Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ħasil tal-flus: prevenzjoni permezz ta’ kooperazzjoni doganali

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fl-UE jew ħerġin minnha' for an updated information about the subject.

Il-ħasil tal-flus: prevenzjoni permezz ta’ kooperazzjoni doganali

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 — kontrolli ta’ flus kontanti deħlin mill-UE jew li ħerġin mill-UE

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

Ir-regolament jikkumplimenta r-regoli tad-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fl-UE.

PUNTI EWLENIN

L-obbligu ta’ dikjarazzjoni

  • Ir-regolament iqiegħed obbligu fuq kull individwu dieħel jew ħiereġ mill-UE u li jġorr flus kontanti* b’valur ta’ €10,000 jew iktar, sabiex jiddikjara dik is-somma lill-awtoritajiet kompetenti*. L-informazzjoni pprovduta għandha tkun korretta u kompleta, inkella d-dikjarazzjoni tkun invalida.
  • Id-dikjarazzjoni tiġi pprovduta bil-miktub, b’mod orali jew b’mod elettroniku, kif determinat mill-pajjiż tal-UE, u għandha tinkludi informazzjoni fuq:
    • id-dikjarant, inkluż l-isem sħiħ, id-data u l-post tat-twelid, u n-nazzjonalità;
    • il-proprjetarju u l-ammont u n-natura tal-flus kontanti;
    • il-persuna intiża li tirċievi l-flus kontanti;
    • il-provenjenza u l-użu intiż tal-flus kontanti.
  • L-informazzjoni miksuba mid-dikjarazzjoni jew b’riżultat tal-kontrolli, għandha tiġi rreġistrata u pproċessata. L-informazzjoni tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti responsabbli fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew kontra il-finanzjament tat-terroriżmu, fil-pajjiż tal-UE tad-dħul jew fil-pajjiż tal-UE tal-ħruġ. L-informazzjoni pprovduta tista’ tiġi kkomunikata lill-pajjiżi mhux fl-UE, mill-pajjiżi tal-UE jew mill-Kummissjoni Ewropea, soġġett għall-kunsens mill-awtoritajiet kompetenti. Ir-regoli nazzjonali u tal-UE dwar it-trasferiment tad-data personali għandhom jiġu mħarsa.
  • Is-segretezza professjonali tkopri kull informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali jew informazzjoni li tkun ipprovduta fuq bażi kunfidenzjali. Ma għandhiex tiġi żvelata mingħajr il-permess espliċitu tal-persuna jew l-awtorità li tipprovdiha. Madanakollu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu obbligati bil-liġi li jiżvelaw l-informazzjoni, pereżempju b’konnessjoni ma’ proċeduri legali. F’każ bħal dan, kwalunkwe żvelar jew komunikazzjoni tal-informazzjoni għandha tikkonforma b’mod sħiħ mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ dwar il-protezzjoni tad-data.

L-ivverifikar tal-konformità mal-obbligu ta’ dikjarazzjoni

  • L-uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti jistgħu jivverifikaw il-konformità mal-obbligu ta’ dikjarazzjoni billi jagħmlu kontrolli fuq individwi. Dan jinkludi kontrolli fuq l-individwi nfushom, il-bagalji tagħhom u l-mezzi tat-trasport tagħhom. Il-kontrolli kollha għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam.
  • Fejn ikun hemm nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ dikjarazzjoni, flus kontanti jistgħu jiġu sekwestrati permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.
  • L-informazzjoni miksuba tista’ tkun disponibbli għal pajjiżi oħrajn tal-UE, b’mod partikolari fejn hemm evidenza ta’ attivitajiet illegali. F’każijiet bħal dawn, japplika r-Regolament (KE) Nru 515/97 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-pajjiżi tal-UE u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex tkun assigurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli. Fejn ikun hemm indikazzjonijiet li qed issir ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE, l-informazzjoni għandha tiġi trasmessa wkoll lill-Kummissjoni.
  • Fejn il-kontrolli juru li l-individwu dieħel jew ħiereġ mill-UE b’somom ta’ flus kontanti inqas minn €10,000, u fejn hemm l-evidenza ta’ attivitajiet illegali assoċjati mal-moviment ta’ flus kontanti, dik l-informazzjoni tista’ tiġi rreġistrata u pproċessata.

Penali

Sal-15 ta’ Ġunju 2007, il-pajjiżi tal-UE kienu mitluba jintroduċu penali proporzjonati u effettivi, li jikkostitwixxu deterrent f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ dikjarazzjoni.

MINN META JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-15 ta’ Ġunju 2007.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Flus kontanti: ikopru munita (karti tal-flus u muniti), iżda wkoll strumenti monetarji oħrajn bħal ċekkijiet, ċedoli, money orders, eċċ.
Awtoritajiet kompetenti: l-awtoritajiet tad-dwana tal-pajjiżi tal-UE jew kwalunkwe awtorità oħra, mogħtija s-setgħa mill-pajjiżi tal-UE sabiex japplikaw dan ir-regolament.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ottubru 2005 dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità (ĠU L 309, 25.11.2005, pp. 9-12)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, pp. 1-16)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 515/97 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss għal skopijiet ta’ referenza.

Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, pp. 73-117)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati ma’ attivitajiet transfruntiera (COM(2017) 340 final, 26.6.2017)

l-aħħar aġġornament 06.12.2017

Top