EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Prospett li għandu jiġi ppubblikat meta jinħarġu titoli

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat' for an updated information about the subject.

Prospett li għandu jiġi ppubblikat meta jinħarġu titoli

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2003/71/KE – il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ

SOMMARJU

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Din tfittex li ttejjeb il-kwalità tal-informazzjoni pprovduta lill-investituri mill-kumpaniji li jkunu jixtiequ jattiraw investituri esterni sabiex joħolqu l-kapital fl-UE biex jiffinanzjaw it-tkabbir tagħhom.

Għandha l-għan li tiżgura li jkunu stabbiliti standards tal-iżvelar adegwati u ekwivalenti fil-pajjiżi kollha tal-UE fil-każ li jiġu offruti titoli lill-investituri Ewropej kollha.

Hija tistabbilixxi regoli dwar il-prospett* - dokument li l-kumpaniji tal-UE huma meħtieġa jippubblikaw meta joħorġu titoli sabiex jattiraw investimenti. Skont dawn ir-regoli, ladarba prospett jiġi approvat f’pajjiż tal-UE, dan ikun validu fl-UE kollha (passaport waħdieni għal min joħroġ it-titoli).

ELEMENTI PRINĊIPALI

Obbligu li jiġi ppubblikat prospett

Dawk li joħorġu t-titoli huma obbligati jippubblikaw prospett dwar offerti ta’ titoli, ħlief jekk l-offerta:

  • tkun indirizzata biss lil investituri (professjonali) kwalifikati, u/jew
  • tkun indirizzata lil inqas minn 150 persuna, għajr għall-investituri kkwalifikati (eż. individwi) għal kull pajjiż tal-UE, u/jew
  • tkun indirizzata lill-investituri li jiksbu dawn it-titoli għal ammont totali ta’ mill-inqas EUR 100 000 kull investitur; u/jew
  • tkopri titoli (ishma jew bonds) b’denominazzjoni għal kull unità ta’ mill-inqas EUR 100 000;
  • ikollha valur totali fl-Unjoni ta’ inqas minn EUR 100 000.

Informazzjoni

Il-prospett irid jinkludi dokument sommarju, prodott f’format standard, li jipprovdi informazzjoni prinċipali dwar:

  • il-karatteristiċi essenzjali ta’ min joħroġ it-titoli (eż. il-kumpanija li toħroġ it-titoli), ta’ kull garanti (eż. il-bank) u tat-titoli offruti jew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u r-riskji ewlenin assoċjati magħhom;
  • it-termini ġenerali tal-offerta, b’mod partikolari stima tal-ispejjeż fatturati minn min joħroġ it-titoli lill-investitur.

Min joħroġ it-titoli huwa ċivilment responsabbli fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta fil-prospett. Din l-informazzjoni trid tkun konformi mal-fatti u ma għandha tħalli barra xejn.

Approvazzjoni u pubblikazzjoni

Ladarba l-prospett ikun ġie approvat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż tal-UE tal-oriġini, irid jiġi ppubblikat (f’gazzetta nazzjonali ċċirkolata b'mod wiesa' jew fuq il-websajt ta’ min joħroġ it-titoli, pereżempju) u għandha tintbagħat kopja lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).

Prospett jibqa’ validu sa 12-il xahar wara l-approvazzjoni tiegħu, sakemm jiġi aġġornat u ssupplimentat bil-punti meħtieġa.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-direttiva kellha tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali fl-1 ta’ Lulju 2005. Id-Direttiva li temenda (2010/73/KE) ilha applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2012.

Fil-Green Paper dwar l-unjoni tas-swieq kapitali ppubblikata fi Frar 2015, il-Kummissjoni ħabbret li ser terġa’ teżamina d-Direttiva dwar il-Prospett sabiex in-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, ikunu jistgħu joħolqu l-kapital aktar faċilment u jsibu investituri minn barra l-pajjiż.

Għal aktar informazzjoni, żur is-sit tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-Direttiva dwar il-Prospett.

TERMINU EWLIENI

* Prospett: dokument ta' żvelar li fih informazzjoni li tippermetti lill-investituri jagħmlu deċiżjonijiet ta' investiment filwaqt li jkollhom għarfien sħiħ tal-fatti.

ATT

Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64–89)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2003/7/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss għal skopijiet ta' referenza.

l-aħħar aġġornament 13.12.2015

Top