Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-verifika statutorja — niżguraw dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-kumpaniji preċiżi

Il-verifika statutorja — niżguraw dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-kumpaniji preċiżi

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Fil-forma oriġinali tagħha, hija tgħaqqad flimkien żewġ partijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti (Direttiva 78/660/KEE dwar dikjarazzjonijiet finanzjarji individwali u d-Direttiva 83/349/KEE dwar dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati) sabiex ittejjeb l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-kumpaniji.
  • Fil-forma emendata tagħha, hija tistabbilixxi r-regoli tal-Unjoni Ewropea (UE), inklużi r-rekwiżiti minimi, għall-verifika statutorja * tal-kontijiet annwali u konsolidati u tal-assigurazzjoni tar-rappurtar tas-sostenibbiltà annwali u konsolidati. Hija tiddefinixxi wkoll ir-rwol tal-awditur statutorju *.
  • Ifittex li jiżgura li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-kumpaniji jagħtu stampa vera u ġusta tal-assi, il-passiv, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ jew it-telf tan-negozji. Huwa jfittex ukoll li jiżgura l-konformità tar-rapport ta’ ġestjoni, inkluż ir-rappurtar tas-sostenibbiltà, mar-rekwiżiti legali applikabbli.

PUNTI EWLENIN

Reġistru pubbliku tal-awdituri

  • Il-verifiki statutorji jistgħu jsiru biss minn awdituri statutorji jew kumpaniji tal-verifika approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE.
  • L-Istati Membri għandhom iżommu reġistru pubbliku ta’ dawn.
  • Ir-reġistru jirreġistra wkoll jekk l-awditur statutorju huwiex approvat ukoll biex iwettaq l-assigurazzjoni tar-rappurtar tas-sostenibbiltà.

Rikonoxximent tal-kumpaniji tal-verifika barra l-pajjiż tal-oriġini tagħhom

  • Kumpanija tal-verifika li tkun tixtieq twettaq verifiki statutorji fi Stat Membru ieħor minbarra l-Istat Membru tal-oriġini tagħha g]andha tirreġistra mal-awtorità kompetenti fil-pajjiż tal-oriġini.
  • L-awtorità kompetenti fil-pajjiż tal-oriġini trid tirreġistra l-kumpanija tal-verifika jekk tkun ġiet irreġistrata mal-awtorità kompetenti fil-pajjiż tal-oriġini tagħha.

Approvazzjoni tal-awdituri statutorji minn Stat Membru ieħor

Awdituri minn Stati Membri oħrajn jista’ jkollhom iwettqu perjodu ta’ adattament (mhux aktar minn 3 snin) u/jew testijiet. Dan jiżgura li jkollhom għarfien adegwat ta’ kwistjonijiet bħal-liġi dwar il-kumpaniji, il-liġi dwar it-taxxa u l-liġi soċjali. Ladarba jkunu ġew approvati, iridu jiġu inklużi fir-reġistru pubbliku.

Edukazzjoni kontinwa

  • L-awdituri statutorji huma meħtieġa jieħdu sehem f’edukazzjoni kontinwa biex iżommu u jaġġornaw l-għarfien teoretiku, il-ħiliet u l-valuri tagħhom.
  • Jekk jonqsu milli josservaw ir-rekwiżiti tal-edukazzjoni kontinwa, huma jkunu suġġetti għal sanzjonijiet.

Indipendenza u oġġettività

  • L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jwettqu xogħolhom, awditur statutorju jew kumpanija tal-verifika, u kwalunkwe persuna fiżika f’pożizzjoni li tinfluwenza direttament jew indirettament ir-riżultat tal-verifika statutorja, tkun indipendenti mill-entità suġġetta għall-verifika u ma tkunx involuta fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-entità suġġetta għall-verifika.
  • L-indipendenza hija meħtieġa matul kemm:
    • il-perjodu kopert mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji li għandhom jiġu vverifikati; kif ukoll
    • il-perjodu meta titwettaq il-verifika statutorja.

Organizzazzjoni tal-ħidma

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-verifika statutorja titwettaq minn ditta tal-verifika, dik il-kumpanija tal-verifika tinnomina mill-inqas sieħeb tal-verifika ewlieni wieħed, u li l-kumpanija tipprovdi lis-sieħeb(sħab) ewlieni tal-verifika b’riżorsi suffiċjenti u bi persunal li jkollu l-kompetenza u l-kapaċitajiet meħtieġa biex twettaq id-doveri tagħhom kif xieraq. Regola simili tapplika meta ditta tkun qed twettaq l-assigurazzjoni tar-rappurtar tas-sostenibbiltà.

Kunfidenzjalità u segretezza professjonali

  • L-awdituri huma marbuta minn regoli stretti biex josservaw il-privatezza tal-klijenti tagħhom; madankollu, dawn ir-regoli m’għandhomx ifixklu l-infurzar xieraq tad-direttiva.
  • Dawn ir-regoli jkomplu japplikaw għal kumpaniji tal-verifika li m’għadhomx involuti f’kompitu speċifiku ta’ verifika.

Standards internazzjonali

Il-verifiki statutorji kollha għandhom jitwettqu fuq il-bażi ta’ standards tal-verifika internazzjonali, jekk u meta jiġu adottati mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa diskrezzjonali biex tadotta dawn l-istandards, u tista’ tadottahom biss jekk josservaw ċerti kundizzjonijiet. Sakemm il-Kummissjoni ma tkun adottat ebda standards internazzjonali, l-Istati Membri jistgħu japplikaw standards nazzjonali.

Ħatra u tneħħija

  • L-awditur statutorju jew il-kumpanija tal-verifika tinħatar mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew tal-membri tal-entità suġġetta għall-verifika, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jippermettu alternattivi sakemm tkun żgurata l-indipendenza tal-awditur statutorju jew tal-kumpanija tal-verifika mill-entità suġġetta għall-verifika.
  • L-awdituri jew il-kumpaniji tal-verifika jistgħu jitneħħew biss meta jkun hemm raġunijiet validi. Id-differenza fl-opinjonijiet dwar it-trattamenti tal-kontabilità jew dwar il-proċeduri tal-verifika ma hijiex raġuni valida għat-tneħħija.

Verifika ta’ kontijiet konsolidati

Fil-każ tal-kontijiet konsolidati (jiġifieri ta’ kumpanija parent u s-sussidjarji), hemm definizzjoni ċara tar-responsabbiltajiet bejn l-awdituri li jwettqu verifika fuq komponenti tal-grupp. L-awditur tal-grupp (jiġifieri l-awditur statutorju jew il-kumpanija tal-verifika li twettaq il-verifika tal-kontijiet konsolidati) iġorr ir-responsabbiltà sħiħa għar-rapport ta’ verifika.

Garanzija tal-kwalità

  • L-Istati Membri għandhom jintroduċu sistema ta’ assigurazzjoni tal-kwalità li tkun indipendenti mill-awdituri eżaminati u suġġetta għas-sorveljanza pubblika.
  • Is-sistema tinkludi valutazzjoni tal-aspetti segwenti:
    • il-konformità mal-istandards ta’ verifika u r-rekwiżiti ta’ indipendenza applikabbli;
    • il-kwantità u l-kwalità tar-riżorsi użati;
    • l-onorarji għall-verifika mitluba u, fejn applikabbli, l-onorarji imposti għall-assigurazzjoni tar-rappurtar tas-sostenibbiltà;
    • is-sistemi interni ta’ kontroll tal-kwalità tal-kumpaniji tal-verifika.
  • Il-finanzjament għas-sistema tal-assigurazzjoni tal-kwalità għandu jkun protett u ħieles minn kwalunkwe influwenza indebita mill- awdituri statutorji jew mill-kumpaniji tal-verifika.
  • L-għażla tar-reviżuri għal kompiti speċifiċi ta’ reviżjoni għall-finijiet tal-assigurazzjoni ta’ kwalità għandha sseħħ permezz ta’ proċedura oġġettiva mfassla sabiex tiżgura li ma jkun hemm l-ebda konflitt ta’ interess bejn ir-reviżuri u l-awditur statutorju jew il-kumpannija tal-verifika suġġetti għar-reviżjoni.

Standards ta’ assigurazzjoni għar-rappurtaġġ ta’ sostenibilità

  • L-Istati Membri jeħtieġu li l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar iwettqu l-assigurazzjoni tar-rappurtar tas-sostenibbiltà f’konformità mal-istandards tal-assigurazzjoni li ser jiġu adottati mill-Kummissjoni.
  • Madankollu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw standards, proċeduri jew rekwiżiti nazzjonali ta’ assigurazzjoni sakemm il-Kummissjoni ma tkunx adottat standard ta’ assigurazzjoni li jkopri l-istess suġġett.

Rapport tal-awditjar u rapport ta’ assigurazzjoni dwar ir-rappurtar tas-sostenibbiltà

Id-direttiva tistabbilixxi fid-dettall regoli speċifiċi dwar kif l-awditur statutorju jippreżenta r-riżultati tal-verifika statutorja u tal-assigurazzjoni tar-rappurtar tas-sostenibbiltà. Barra minn hekk, dawn ir-rapporti għandhom jitħejjew skont ir-rekwiżiti tal-istandards ta’ assigurazzjoni adottati mill-Kummissjoni u/jew mill-Istati Membri.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu fornitur indipendenti tas-servizzi tal-assigurazzjoni (IASP)* stabbiliti fit-territorju tagħhom biex iwettqu l-assigurazzjoni tar-rappurtar tas-sostenibbiltà sakemm il-fornitur ikun soġġett għal rekwiżiti li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti għall-awdituri mid-Direttiva 2006/43/KE.

Investigazzjonijiet u sanzjonijiet

  • L-Istati Membri jrid ikollhom fis-seħħ sistemi effettivi ta’ investigazzjonijiet u sanzjonijiet biex jiskopru, jikkorreġu u jipprevjenu l-eżekuzzjoni mhux adegwata tal-verifika statutorja
  • Il-miżuri meħuda u s-sanzjonijiet imposti fir-rigward ta’ awdituri statutorji u kumpanniji tal-verifika jridu jkunu mgħarrfa lill-pubbliku b’mod adegwat. Is-sanzjonijiet iridu jinkludu l-possibbiltà tal-irtirar tal-approvazzjoni.

Negozji żgħar

  • Ma hemm ebda rekwiżit tal-UE biex il-kumpanniji żgħar ikollhom verifika statutorja.
  • Meta l-Istati Membri jkunu jeħtieġu verifiki statutorji ta’ negozji żgħar, dawn għandhom isiru filwaqt li jitqiesu l-iskala u l-attivitajiet tal-kumpanniji inkwistjoni.

Entitajiet ta’ interess pubbliku (PIEs)*

Il-verifika statutorja tal-PIEs — minħabba l-ħtieġa għal informazzjoni affidabbli u r-rilevanza tagħhom għall-pubbliku u l-investituri — hija suġġetta għal regoli stretti. Dawn jinkludu:

  • rapport ta’ verifika aktar dettaljat li jinkludi informazzjoni dwar it-twettiq tal-verifika;
  • l-awdituri / id-ditti tal-verifika għandhom jinbidlu fuq bażi ta’ rotazzjoni;
  • lista ta’ servizzi mhux tal-verifika li ma jistgħux jiġu pprovduti mill-awditur statutorju jew mill-kumpannija tal-verifika lill-kumpannija suġġetta għall-verifika, li trid titfassal mill-Istati Membri;
  • iridu jiġu imposti limiti fuq l-onorarji mitluba għal servizzi mhux ta’ verifika;
  • jinħoloq kumitat tal-verifika li jkollu rwol prinċipali fil-ħatra tal-awditur u l-monitoraġġ tal-verifika.

Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 fih aktar regoli applikabbli speċifikament għall-PIEs.

Atti ta’ implimentazzjoni u delegati

Id-direttiva tippermetti lill-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati rigward l-aspetti internazzjonali tad-direttiva. Dawn jistgħu jispeċifikaw ulterjorment kif l-awtoritajiet tal-Istati Membri u d-diversi parteċipanti fis-suq għandhom jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fid-direttiva f’dan ir-rigward.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sad-29 ta’ Ġunju 2008.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Verifika statutorja. Reviżjoni tar-rekords finanzjarji meħtieġa legalment li għandha l-għan li tipprovdi lill-azzjonisti b’opinjoni dwar il-preċiżjoni tal-kontijiet tal-kumpanniji jew ta’ entitajiet pubbliċi.
Awditur statutorju. Persuna fiżika li tiġi approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, skont id-Direttiva 2006/83/KE, biex twettaq verifiki statutorji u, fejn applikabbli, l-assigurazzjoni tar-rappurtar tas-sostenibbiltà.
Fornitur indipendenti għas-servizzi tal-assigurazzjoni (IASP). Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità akkreditat skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għat-twettiq tal-assigurazzjoni dwar informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà skont l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2013/34/UE.
Entitajiet ta’ interess pubbliku (PIEs). Dawn jinkludu:

  • kumpanniji elenkati fil-borża fi kwalunkwe Stat Membru;
  • istituzzjonijiet ta’ kreditu;
  • kumpaniji tal-assigurazzjoni;
  • kumpaniji maħtura mill-Istati Membri bħala entitajiet ta’ interess pubbliku minħabba n-natura tan-negozju tagħhom, id-daqs jew l-għadd ta’ impjegati tagħhom.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, pp. 87–107).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2006/43/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi rigward l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, pp. 77–112).

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 20.11.2023

Top