Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Emissjonijiet minn sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja f’vetturi bil-mutur

Emissjonijiet minn sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja f’vetturi bil-mutur

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2006/40/KE dwar emissjonijiet minn sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja f’vetturi bil-mutur

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tintroduċi regoli madwar l-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja* tal-vetturi bil-muturu tipprevedi l-projbizzjoni gradwali ta’ sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja ddisinjati biex ikun fihom gassijiet fluworurati b’potenzjal ta’ tisħin globali (GWP)* ogħla minn 150.
  • Għalhekk hija tevita kull ostakolu li jista’ jirriżulta, fis-suq intern tal-UE, mill-adozzjoni mill-pajjiżi tal-UE ta’ rekwiżiti tekniċi differenti dwar dan l-aspett.
  • Din tagħmel parti mill-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi tal-UE.
  • Din tikkomplementa l-leġiżlazzjoni tal-UE biex jitnaqqsu l-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra f’konformità mal-għanijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto.

PUNTI EWLENIN

Regoli tekniċi

  • Id-direttiva tistabbilixxi regoli għall-kontroll ta’ tnixxijiet minn sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja mfassla biex jikkontjenu gassijiet b’effett ta’ serra b’GWP ogħla minn 150. Sistemi bħal dawn huma għalhekk ipprojbiti b’miżura tranżitorja, sakemm ir-rata ta’ tnixxija minn dik is-sistema ma teċċedix il-limiti massimi permissibbli. Din il-miżura tapplika għat-tipi ta’ vetturi ġodda kollha mill-21 ta’ Ġunju 2008 u għal vetturi ġodda mill-21 ta’ Ġunju 2009.
  • Bħala t-tieni stadju, din tintroduċi projbizzjoni totali fuq sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja mfassla biex jikkontjenu gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’GWP ogħla minn 150. Il-projbizzjoni tkopri t-tipi ta’ vetturi ġodda kollha mill-1 ta’ Jannar 2011 u tapplika għall-vetturi ġodda kollha mill-1 ta’ Jannar 2017.
  • Din tistipula wkoll regoli dwar ir-rikonfigurazzjoni u r-riforniment tas-sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja.

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Id-direttiva tkopri karozzi tal-passiġġieri (vetturi tal-kategorija M1) u vetturi kummerċjali ħfief (vetturi tal-kategorija N1, tal-klassi 1).
  • Din hija l-ewwel stadju ta’ pakkett leġiżlattiv dwar is-sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja. Ir-Regolament (KE) Nru 706/2007 jistabbilixxi r-regoli amministrattivi dwar il-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE u dwar it-test armonizzat ta’ skoperta ta’ tnixxija sabiex titkejjel ir-rata ta’ tnixxija ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’potenzjal ta’ tisħin globali ogħla minn 150.

MINN META BDIET TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mill-4 ta’ Lulju 2006 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-3 ta’ Jannar 2008.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Sistema ta’ kondizzjonament tal-arja: kwalunkwe sistema li l-għan prinċipali tagħha huwa li tnaqqas it-temperatura tal-arja u l-umdità tal-kompartiment tal-passiġġieri ta’ vettura.
Potenzjal ta’ tisħin globali (GWP): il-potenzjal ta’ tisħin klimatiku ta’ gass fluworurat b’effett ta’ serra relattiv għal dak tad-dijossidu tal-karbonju. Huwa kalkolat f’termini tal-potenzjal ta’ tisħin f’100 sena ta’ kilogramma ta’ gass meta mqabbla ma’ kilogramma ta’ CO2. Il-figuri rilevanti tal-GWP huma dawk ippubblikati fit-tielet rapport ta’ valutazzjoni adottat mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-valuri IPCC GWP tal-2001).

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar emissjonijiet minn sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja f’vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (ĠU L 161, 14.6.2006, pp. 12-18)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, pp. 195-230)

Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, pp. 1-160)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2007/46/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 706/2007 tal-21 ta’ Ġunju 2007 li jistipula, skont id-Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dispożizzjonijiet amministrattivi għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vetturi, u test armonizzat li jkejjel it-telf minn ċerti sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja (ĠU L 161, 22.6.2007, pp. 33-52)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 14.05.2019

Top