EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Karta Blu tal-UE — dħul u residenza ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin (sal-2023)

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Karta blu tal-UE — dħul u residenza ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin (mill-2023)' for an updated information about the subject.

Karta Blu tal-UE — dħul u residenza ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin (sal-2023)

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2009/50/KE — Kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini mhux tal-UE għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tistabbilixxi l-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza għal dawk bi kwalifiki għoljin* ċittadini mhux tal-UE li jixtiequ jaħdmu f’impjieg bi kwalifiki għoljin fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE) (għajr id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit (1)) u għall-familji tagħhom.
  • Hija toħloq sistema ta’ karta blu tal-UE* sistema.
  • Din id-direttiva se tiġi revokata u sostitwita bid-Direttiva (UE) 2021/1883 (ara s-sommarju) mid-19 ta’ Novembru 2023.

PUNTI EWLENIN

  • Applikanti għal karta blu tal-UE għandhom jippreżentaw:
    • kuntratt tax-xogħol validu jew offerta vinkolanti ta’ impjieg ta’ mill-anqas sena, b’salarju ta’ mill-anqas 1.5 darbiet is-salarju annwali gross medju fl-Istat Membru kkonċernat;
    • prova dokumentarja li huma għandhom il-kwalifiki meħtieġa;
    • dokument validu tal-ivvjaġġar u, jekk meħtieġ viża;
    • prova tal-assigurazzjoni tas-saħħa.
  • L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni jekk il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq mhumiex sodisfatti jew jekk id-dokumenti nkisbu illegalment, ġew iffalsifikati jew imbagħbsa.
  • L-applikant ma jistax ikun ta’ theddida għall-politika, għas-sigurtà jew għas-saħħa pubblika.
  • L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw in-numru ta’ impjegati bi kwalifiki għoljin li jdaħħlu.
  • L-applikanti li jintgħażlu se jirċievu karta blu tal-UE valida għal perjodu standard ta’ 1–4 snin, skont l-Istat Membru kkonċernat, jew għat-terminu tal-kuntratt tax-xogħol, jekk dan ikun iqsar mill-perjodu ta’ validità standard, b’żieda ta’ 3 xhur.
  • L-applikazzjoni tista’ ssir mill-individwu u/jew min iħaddimhom skont l-Istat Membru.
  • Għall-ewwel sentejn, id-detenturi ta’ Karta Blu tal-UE huma limitati għal impjieg bi kwalifiki għoljin li jissodisfaw il-kriterji għall-ammissjoni. Wara dan jistgħu japplikaw fuq termini ugwali għal dawk taċ-ċittadini tal-pajjiż, għal impjieg ieħor bi kwalifiki għoljin, skont l-Istat Membru kkonċernat.
  • Detenturi tal-karta blu tal-UE u l-familji tagħhom jistgħu jidħlu, jerġgħu jidħlu u joqogħdu fl-Istat Membru li joħroġ il-kard u jgħaddu minn Stati Membri oħra.
  • Detenturi ta’ karta blu tal-UE għandhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini tal-pajjiż f’termini tal-kondizzjonijiet ta’ impjieg, l-edukazzjoni, ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki, is-sigurtà soċjali u l-libertà ta’ assoċjazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw xi wħud minn dawn, partikolarment għotjiet u self edukattivi.
  • Awtoritajiet nazzjonali jistgħu jirtiraw karta blu tal-UE, jew ma jġedduhiex, jekk id-detentur ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet oriġinali, ikun ilu qiegħed għal aktar minn 3 xhur jew huwa kkunsidrat theddida pubblika.
  • Wara 18-il xahar ta’ residenza legali, detentur ta’ karta blu tal-UE jibbenefika minn ftit faċilitazzjoni biex jikseb il-viża meħtieġa biex imur fi Stat Membru ieħor. Diment li dawn jissodisfaw mill-ġdid il-kriterji ta’ ammissjoni, huma jistgħu jingħataw il-permess li jibdew jaħdmu qabel ma tittieħed deċiżjoni li tingħata l-viża, u l-membri tal-familja jistgħu jingħaqdu magħhom immedjatament.
  • Kull 3 snin, il-Kummissjoni tirrapporta dwar kif qed tiġi applikata l-leġiżlazzjoni. L-ewwel rapport ġie ppubblikat f’Ġunju 2014.

Reviżjoni u proposta

  • Fl-2016, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet proposta biex tirrevoka d-Direttiva 2009/50/KE. Din tnisslet minn reviżjoni tad-Direttiva, ippubblikata b’mod parallel, li kkonkludiet li d-direttiva attwali għandha bosta dgħjufijiet intrinsiċi u li mhux qed tiġi applikata b’mod konsistenti madwar l-UE. Barra minn hekk, bosta Stati Membri għandhom regoli u proċeduri paralleli għall-istess kategorija ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja. Din il-frammentazzjoni mhijiex effiċjenti, peress li toħloq piż għal min iħaddem u għall-applikanti, lanqas mhija effettiva, peress li l-għadd ta’ permessi maħruġa lil ħaddiem tas-sengħa jibqgħu limitati. Dan jagħmilha aktar diffiċli għall-UE biex tattira u żżomm it-talent li teħtieġ.
  • Il-proposta tfittex kemm li tindirizza n-nuqqasijiettad-direttiva preċedenti kif ukoll li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha sabiex tinkludi benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u membri tal-familja mhux mill-UE taċ-ċittadini tal-UE. L-iskema proposta tissostitwixxi wkoll skemi nazzjonali paralleli li għandhom fil-mira l-istess grupp bħall-karta blu.
  • Il-proposta tinkludi wkoll dan li ġej:
    • kondizzjonijiet ta’ dħul aktar flessibbli (livell tas-salarju aktar baxx; terminu minimu iqsar ta’ 6 xhur għall-kuntratt inizjali; regoli aktar sempliċi għall-gradwati reċenti u ħaddiema f’okkupazzjonijiet li hemm nuqqas tagħhom; u ekwivalenza bejn l-esperjenza professjonali u l-kwalifiki formali);
    • proċeduri aktar sempliċi (proċeduri aktar mgħaġġla u aktar flessibbli; proċedura rapida fakultattiva għal min iħaddem li jkun ta’ fiduċja);
    • drittijiet usa’ (aċċess aktar flessibbli għas-suq tax-xogħol, inkluż attività għal rashom fl-istess waqt, riunifikazzjoni immedjata tal-familja, aċċess aktar faċli għal status ta’ residenza fl-UE fit-tul);
    • vjaġġar aktar faċli fl-UE (eż. għal vjaġġi tan-negozju fuq terminu qasir madwar l-UE, aċċess għal karta blu tal-UE fit-tieni Stat Membru).

Revoka

Id-Direttiva 2009/50/KE se tiġi revokata u sostitwita bid-Direttiva (UE) 2021/1883 mid-19 ta’ Novembru 2023.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mid-19 ta’ Ġunju 2009 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sad-19 ta’ Ġunju 2011.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI PRINĊIPALI

Impjegat bi kwalifiki għoljin. Xi ħadd f’impjieg bi ħlas li għandu sett speċifiku ta’ ħiliet iċċertifikat bi kwalifiki professjonali avvanzati.
Karta Blu tal-UE. Permess ta’ xogħol u residenza bil-kliem “Karta Blu tal-UE”, li tawtorizza lid-detentur jgħix u jaħdem fl-Istat Membru li ħariġha.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU L 155, 18.6.2009, pp. 17–29).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, pp. 77-123).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2004/38/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (ĠU L 180, 29.6.2013, pp. 60–95).

Id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU L 132, 21.5.2016, pp. 21–57).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/50/KE dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg b’livell għoli ta’ kwalifiki (“Il-Karta Blu tal-UE”) (COM(2014) 287 final, 22.5.2014).

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg b’ħiliet għolja (COM(2016) 378 final, 7.6.2016).

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni – Valutazzjoni tal-Impatt – Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjoni għad-dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz għal fini ta’ impjieg b’ħiliet għolja u li jħassar id-Direttiva 2009/50/KE (SWD(2016) 193 final, 7.6.2016).

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Sommarju eżekuttiv tal-Valutazzjoni tal-Impatt - Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-kundizzjoni għal dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz għal fini ta’ impjieg b’ħiliet għolja (SWD(2016) 194 final, 7.6.2016).

l-aħħar aġġornament 11.11.2021



(1) Ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea u sar pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top