prinċipju ta' trattament nazzjonali fir-rigward tat-tassazzjoni u r-regolamenti interni: skont dan il-prinċipju, kull membru tad-WTO jittratta l-prodotti ta' pajjiż membru ieħor mhux anqas favorevoli, fir-rigward tat-tassazzjoni u r-regolamenti interni, mill-prodotti nazzjonali proprji tiegħu.
-
Il-ftehim jipprovdi wkoll:
-
għat-tnaqqis u l-impenn fir-rigward tal-livell massimu tad-dazji doganali;
-
għall-eliminazzjoni ta' restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet;
-
għar-rekwiżit ta' notifika għall-intrapriżi kummerċjali statali;
-
għal miżuri antidumping*;
-
għal miżuri kompensatorji*;
-
għal miżuri ta’ salvagwardja*;
-
għal konsultazzjoni u proċedura ta' soluzzjoni tat-tilwim;
-
għal għadd ta' kriterji dwar iż-żoni ta' kummerċ ħieles u unjonijiet doganali; kif ukoll
-
għal rekwiżiti għall-membri ta' dawn iż-żoni u l-unjonijiet.
-
Regoli miżjuda fl-1965 jistabbilixxu regoli u privileġġi speċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
Il-Protokoll ta' Marrakexx
Il-Protokoll ta' Marrakexx anness mal-GATT tal-1994 jinkorpora fil-GATT tal-1994 l-iskedi ta' konċessjonijiet u impenji għall-oġġetti nnegozjati matul iċ-Ċiklu tal-Urugwaj, u jistabbilixxi l-awtentiċità u l-arranġamenti tagħhom għall-implimentazzjoni tagħhom.
Prodotti industrijali
-
Fir-rigward tal-prodotti industrijali, l-għan taċ-Ċiklu tal-Urugwaj kien li jnaqqas l-ostakli tariffarji b'mill-inqas kwart f'5 snin u li jżid in-numru ta' dazji doganali vinkolanti (fejn il-gvernijiet jaqblu li ma jżidux il-livell tad-dazju).
-
Bħala riżultat ta' dawn l-impenji, id-dazji doganali imposti mill-pajjiżi żviluppati fuq il-prodotti industrijali importati mir-reġjuni kollha tad-dinja naqsu b'40 % fuq medja, minn 6.3 % għal 3.8 %.
-
Fir-rigward tal-UE, kważi 40 % tal-prodotti industrijali tagħhom kellhom ikunu ħielsa mid-dazju. Fil-fatt, id-dazji doganali imposti mill-UE fuq il-prodotti industrijali huma fost l-aktar baxxi fid-dinja.
Prodotti agrikoli
-
Il-Ftehim dwar l-Agrikoltura kellu l-għan li jirriforma l-kummerċ fil-prodotti tal-biedja u jistabbilixxi sistema ġusta orjentata lejn is-suq.
-
B'dan il-mod, l-aċċess għas-swieq agrikoli issa huwa kopert minn reġim ibbażat biss fuq id-dazji doganali. Il-membri tad-WTO kienu wkoll meħtieġa jnaqqsu s-sussidji għall-esportazzjoni u l-kwantitajiet ta' esportazzjonijiet li huma ssussidjati fir-rigward tal-prodotti speċifiċi. Miżuri ta' appoġġ għall-bdiewa (appoġġ fil-prezz) kellhom ukoll jitnaqqsu.
-
Il-ftehim ikkunsidra l-livell ta' żvilupp ekonomiku tal-membri tad-WTO. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma kellhomx għalfejn inaqqsu s-sussidji tagħhom jew ibaxxu t-tariffi tagħhom bħal dawk tal-pajjiżi żviluppati u kellhom aktar ħin biex jimplimentaw l-obbligi tagħhom. Il-pajjiżi l-inqas żviluppati ġew eżentati minn dawk l-impenji tat-tnaqqis.
Tessuti u ħwejjeġ
-
L-Arranġament Multifibre tal-1973 (MFA), li jkopri fibri naturali u sintetiċi u prodotti relatati, kien ifisser li l-kummerċ fil-prodotti tessili kien barra mis-sistema komuni tal-GATT. Fil-fatt, dan il-ftehim stabbilixxa eċċezzjoni għat-tessut billi ppermetta lill-membri tad-WTO sabiex jikkonkludu bejniethom ftehimiet bilaterali li jirrestrinġu l-esportazzjonijiet tat-tessut reċiproċi tagħhom. Dawn il-ftehimiet ikunu pprojbiti skont ir-regoli ġenerali tal-GATT.
-
In-negozjati taċ-Ċiklu tal-Urugwaj kellhom l-għan li jiżguraw integrazzjoni mingħajr xkiel tas-settur tat-tessuti u l-ħwejjeġ fil-GATT tal-1994. Għalhekk, il-Ftehim dwar it-Tessuti u l-Ħwejjeġ (ATC) ipprovda għall-iżmuntar gradwali tal-MFA mill-1 ta' Jannar 2005. Dan kien ifisser li r-restrizzjonijiet bilaterali kellhom jiġu gradwalment eliminati.
-
Miżuri ta' salvagwardja jistgħu jiġu applikati għal pajjiżi li l-industriji lokali tagħhom se jkollhom diffikultajiet ta' aġġustament. Dawn il-miżuri jistgħu jdumu mhux aktar minn 3 snin u se jiġu mmonitorjati b'mod strett mill-Korp tal-Monitoraġġ tat-Tessuti.
Miżuri ta’ investiment relatati mal-kummerċ (TRIMs)
-
Il-Ftehim dwar il-Miżuri ta' Investiment Relatati mal-Kummerċ (TRIMs) jirrikonoxxi li ċerti miżuri ta' investiment jista' jkollhom effett restrittiv jew ta' tfixkil fuq il-kummerċ. Il-membri tad-WTO jaqblu li ma japplikawx TRIMs li ma jsegwux il-prinċipju ta' trattament nazzjonali stabbilit mill-GATT jew bl-eliminazzjoni ta' restrizzjonijiet fuq il-kwantitajiet. L-anness tal-ftehim fih eżempji ta' TRIMs li ma jsegwux dawn ir-regoli, pereżempju, rekwiżit sabiex tinxtara kwantità speċifika ta' prodotti ta' oriġini nazzjonali.
-
It-TRIMs kollha kellhom jiġu nnotifikati u eliminati fi żmien sentejn (2) għall-pajjiżi żviluppati, 5 snin għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u 7 snin għall-pajjiżi l-anqas żviluppati. Kumitat għall-Miżuri ta' Investiment Relatati mal-Kummerċ huwa responsabbli għall-monitoraġġ ta' dawn l-impenji. Il-membri ddeċidew ukoll li f'data aktar tard jiddeterminaw jekk il-ftehim għandux ikun ikkomplimentat b'regoli dwar il-politika tal-investiment u dwar il-politika tal-kompetizzjoni.
REGOLI DWAR IL-MIŻURI NONTARIFFARJI
Ostakli tekniċi għall-kummerċ
-
Il-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (TBT) għandu l-għan li jiżgura li r-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta' valutazzjoni tal-istandards u ta' konformità ma joħolqux ostakli bla bżonn lill-kummerċ internazzjonali. Il-ftehim jikkonferma li l-pajjiżi jistgħu jadottaw dawn il-miżuri għal raġuni leġittima, pereżempju sabiex jipproteġu s-saħħa jew is-sigurtà tal-bniedem jew sabiex jipproteġu l-ambjent. Madankollu, ir-regolamenti takniċi u l-istandards ma jridux jiddiskriminaw bejn il-prodotti nazzjonali u prodotti simili impurtati. Il-ftehim iħeġġeġ l-użu ta' standards internazzjonali u l-armonizzazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku ta' regolamenti tekniċi, proċeduri ta' valutazzjoni tal-istandards u ta' konformità.
-
Il-Ftehim jipprovdi wkoll għall-istabbiliment tal-punti nazzjonali ta' konsultazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni dwar ir-regolamenti tekniċi.
Miżuri sanitarji u fitosanitarji
-
Il-Ftehim dwar l-Applikazzjoni ta' Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (SPS) jirrelata mal-miżuri SPS kollha li, direttament jew indirettament, jistgħu jaffettwaw il-kummerċ internazzjonali. Il-miżuri SPS jipproteġu l-bnedmin, l-annimali jew il-pjanti minn riskji assoċjati mal-addittivi, kontaminanti, tossini jew mard fl-ikel, jew jipproteġu pajjiż f'każ tad-dħul, stabbiliment jew tixrid ta' organiżmi ta' ħsara.
-
Il-ftehim jirrikonoxxi li l-membri jistgħu jieħdu miżuri SPS ibbażati fuq prinċipji xjentifiċi, iżda dawk il-miżuri m'għandhomx jiddiskriminaw kontra pajjiżi oħra jew jintużaw għal finijiet protezzjonisti. Il-membri huma mħeġġa jibbażaw il-miżuri tagħhom fuq standards, linji gwida jew rakkommandazzjonijiet internazzjonali kull fejn ikun possibbli.
-
Jekk il-membri jagħżlu li ma jsegwux l-istandards internazzjonali, huma jridu xjentifikament jagħtu prova li dan huwa meħtieġ. L-applikazzjoni tal-istandards tista' tiġi kkontestata u tiġi stabbilita proċedura tas-solvien tat-tilwim.
AMMINISTRAZZJONI TAD-DWANA U TAL-KUMMERĊ
Il-Valutazzjoni Doganali
-
Meta d-dazji doganali huma bbażati fuq il-valur tal-oġġetti, huwa importanti li tiġi stabbilita proċedura ċara biex jiġi ddeterminat il-valur doganali tal-oġġetti importati. Fil-fatt, jekk din titwettaq b'mod inġust, il-valutazzjoni doganali jista' jkollha l-effett ta' miżura protettiva nontariffarja u tkun aktar ristrettiva mid-dazju doganali nnifsu.
-
Il-Ftehim dwar il-Valutazzjoni Doganali jirrikonoxxi li l-valur doganali għandu jkun ibbażat fuq il-prezz reali tal-oġġetti. F'każijiet speċifiċi ħafna fejn il-prezz ma jistax jintuża biex jiddetermina l-valur doganali, il-ftehim jipprovdi metodi oħra ta' valutazzjoni doganali, li għandhom jiġu applikati f'ordni partikolari ta' importanza.
Spezzjoni qabel it-tagħbija
-
Sabiex jipprevjenu l-frodi u jikkumpensaw għan-nuqqasijiet tal-amministrazzjonijiet tagħhom, numru ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw jużaw is-servizzi ta' kumpaniji privati sabiex jikkontrollaw il-kwalità, il-kwantità, il-prezz u/jew il-klassifikazzjoni doganali ta' oġġetti impurtati qabel ma jiġu esportati mill-pajjiżi fornituri.
-
Il-Ftehim dwar l-Ispezzjoni qabel it-Tagħbija jistabbilixxi r-rekwiżiti għal pajjiżi utenti, prinċipalment fir-rigward tan-nondiskriminazzjoni, trasparenza, il-protezzjoni ta' informazzjoni kummerċjali riservata u l-verifika tal-prezz.
Regoli tal-oriġini
-
Ir-regoli tal-oriġini huma kriterji meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat il-pajjiż ta' oriġini ta' prodott, iżda l-aktar biex ma jinħolqux ostakli bla bżonn għall-kummerċ internazzjonali. Il-Ftehim Dwar ir-Regoli tal-Oriġini jistabbilixxi dixxiplini għall-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli. Dan ikopri r-regoli użati fi strumenti tal-politika kummerċjali mhux preferenzjali. L-għan ewlieni ta' dan il-ftehim huwa li jiġu armonizzati r-regoli tal-oriġini mhux preferenzjali sabiex jiġu żgurat li l-istess kriterji huma applikati mill-membri kollha tad-WTO, irrispettivament mill-għan tal-applikazzjoni tagħhom.
-
Sal-armonizzazzjoni, il-membri tad-WTO għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet għad-determinazzjoni tal-oriġini huma definiti b'mod ċar u li r-regoli tal-oriġini ma joħolqux effetti ristrettivi, distorsivi jew ta' tfixkil fuq il-kummerċ internazzjonali.
Proċeduri ta' liċenzjar għall-importazzjoni
-
Liċenzji tal-importazzjoni huma proċeduri amministrattivi fejn applikazzjoni jew dokumentazzjoni oħra trid tiġi ppreżentata għall-awtorità amministrattiva rilevanti qabel ma jiġu importati l-oġġetti f'pajjiż.
-
L-għanijiet ewlenin tal-Ftehim dwar il-Proċeduri ta' Liċenzjar għall-Importazzjoni huma li jiġu ssimplifikati dawn il-proċeduri u li jiġi żgurat li dawn huma trasparenti u previdibbli, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu applikati u amministrati b'mod ġust u ekwu.
Iffaċilitar tal-kummerċ
Il-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ għandu l-għan li jiffaċilita l-moviment, ir-rilaxx u l-awtorizzazzjoni tal-oġġetti, inklużi oġġetti fi tranżitu, permezz ta' kooperazzjoni effettiva bejn tad-dwana u awtoritajiet oħra rilevanti tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ.
MIŻURI TA' PROTEZZJONI TAL-KUMMERĊ
Miżuri antidumping
-
Il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Miżuri Antidumping jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni ta' miżuri antidumping previsti fl-Artikolu VI tal-GATT tal-1994.
-
Il-ftehim jintroduċi regoli speċifiċi u ċari għad-determinazzjoni tad-dumping u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta jitwettqu l-investigazzjonijiet.
Sussidji u miżuri kompensatorji
-
Il-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kompensatorji l-ġdid jiddefinixxi “sussidju” u jiddikjara li dawk is-sussidji speċifiċi biss huma soġġetti għar-regoli tiegħu. Dan jistabbilixxi l-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk sussidju huwiex speċifiku għal intrapriża jew industrija jew grupp ta' intrapriżi jew industriji. Il-ftehim jaqsam is-sussidji fit-3 kategoriji li ġejjin:
-
projbiti b'mod ċar;
-
sussidji li jistgħu jiġu kkontestati skont ir-regoli tad-WTO;
-
sussidji li huma permessi.
-
Il-ftehim jipprovdi għal rimedji differenti skont il-kategorija ta' sussidji.
-
Il-ftehim fih ukoll regoli dwar l-użu ta' miżuri kompensatorji, jiġifieri, dazji imposti minn pajjiż importatur sabiex jikkumpensa għall-effett ta' sussidju.
Salvagwardji
-
Il-Ftehim dwar is-Salvagwardji jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja previsti fl-Artikolu XIX tal-GATT tal-1994.
-
Il-ftehim jipprojbixxi l-miżuri taż-“żona griża” bħal-limitazzjoni volontarja tal-esportazzjonijiet jew arranġamenti oħra tas-sehem mis-suq. Il-ftehim jipprovdi wkoll għal klawżola ta' estinzjoni għall-miżuri ta' salvagwardja eżistenti kollha. Barra minn hekk, dan jipprovdi dettalji dwar il-proċeduri u r-regoli li għandhom jiġu segwiti meta jiġu applikati l-miżuri ta' salvagwardja.
FTEHIMIET PLURILATERALI
-
Anness 4 tal-Ftehim ta' Marrakexx jinkludi 4 ftehimiet plurilaterali (jiġifieri, ftehimiet japplikaw biss għall-membri tad-WTO li espressament aċċettawhom):
-
Il-Ftehim ikopri 5 setturi ta' attività: portijiet, ajruporti, ilma, elettriku u trasport urban. Dan huwa bbażat fuq il-prinċipju tar-reċiproċità: pajjiżi għandhom jibdew kuntratti tal-gvern fis-setturi indikati lil firmatarji għall-Ftehim involut fl-istess settur.
META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U L-FTEHIM?
-
Id-deċiżjoni ilha tapplika mit-22 ta' Diċembru 1994.
-
Il-ftehim ilu japplika mill-1 ta' Jannar 1995.
SFOND
Għal aktar tagħrif, ara: UE u WTO (Kummissjoni Ewropea).
* TERMINI EWLENIN
Miżuri antidumping: miżuri, eżempju, dazji speċifiċi, applikati għall-importazzjonijiet fl-UE ta' “prodotti mormija”, jiġifieri, prodotti esportati lejn l-UE bi prezz irħas mill-prezz domestiku tagħhom.
Miżuri kontra s-sussidju: miżuri, eżempju, dazji kompensatorji (li jinnewtralizzaw l-effetti negattivi tas-sussidji), imposti mill-UE fuq importazzjonijiet li huma sussidjati u b'hekk tinħoloq ħsara lill-industrija tal-UE bil-produzzjoni tal-istess prodott.
Miżuri ta' salvagwardja: dawn il-miżuri huma introdotti meta investigazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tikkonkludi li l-importazzjonijiet żdiedu tant li dawn jikkawżaw (jew jheddu li jikkawżaw) ħsara serja lill-produtturi tal-UE. Dawn huma miżuri temporanji, bħal kwoti, applikati għall-importazzjonijiet sabiex l-industrija tal-UE tingħata ż-żmien sabiex tagħmel kwalunkwe bidla meħtieġa.
DOKUMENTI EWLENIN
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/EC tat-22 ta' Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunita Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, pp. 1-2)
Laqgħa ta’ Negozjati Multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) — Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU L 336, 23.12.1994, pp. 3–10)
l-aħħar aġġornament 18.04.2017