Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Tnaqqis fl-emissjonijiet CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda' for an updated information about the subject.

Tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri

Fid-dawl tal-fatt li t-trasport bit-triq huwa wieħed mill-akbar kontributuri ta’ emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-Unjoni Ewropea (UE), dan ir-regolament għandu l-għan li jnaqqas dawn l-emissjonijiet billi jistabbilixxi limiti għal karozzi ġodda tal-passiġġieri.

ATT

Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi ħfief

SOMMARJU

X’JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi standards għal karozzi ġodda tal-passiġġieri fir-rigward tal-emissjonijiet tagħhom ta’ diossidu tal-karbonju (CO2). Il-limitu attwali huwa stabbilit għal 130 gramma ta’ CO2 li joħroġ f’kull kilometru. Dan il-limitu se jonqos għal 95 gramma ta’ CO2 /km sas-sena 2021.

PUNTI EWLENIN

  • il-limitu ta’ 130 g/km iddaħħal b’mod gradwali bejn l-2012 u l-2015. Għal kull sena f’dak il-perjodu, il-perċentwal tal-karozzi ta’ manifattur li jridu jikkonformaw mal-limitu jiżdied. Mill-2015, 100 % tal-karozzi jridu jikkonformaw (meta mqabbla ma’ 75 % fl-2013 u 80 % fl-2014).
  • Jekk l-emissjoni medja ta’ CO2 minn numru ta’ karozzi ta’ manifattur taqbeż il-limitu tal-emissjoni, tingħata multa kbira. Għal kull karozza, il-manifattur irid iħallas EUR 5 għall-ewwel g/km ’l fuq mil-limitu, EUR 15 għat-tieni, EUR 25 għat-tielet u EUR 95 għal kull g/km wara dak. Mill-2019, għal kull g/km ’l fuq mil-limitu għandhom jitħallsu EUR 95.
  • Il-manifatturi żgħar li jirreġistraw inqas minn 1 000 karozza fl-UE kull sena huma eżentati minn din il-leġiżlazzjoni, filwaqt li dawk li jirreġistraw bejn 1 000 u 10 000 karozza fis-sena jistgħu jipproponu l-miri tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Sadanittant, il-manifatturi fil-firxa ta’ bejn 10 000 u 300 000 karozza fis-sena jistgħu japplikaw għal mira ta’ tnaqqis fissa.
  • Sistema ta’ krediti ta’ emissjonijiet u superkrediti* tippremja l-innovazzjoni ekoloġika mwettqa mill-manifatturi tal-karozzi.

SFOND

Il-karozzi attwalment huma responsabbli għal madwar 12 % tal-emissjonijiet ta’ CO2 kollha fl-UE.

L-oriġini ta’ dan ir-regolament tmur lura għal strateġija adottata mill-UE fl-1995 bl-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 permezz ta’ tliet pilastri: impenn volontarju mill-manifatturi tal-karozzi biex inaqqsu l-emissjonijiet; il-promozzjoni ta’ karozzi effiċjenti mil-lat tal-karburant permezz ta’ miżuri fiskali, u informazzjoni għall-konsumatur miksuba permezz ta’ tikketti li juru l-emissjonijiet tas-CO2 ta’ karozza, kif dettaljat fid-Direttiva 1999/94/KE.

TERMINI EWLENIN

Superkrediti huma inċentivi mogħtija lill-manifatturi biex jirreġistraw karozzi b’emissjonijiet baxxi. Taħt din l-iskema, il-karozzi li jipproduċu 50 CO2 g /km jew inqas jitqiesu bħala 1.5 karozzi sal-2016. Min-naħa tiegħu dan jagħti flessibilità lill-manifatturi anki biex jipproduċu karozzi inqas effiċjenti mil-lat tal-karburant.

Għal aktar informazzjoni, ara l-paġni web tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tnaqqis ta’ emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 443/2009

8.6.2009

-

ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1-15

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Regolament (UE) Nru 397/2013

8.5.2013

-

ĠU L 120, 1.5.2013, p. 4-8

Regolament (UE) Nru 333/2014

8.4.2014

-

ĠU L 103, 5.4.2014, p. 15-21

ATTI RELATATI

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1014/2010 tal-10 ta’ Novembru 2010 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ dejta fuq ir-reġistrazzjoni ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 293, 11.11.2010, p. 15-20).

Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 396/2013 tat-30 ta’ April 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1014/2010 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti rekwiżiti għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi ġodda tal-passiġġieri (ĠU L 120, 1.5.2013, p. 1-3).

l-aħħar aġġornament 02.04.2015

Top