Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Konvenzjoni ta’ Montreal dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru

Konvenzjoni ta’ Montreal dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni 2001/539/KE dwar il-konklużjoni tal-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Montreal

Konvenzjoni għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli għat-trasport Internazzjonali bl-Ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montreal)

X’INHU L-GĦAN TAL-KONVENZJONI U TAD-DEĊIŻJONI?

  • Il-konvenzjoni għandha l-għan li tintroduċi regoli legali armonizzati biex jirregolaw ir-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru fil-każ ta’ danni kkawżati lill-passiġġieri, bagalji jew merkanzija matul vjaġġi internazzjonali.
  • Id-deċiżjoni tikkonkludi l-konvenzjoni f’isem il-Komunità Ewropea (issa l-UE).

PUNTI EWLENIN

Il-konvenzjoni tintroduċi prinċipji u regoli legali komprensivi li l-iktar importanti minnhom huma:

  • il-prinċipju ta’ responsabbiltà ċivili mingħajr limitu ta’ trasportatur bl-ajru f’każ ta’ korriment fiżiku; dan huwa maqsum f’żewġ livelli:
    • l-ewwel livell ta’ responsabbiltà jgħajjat unikament lit-trasportatur għal ħsarat sa 100 000 SDRs (drittijiet speċjali ta’ prelevament, kif definiti mill-Fond Monetarju Internazzjonali, jiġifieri madwar €120 000);
    • jekk l-ammont ikun iktar minn dak imsemmi, japplika it-tieni livell ta’ responsabbiltà, bbażat fuq it-tort preżunt tat-trasportatur, li jista’ jiġi evitat biss mit-trasportatur jekk jagħti prova li ma kienx tort tiegħu (l-oneru tal-prova huwa tat-trasportatur);
  • il-prinċipju li jsir ħlas bil-quddiem, fil-każ ta’ korriment fiżiku, biex il-vittmi jew il-persuni intitolati għal kumpens ikunu jistgħu jkopru l-bżonnijiet ekonomiċi immedjati tagħhom;
  • il-possibbiltà li l-vittma, jew il-persuni intitolati għal kumpens, jippreżentaw kwereli quddiem il-qrati fil-post prinċipali ta’ residenza tal-passiġġier;
  • żieda fil-limiti ta’ responsabilità tat-trasportatur bl-ajru f’każ ta’ dewmien, u fil-każ ta’ ħsara kkawżata lill-bagalji (dewmien, telf jew ħsara);
  • modernizzazzjoni tad-dokumenti tat-trasport (kontijiet u biljetti elettroniċi tal-passaġġ bl-ajru);
  • kjarifika tar-regoli dwar ir-responsabbiltà rispettiva tat-trasportatur kontraenti (it-trasportatur bl-ajru li ismu jew il-kodiċi tiegħu huma fuq il-biljett tal-ajru) u t-trasportatur attwali (it-trasportatur li jwettaq it-titjira jista’ ma jkunx l-istess bħat-trasportatur bl-ajru kontraenti);
  • stabbiliment b’mod ġenerali tal-obbligu għat-trasportaturi bl-ajru li jkollhom assigurazzjoni xierqa;
  • introduzzjoni tal-hekk imsejħa klawżola “reġjonali” li tippermetti organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika, bħall-UE, biex jaderixxu għall-konvenzjoni.

Fl-1997, l-UE adottat ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 (dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti) li jimponi responsabbiltà illimitata fuq trasportaturi bl-ajru tal-UE f’każ ta’ mewt jew korriment fiżiku lill-passiġġieri. Ir-Regolament (KE) Nru 889/2002 jemenda r-Regolament (KE) Nru 2027/97 u japplika r-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Montreal għat-titjiriet kollha, kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali, operati minn trasportaturi bl-ajru tal-UE.

MINN META JAPPLIKAW IL-KONVENZJONI U D-DEĊIŻJONI?

Il-Konvenzjoni ta’ Montreal ilha fis-seħħ mill-4 ta’ Novembru 2003. Id-deċiżjoni ilha tapplika mill-5 ta’ April 2001.

SFOND

L-inadegwatezza tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja tal-1929, li kienet tirregola r-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru għal mewt u korriment, u r-reviżjonijiet sussegwenti tagħha wasslu għall-ħtieġa li r-regoli dwar ir-responsabbiltà jiġu modernizzata u unifikati.

F’Mejju 1999, l-Istati Kontraenti tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali nnegozjaw ftehim biex jimmodernizzaw ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja, billi adattawhom fi strument legali uniku li joffri livell xieraq ta’ kumpens f’każ ta’ dannu kkawżat lill-passiġġieri matul it-trasport internazzjonali bl-ajru.

Għal iktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal-5 ta’ April 2001 dwar il-konklużjoni tal-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni ghall-Unifikazzjoni ta’ Certi Regoli ghat-Trasport Internazzjoni bl-Ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montreal) (ĠU L 194, 18.7.2001, p. 38)

Konvenzjoni għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli għat-trasport Internazzjonali bl-Ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montreal) (ĠU L 194, 18.7.2001, pp. 39-49)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 tad-9 ta’ Ottubru 1997 dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ incidenti (ĠU L 285, 17.10.1997, pp. 1-3)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 2027/97 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 31.07.2018

Top