Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi pubbliċi

It-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi pubbliċi

 

SOMMARJU TA:

Direttiva 2006/111/KE — akkontabilità ċara għal kumpaniji statali

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Din għandha l-għan li tiżgura t-trasparenza f’relazzjonijiet finanzjarji bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) u kumpaniji statali sabiex tiżgura li jkun hemm kompetizzjoni ġusta ma’, u ebda diskriminazzjoni kontra, kumpaniji privati.

PUNTI EWLENIN

  • Speċifikament, il-pajjiżi tal-UE jeħtieġu jiżguraw it-trasparenza ta’ kwalunkwe fond pubbliku li jkun disponibbli għal kumpaniji statali, kif jintużaw u jiżguraw li l-kostijiet u d-dħul ta’ kumpaniji bħal dawn ikunu stabbiliti b’mod ċar f’kontijiet separati.
  • It-tipi ta’ relazzjonijiet finanzjarji koperti mid-direttiva jinkludu d-dispożizzjoni tal-kapital, għotjiet jew self fuq termini privileġġjati u t-tpaċija ta’ telf* operatorju.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-kontijiet interni tal-kumpaniji kkonċernati jinżammu separati b’rabta mal-attivitajiet differenti tagħhom, u li l-kostijiet u d-dħul kollha jiġu stabbiliti korrettament skont prinċipji tal-kontabilità tal-kost koretti.
  • Ċerti tipi ta’ relazzjonijiet finanzjarji huma esklużi mid-direttiva, eż. bejn il-pajjiżi tal-UE u l-banek ċentrali, jew bil-kumpaniji tal-istat li jinvolvu l-provvista ta’ servizzi li x’aktarx ma jkollhomx impatt sinifikanti fuq il-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-informazzjoni finanzjarja rilevanti tkun magħmula disponibbli għall-Kummissjoni Ewropea sa 5 snin wara li l-fondi pubbliċi jkunu ġew ipprovduti lill-kumpanija. Madankollu, il-Kummissjoni, m’għandha tiżvela l-ebda informazzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali.
  • Fir-rigward tas-settur tal-manifattura, din l-informazzjoni għandha tkun ipprovduta lill-Kummissjoni fuq bażi annwali u għandha tinkludi r-rapport annwali u l-kontijiet annwali.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-20 ta’ Diċembru 2006. Id-Direttiva 2006/111/KE tikkodifika u tissostitwixxi d-Direttiva 80/723/KEE — u l-emendi sussegwenti tagħha. Id-Direttiva 80/723/KEE oriġinali kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1981.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Tpaċija ta’ telf: terminu tal-kontabilità li permezz tiegħu, jekk jiġi rreġistrat telf, dan jiġi stabbilit kontra oġġett profitabbli sabiex jiġi kkanċellat l-effett tiegħu.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 318, 17.11.2006, pp. 17–25)

l-aħħar aġġornament 24.05.2019

Top