Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni

Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva tarmonizza d-drittijiet ewlenin mogħtija lill-awturi u lil detenturi tad-dritt tal-viċinat (id-dritt ta’ riproduzzjoni, id-dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku u d-dritt ta’ distribuzzjoni) u — sa livell inqas — eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet. Din tarmonizza wkoll il-protezzjoni tal-miżuri teknoloġiċi u tal-informazzjoni tal-immaniġġjar tad-drittijiet, sanzjonijiet u rimedji.

Id-dritt ta’ riproduzzjoni

L-Istati Membri tal-UE għandhom jipprevedu d-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kompletament jew parzjalment:

  • għall-awturi, tax-xogħlijiet oriġinali jew il-kopji tagħhom;
  • għall-artisti, tal-fissazzjonijiet1 tal-prestazzjonijiet tagħhom;
  • għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;
  • għall-produtturi tal-ewwel fissazzjoni ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;
  • għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, tal-fissazzjonijiet tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandiriet jiġu trażmessi bil-fili kif ukoll jekk bl-arja (mingħajr fili), inkluż bil-cable jew bis-satellita.

Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi d-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom. Dan jinkludi li x-xogħlijiet tagħhom isiru disponibbli għall-pubbliku b’tali mod li membri tal-pubbliku jistgħu jaċċessawhom meta u fejn iridu.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku:

  • għall-artisti, tal-fissazzjonijiet tal-wirjiet tagħhom;
  • għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;
  • għall-produtturi tal-ewwel fissazzjoni ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;
  • għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, tal-fissazzjonijiet tax-xandiriet tagħhom — irrispettivament mill-metodu ta’ trażmissjoni.

Dritt ta’ distribuzzjoni

  • L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi d-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull distribuzzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom jew il-kopji ta’ dawn.
  • Id-dritt ta’ distribuzzjoni huwa eżawrit fl-UE fejn l-ewwel bejgħ jew l-ewwel trasferiment ieħor ta’ siedja fl-UE ta’ xogħol isir mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu.

Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet

Id-Direttiva tistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-drittijiet, sabiex tiffaċilita l-użu ta’ kontenut protett f’ċirkustanzi partikolari.

Hemm eċċezzjoni obbligatorja għad-dritt ta’ riproduzzjoni għal ċerti atti temporanji ta’ riproduzzjoni li huma parti integrali u essenzjali minn proċess teknoloġiku (kopji temporanji) u li għandhom l-għanli jippermettu użu legali jew trażmissjoni f’network bejn partijiet terzi permezz ta’ intermedjarju, ta’ xogħol jew suġġett ieħor.

  • L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet l-oħra kollha relatati mad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u komunikazzjoni huma fakultattivi (l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimplimentawhom jew le) u jikkonċernaw b’mod partikolari l-qasam “pubbliku”. Għal 3 minn dawn l-eċċezzjonijiet – reprografija2, riproduzzjonijiet għall-użu privat u xandiriet magħmula minn istituzzjonijiet soċjali — id-detenturi tad-dritt għandhom jingħataw kumpens ġust.
  • Meta l-Istati Membri jipprevedu eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni, dawn jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet simili għad-dritt ta’ distribuzzjoni.

Protezzjoni legali

  • L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali kontra ċ-ċirkomvenzjoni ta’ kull miżura teknoloġika effettiva li tkopri xogħlijiet jew suġġetti oħra.
  • Din il-protezzjoni legali hija relatata wkoll mal-manifattura, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ apparati jew il-forniment ta’ servizzi li jikkontribwixxu għaċ-ċirkomvenzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi.

Protezzjoni tal-informazzjoni dwar l-immaniġġjar tad-drittijiet

L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali kontra kull persuna li konsapevolment twettaq mingħajr awtorità kull att minn dawn li ġejjin:

  • it-tneħħija jew tibdil ta’ kull informazzjoni elettronika dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet;
  • id-distribuzzjoni, ix-xandir, il-komunikazzjoni jew li tagħmel xogħlijiet disponibbli għall-pubbliku jew suġġett ieħor protett li tkun tneħħietlu l-informazzjoni elettronika dwar l-immaniġġjar tad-drittijiet.

Sanzjonijiet u rimedji

L-Istati Membri għandhom jipprevedu sanzjonijiet u rimedji xierqa f’każ ta’ ksur tad-drittijiet armonizzati f’din id-Direttiva. Dawn għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu japplikaw għal inġunzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn parti terza biex jiksru dritt tad-drittijiet tal-awtur jew dritt relatat.

Emendi għad-Direttiva 2001/29/KE

Id-Direttiva 2001/29/KE ġiet emendata darbtejn bi:

  • Id-Direttiva (UE) 2017/1564, id-direttiva dwar l-użi permessi ta’ ċerti xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur għall-benefiċċju ta’ persuni għomja, b’vista batuta jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat (ara s-sommarju) u l-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx fl-UE (ara s-sommarju). Din id-Direttiva tintroduċi eċċezzjoni obbligatorja għad-drittijiet li huma armonizzati mid-dritt tal-Unjoni u rilevanti għall-użi u x-xogħlijiet koperti mit-Trattat ta’ Marrakexx. Dawn id-drittijiet jinkludu, b’mod partikolari, id-drittijiet tar-riproduzzjoni, il-komunikazzjoni lill-pubbliku, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, id-distribuzzjoni u s-self. L-emenda tiċċara li l-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabilità japplika għal każijiet li mhumiex koperti mid-Direttiva 2017/1564.
  • Id-Direttiva (UE) 2019/790, dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-suq uniku diġitali tal-UE (ara s-sommarju). L-Artikolu 24 jiċċara li l-Istati Membri jistgħu jiddependu mill-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2)(c) u fl-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 2001/29/KE, li jikkonċernaw atti ta’ riproduzzjoni magħmula minn libreriji, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet aċċessibbli għall-pubbliku, jew minn arkivji, u rispettivament, l-użu għall-iskop uniku tal-illustrazzjoni għat-tagħlim jew għar-riċerka xjentifika, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fid-Direttiva 2019/790/KE.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 2001/29/KE ilha tapplika mit- u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sat-.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

  1. Fissazzjoni: xogħol irid ikun parti minn kopja li persuni oħrajn ikunu jistgħu jarawh jew jikkuppjawh (jiġifieri mezz tanġibbli bħal reġistrazzjoni).
  2. Reprografija: ix-xjenza u l-prattika tal-ikkuppjar u r-riproduzzjoni ta’ dokumenti u materjal grafiku.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, , pp. 10–19)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2001/29/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament

Top