Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli tal-UE dwar it-tassazzjoni ta' prodotti tal-enerġija u l-elettriku

Regoli tal-UE dwar it-tassazzjoni ta' prodotti tal-enerġija u l-elettriku

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 2003/96/KE — ir-riforma tas-sistema tal-UE dwar it-tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Hija tistipula r-regoli tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar it-taxxi fir-rigward tal-elettriku, il-karburanti tal-karozzi kollha u l-biċċa l-kbira tal-karburanti għat-tisħin.
  • L-iskop huwa li jiġi żgurat li s-suq uniku tal-UE għall-enerġija jopera mingħajr problemi u li jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fil-kummerċ u fil-kompetizzjoni li jista’ jirriżulta minn differenzi kbar fis-sistemi nazzjonali tat-taxxa.
  • Ir-regoli jikkontribwixxu għal għanijiet usa’ bħall-bidla għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u effiċjenti fl-enerġija.

PUNTI EWLENIN

  • Il-prodotti tal-enerġija huma ntaxxati biss meta jintużaw bħala karburant tal-karozzi jew għat-tisħin.
  • Il-leġiżlazzjoni introduċiet livelli minimi ta’ taxxa fuq karburant tal-karozzi, karburanti għat-tisħin u l-elettriku applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2004.
  • Il-prodotti tal-enerġija li jintużaw għat-tisħin, fl-agrikoltura, f’magni stazzjonarji u f’makkinarju użat fil-kostruzzjoni u xogħlijiet pubbliċi jistgħu jiġu ntaxxati b'rati iktar baxxi mill-karburanti għall-karozzi.
  • Il-gvernijiet jistgħu japplikaw rata ta’ dazju fuq diżil kummerċjali (meta jintuża minn trasportaturi bit-triq jew għall-ġarr tal-passiġġieri) aktar baxxa milli għad-diżil mhux għall-użu kummerċjali.
  • Id-direttiva tippermetti eżenzjonijiet u tnaqqis fit-taxxa b'mod partikolari għal raġunijietambjentali u tal-politika tas-saħħa. Il-gvernijiet jistgħu jeżentaw mit-taxxa sorsi rinnovabbli tal-enerġija bħal bijokarburanti jew karburanti u elettriku użat għall-ġarr ta' oġġetti u passiġġiera bil-ferrovija, metro, tramm u karozza tal-linja li taħdem bl-elettriku;.
  • Il-leġiżlazzjoni tippermetti taxxai mnaqqsa għal ditti li huma kkonċentrati fuq l-enerġija — dawk li jkunu għamlu l-akbar sforz biex inaqqsu l-konsum. Il-pajjiżi tal-UE li kellhom diffikultà jimplimentaw il-miżuri l-ġodda ngħataw arranġamenti tranżizzjonali qabel l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni (il-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija u l-Portugall).
  • Eżenzjonijiet temporanji u perjodi ta’ tranżizzjoni simili ngħataw lill-pajjiżi li ssieħbu fl-UE fl-2004 u fl-2007.
  • Il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għal xi setturi kkonċentrati fuq l-enerġija (eż. fil-metallurġija) jew għal prodotti tal-enerġija li għandhom użu doppju, jiġifieri jintużaw kemm għat-tisħin kif ukoll għal skop ieħor (eż. għall-produzzjoni ta’ ċerti sustanzi kimiċi).

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-31 ta’ Ottubru 2003. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2003.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, pp. 51–70)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2003/96/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija għal referenza biss.

l-aħħar aġġornament 28.11.2016

Top