Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Nukleari

Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Nukleari

 

PUNTI EWLENIN TAL-:

Konvenzjoni dwar is-sigurtà nukleari — Dikjarazzjoni mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30(4)(iii) tal-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Nukleari

Deċiżjoni 1999/819/Euratom — adeżjoni mal-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Nukleari mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom)

X’INHU L-GĦAN TAL-KONVENZJONI U TAD-DEĊIŻJONI?

  • Il-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Nukleari hija konvenzjoni internazzjonali li għandha l-għan li ttejjeb is-sigurtà nukleari madwar id-dinja. Il-pajjiżi kollha tal-UE huma parti mill-Konvenzjoni. Il-Komunità stabbilita mit-Trattat tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) taqsam il-ġurisdizzjoni mal-pajjiżi tal-UE fl-oqsma rregolati mill-konvenzjoni.
  • Id-deċiżjoni tapprova l-adeżjoni għall-Konvenzjon mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom). Ġiet emendata fl-2004 biex tqis l-adeżjoni mal-UE ta’ pajjiżi membri ġodda.

PUNTI EWLENIN

Ir-responsabbiltajiet tal-Euratom

  • Il-Euratom ma għandux installazzjonijiet nukleari kif definiti fil-konvenzjoni.
  • Is-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari hija r-responsabbiltà ewlenija tad-detentur tal-liċenzja korrispondenti mill-pajjiż tal-UE li fit-territorju tiegħu tkun ġiet stabbilita l-installazzjoni.
  • Ir-responsabbiltajiet tal-Euratom fi ħdan il-konvenzjoni huma derivati mit-Trattat Euratom (Titolu II, Kapitolu 3) li jitratta l-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli tar-radjazzjoni jonizzanti kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Sentenza C-29/99).

Objettivi

  • Il-Konvenzjoni tfittex li:
    • jinkiseb u jinżamm livell għoli ta’ sigurtà nukleari permezz tat-tisħiħ ta’ miżuri nazzjonali u kooperazzjoni teknika;
    • jiġu stabbiliti u jinżammu difiżi effettivi kontra perikli radjoloġiċi fl-installazzjonijiet nukleari sabiex jiġu protetti n-nies u l-ambjent, eċċ.;
    • jiġu evitati inċidenti nukleari u jiġu limitati l-konsegwenzi tagħhom.
  • Il-konvenzjoni ma tistabbilixxix standards dettaljati ta’ sigurtà iżda tirrappreżenta impenn għall-applikazzjoni tal-prinċipji fundamentali ta’ sigurtà għall-installazzjonijiet nukleari.

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-konvenzjoni tapplika għas-sigurtà ta’ impjanti tal-enerġija nukleari ċivili fissi inklużi faċilitajiet għall-ħżin, il-ġestjoni u t-trattament ta’ materjali radjuattivi li jinsabu fl-istess sit u li huma direttament relatati mat-tħaddim tal-impjant tal-enerġija nukleari.

Implimentazzjoni

  • Il-partijiet fil-konvenzjoni huma impenjati li jistabbilixxu qafas leġiżlattiv u regolatorju u amministrattiv biex jiżguraw is-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari li jipprevedi:
    • l-istabbiliment ta’ rekwiżiti u regolamenti nazzjonali suffiċjenti dwar is-sigurtà;
    • sistema ta’ liċenzjar ta’ installazzjonijiet nukleari u l-projbizzjoni ta’ operat mingħajr liċenzja;
    • sistema ta’ spezzjoni u valutazzjoni. Għandhom jitwettqu valutazzjonijiet komprensivi u sistematiċi qabel il-kostruzzjoni u l-ikkummissjonar ta’ installazzjoni u matul il-ħajja tagħha;
    • miżuri biex jiġu infurzati r-regolamenti u t-termini tal-liċenzjar (sospensjoni jew revoka ta’ liċenzji, eċċ.).
  • Il-partijiet għandhom jistabbilixxu korp regolatorju indipendenti biex jagħti l-liċenzji u biex jiżguraw li r-regolamenti jiġu implimentati b’mod korrett. Id-dmirijiet ta’ dan il-korp għandhom ikunu separati b’mod effettiv minn dawk ta’ kwalunkwe organizzazzjoni oħra li l-kompitu tagħha huwa li tippromwovi jew tuża l-enerġija nukleari.
  • Id-detenturi tal-liċenzja għandhom jistabbilixxu politiki li jagħtu prijorità lis-sigurtà u għandhom ifasslu programm ta’ assigurazzjoni tal-kwalità sabiex jiżguraw li r-rekwiżiti jiġu sodisfatti. Għandhom jiġu stabbiliti wkollmiżuri ta’ emerġenza , li jagħtu dettalji dwar il-proċeduri biex jiġu infurmati l-awtoritajiet rilevanti, bħall-isptarijiet.
  • Kull parti fil-konvenzjoni għandha tippreżenta lill-partijiet l-oħra rapport dwar il-miżuri li jkunu ħadu biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni. Ir-rapporti jiġu riveduti waqt il-laqgħat regolari tal-partijiet kontraenti.

Sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari

  • Il-korp regolatorju huwa responsabbli għall-għoti ta’ liċenzji operattivi lil installazzjonijiet nukleari. Il-konvenzjoni tispeċifika l-kriterji ta’ valutazzjoni għal kull fażi fil-ħajja ta’ installazzjoni: Il-lokazzjoni, id-disinn u l-kostruzzjoni, u t-tħaddim.
  • Fl-għażla tas-sit, għandha tingħata konsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, għall-effett tagħha fuq is-sigurtà ta’ l-installazzjoni u l-effetti ta’ l-installazzjoni fuq l-individwi u l-ambjent. Partijiet kontraenti oħra qrib is-sit għandhom jiġu kkonsultati wkoll jekk l-installazzjoni x’aktarx ikollha konsegwenzi għalihom.
  • Fir-rigward tad-disinn u l-kostruzzjoni, għandhom jiġu stabbiliti miżuri ta’ sigurtà kontra r-rilaxx ta’ materjali radjuattivi u t-tekniki u t-tagħmir użati għandha tingħata prova tagħhom permezz ta’ esperjenza jew bl-ittestjar.
  • L-awtorizzazzjoni għat-tħaddim ta’ installazzjoni nukleari hija bbażata fuq analiżi tas-sigurtà u programm ta’ kummissjonar. Il-ġestjoni tal-installazzjoni għandha tikkonforma mar-regolamenti stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali. Għandhom jiġu introdotti wkoll programmi għall-ġbir u għall-analiżi tad-data.
  • Kull installazzjoni għandu jkollha wkoll pjanijiet ta’ emerġenza fuq il-post u barra mill-post biex tipproteġi l-ħaddiema, il-pubbliku ġenerali, l-ambjent, eċċ. fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika.

Arranġamenti organizzattivi

Il-partijiet jiltaqgħu mill-inqas darba kull 3 snin. Il-Kummissjoni Ewropea tirrappreżenta l-Euratom f’dawn il-laqgħat fejn il-partijiet jirrappurtaw dwar il-miżuri li jkunu ħadu biex jissodisfaw l-obbligi tat-trattat. L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) tipprovdi s-segretarjat għall-konvenzjoni.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Ottubru 1996.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Konvenzjoni dwar is-sigurtà nukleari — Dikjarazzjoni mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30(4)(iii) tal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (ĠU l 318, 11.12.1999, pp. 21-30)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/819/Euratom tas-16 ta’ Novembru 1999 dwar l-adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-1994 dwar is-Sigurtà Nukleari mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) (ĠU l 318, 11.12.1999, p. 20)

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 1999/819//Euratom ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss għal skopijiet ta’ referenza.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU l 172, 2.7.2009, pp. 18-22)

Ara verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 12.05.2020

Top