EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Standardizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea

Standardizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 1025/2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea

Regolament (UE) 2022/2480 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan għandu l-għan li jimmodernizza u jtejjeb l-istandardizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea (UE), li għandha rwol ewlieni fis-Suq Uniku tal-UE billi tiddeskrivi kif:
    • jopera l-proċess tal-iffissar tal-istandards tal-UE; u
    • id-diversi organizzazzjonijiet involuti f’dan il-proċess (kemm fil-livell tal-UE kif ukoll nazzjonali) jaħdmu flimkien.
  • Huwa jfittex li jissimplifika u jadatta l-qafas leġiżlattiv biex jirrifletti l-aktar żviluppi riċenti u sfidi futuri.
  • L-istandards jappoġġaw il-kompetizzjoni fis-suq, inaqqsu l-ispejjeż, itejbu s-sikurezza, u jsaħħu l-kompetizzjoni, jipproteġu s-saħħa, is-sigurtà, is-sikurezza u l-ambjent.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament jinkludi regoli dwar:

  • kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni, korpi nazzjonali ta’ standardizzazzjoni, Stati Membri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea;
  • kif standards Ewropej immexxija mis-suq għal prodotti u servizzi huma stabbiliti f’konformità mal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE;
  • kif l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni jistgħu jappoġġjaw dan il-proċess;
  • il-finanzjament ta’ attivitajiet ta’ standardizzazzjoni, normalment fil-forma ta’ għotjiet jew sejħiet għal proposti f’konformità mal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE;
  • il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati.

Ir-regolament ikopri l-istandards għas-servizzi u għall-prodotti, u l-ħarsien tal-ambjent u s-saħħa pubblika għandu jkun inkluż ukoll fost il-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott jew servizz.

Talbiet ta’ standardizzazzjoni lill-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni

Il-Kummissjoni tista’ titlob organizzazzjonijiet Ewropej ta’ standardizzazzjoni (ESOs) waħda jew aktar biex jabbozzaw standard Ewropew li għandu jkun immexxi mis-suq, u jqis l-interess pubbliku kif ukoll l-għanijiet tal-politika tal-UE. Il-Kummissjoni tiddetermina r-rekwiżiti u l-iskadenzi li għandhom jiġu sodisfatti. L-Istati Membri se jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-talbiet kollha magħmula lill-istituzzjonijiet tal-istandards biex ifasslu speċifikazzjonijiet tekniċi jew standard speċifiku tal-prodott sabiex ikun jista’ jitfassal abbozz ta’ regolamenti tekniċi.

Parteċipazzjoni wiesgħa fil-proċess tal-iffissar tal-istandards

  • Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni għandhom jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet interessati rilevanti kollha, inkluż intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u partijiet interessati ambjentali u soċjali fix-xogħol ta’ standardizzazzjoni tagħhom.
  • Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom jiffaċilitaw l-aċċess tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju għall-istandards u l-proċessi tal-iżvilupp tagħhom, billi jaqsmu l-aħjar prattiki biex itejbu l-parteċipazzjoni.
  • L-Istati Membri jridu, fejn xieraq, jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, inklużi l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni nazzjonali biex jiżviluppaw jew jirrevedu l-istandards.
  • Biex jiżguraw li l-interess, valuri u objettivi ta’ politika tal-UE, flimkien mal-interess pubbliku in ġenerali, jitqiesu aħjar fil-proċess ta’ standardizzazzjoni, Regolament (UE) 2022/2480 jintroduċi emenda lil Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru. 1025/2012. L-emenda ġġib il-prinċipji ta’ governanza tajba fi ħdan is-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni billi tiggarantixxi rappreżentazzjoni bilanċjata ta’ partijiet ikkonċernati fil-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istandards. Ir-regoli l-ġodda jirrikjedu li kull Organizzazzjoni Ewropea tal-Istandardizzazzjoni tiżgura li ċerti deċiżjonijiet li jirrigwardaw standards Ewropej u riżultati tanġibbli tal-istandardizzazzjoni Ewropej jittieħdu b’mod esklużiv u b’mod partikulari minn rappreżentanti ta’ korpi nazzjonali ta’ standardizzazzjoni fi ħdan il-korp rilevanti tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ dik l-organizzazzjoni.
    • deċiżjonijiet dwar l-aċċettazzjoni u ċaħdiet ta’ talbiet ta’ standardizzazzjoni mill-Kummissjoni;
    • deċiżjonijiet dwar l-aċċettazzjoni ta’ elementi ġodda ta’ xogħol li jkun hemm bżonn għat-twettiq ta’ talba ta’ standardizzazzjoni; u
    • deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni, ir-rieżami u l-irtirar ta’ standards Ewropej jew riżultati ta’ standardizzazzjoni Ewropej.

Rikonoxximent u użu ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi

L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jużaw il-firxa sħiħa ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti meta jakkwistaw servizzi ta’ ħardwer, softwer u teknoloġija tal-informazzjoni. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom aċċettazzjoni tas-suq u ma jxekklux l-interoperabilità ma’ standards eżistenti tal-UE jew dawk internazzjonali.

Programm ta’ ħidma annwali u oġġezzjonijiet għal standards armonizzati

Il-programm ta’ ħidma annwali jistabbilixxi prijoritajiet strateġiċi li jqisu l-istrateġiji ta’ tkabbir fit-terminu twil tal-UE. Il-Kummissjoni se twaqqaf sistema ta’ notifika għall-partijiet interessati kollha biex tiżgura konsultazzjoni xierqa u ta’ rilevanza tas-suq qabel ma tadotta l-programm ta’ ħidma annwali jew talbiet ta’ standardizzazzjoni, jew qabel ma tieħu deċiżjonijiet dwar, jew tagħmel deċiżjonijiet fuq oġġezzjonijiet għal standards armonizzati miġjuba mill-Istati Membri tal-UE jew mill-Parlament Ewropew.

Rapportar

L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom jibagħtu rapport annwali lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Standards speċifiċi

Ir-regolament jkopri b’mod espliċitu l-istandards speċifiċi li ġejjin:

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2013.

Ir-Regolament (UE) 2022/2480 se japplika mid-9 ta’ Lulju 2023.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, pp. 12-33).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) 2022/2480 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru.1025/2012 fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni u riżultati ta’ standardizzazzjoni Ewropej (ĠU L 323, 19.12.2022, pp. 1-3).

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: Il-mixja ’l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020 (COM(2011) 311 finali, 1.6.2011)

l-aħħar aġġornament 09.07.2023

Top