Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Vokabularju komuni tal-akkwist

Vokabularju komuni tal-akkwist

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 2195/2002 dwar il-Vokabolarju Komuni tal-Akkwist tal-UE

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

  • Dan għandu l-għan li jistandardizza, permezz ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni waħda għall-akkwist pubbliku, it-termini użati mill-awtoritajiet u l-entitajiet fil-kuntratt biex jiddeskrivu s-suġġett tal-kuntratti.

PUNTI EWLENIN

  • Ir-regolament jistabbilixxi sistema ta’ klassifikazzjoni waħda: il-Vokabolarju Komuni tal-Akkwist (CPV). Din il-klassifikazzjoni tipprova tkopri l-karatteristiċi għal kuntratti ta’ provvisti, xogħlijiet u servizzi. Permezz tal-istandardizzazzjoni tar-referenzi użati mill-awtoritajiet fil-kuntratt biex jiddeskrivu s-suġġett tal-kuntratti tagħhom, l-użu tas-CPV itejjeb it-trasparenza tal-akkwist pubbliku kopert mid-direttivi tal-UE.
  • L-użu tas-CPV jagħmilha aktar faċli għal kuntratturi potenzjali, bħal kumpaniji, li jsibu opportunitajiet tan-negozju, u jnaqqas ir-riskju ta’ żball fit-traduzzjoni ta’ avviżi, peress li s-CPV huwa disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.
  • Is-CPV jattribwixxi deskrizzjoni tas-suġġett tal-kuntratt lil kull kodiċi numeriku, li hemm verżjoni tagħha f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE. Is-CPV jikkonsisti minn:
    • vokabolarju prinċipali, ibbażat fuq struttura ta’ siġra, li fih serje ta’ kodiċijiet numeriċi magħmula minn tmien ċifri u d-disa’ ċifra li sservi sabiex tivverifika ċ-ċifri preċedenti;
    • vokabolarju supplimentari li jespandi d-deskrizzjoni tas-suġġett ta’ kuntratt billi jżid aktar dettalji rigward in-natura jew id-destinazzjoni tal-oġġett tal-kuntratt.
  • Il-lista ta’ kodiċijiet tas-CPV u t-tabelli ta’ korrispondenza bejn is-CPV u nomenklaturi oħra jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit tal-Internet: SIMAP “Informazzjoni dwar l-akkwist pubbliku Ewropew”.
  • Is-CPV attwali ġie mfassal sabiex ikun aktar faċli għall-utent billi jiffoka inqas fuq materjali u aktar fuq il-prodotti. Barra minn hekk, il-ġerarkija tas-CPV ġiet irrazzjonalizzata.
  • Il-websajt tat-TED tiżgura li l-avviżi tal-offerti pubbliċi soġġetti għal direttivi tal-UE huma ppubblikati fis-serje “S” tal-Ġurnal Uffiċjali. Mill-2003, TED għamel użu mill-kodiċijiet tas-CPV li saru obbligatorji bl-adozzjoni tad-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE (li sussegwentement ġew irrevokati mid-Direttivi 2014/25/UE u 2014/24/EU rispettivament).

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 2195/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 dwar il-Vokabolarju Komuni tal-Akkwist (CPV) (ĠU L 340, 16.12.2002, p. 1-562)

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 2195/2002 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss għal skopijiet ta’ referenza.

ATTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2151/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2195/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Vokabolarju Komuni tal-Akkwist (CPV), 17.12.2003, p. 1-270). Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament (KE) Nru 451/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi klassifikazzjoni statistika ġdida ta' prodotti skond l-attività (CPA) u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3696/93 (ĠU L 145, 4.6.2008, p. 65-226). Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 15.02.2016

Top