Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

Aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

 

SOMMARJU TA’

Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aċċess pubbliku għad-dokument tal-istituzzjonijiet tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAL-ARTIKOLU 15 TAT-TFUE U TAR-REGOLAMENT?

  • L-Artikolu 15(3) tat-TFUE jagħti d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE liċ-ċittadini, residenti u negozji tal-UE, soġġett għal ċerti prinċipji u kundizzjonijiet.
  • Ir-regolament jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-limiti għall-aċċess. Dan għandu l-għan li jiżgura li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt għall-aċċess tagħhom bl-eħfef mod possibbli. Jista’ jintalab aċċess għal kull dokument imfassal jew irċevut minn istituzzjoni, fl-oqsma kollha tal-attività tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Eċċezzjonijiet u drittijiet ta’ partijiet terzi

L-istituzzjonijiet jistgħu jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fejn id-divulgazzjoni:

  • timmina l-protezzjoni ta’:
    • l-interess pubbliku fir-rigward tas-sigurtà pubblika, id-difiża, ir-relazzjonijiet internazzjonali u l-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-UE jew ta’ pajjiż tal-UE, jew
    • il-privatezza u l-integrità ta’ individwu, b’mod partikolari skont il-leġiżlazzjoni tal-UE rigward il-protezzjoni tad-data personali;
  • timmina għal persuna:
    • l-interessi kummerċjali, il-proċeduri tal-qorti, u l-pariri legali, jew
    • l-iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjonijiet u awditi, sakemm ma jkunx hemm interess pubbliku aktar importanti fid-divulgazzjoni;
  • b’mod serju timmina l-protezzjoni tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni, sakemm ma jkunx hemm interess pubbliku aktar importanti fid-divulgazzjoni;

Għal dokumenti mfasslin minn partijiet terzi, f’każ li jkun hemm dubju, l-istituzzjoni tal-UE trid tikkonsulta mal-parti terza sabiex tassessja jekk tapplikax eċċezzjoni. Il-pajjiżi tal-UE għandhom dritt ta’ oġġezzjoni aktar qawwi (iżda m’għandhomx veto).

Dokumenti f’pajjiżi tal-UE

Jekk pajjiż tal-UE jirċievi talba minn istituzzjoni tal-UE għal dokument fil-pussess tiegħu, dan irid, fil-prinċipju, jikkonsulta ma’ dik l-istituzzjoni biex jiżgura li d-divulgazzjoni hija konformi mal-objettivi ta’ dan ir-regolament. Minflok, il-pajjiż jista’ jirreferi t-talba lill-istituzzjoni.

Applikazzjonijiet, ipproċessar ta’ applikazzjonijiet u aċċess għad-dokumenti

  • Il-pubbliku jrid japplika bil-miktub għall-aċċess għal dokument (inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi) f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE. L-applikant m’għandux għalfejn jipprovdi raġuni għall-applikazzjoni, iżda jrid ikun preċiż fit-talba tiegħu.
  • L-istituzzjonijiet għandhom jindirizzaw mill-ewwel l-applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokument. Għandhom jikkonfermaw li rċievew l-applikazzjoni u, fi żmien 15-il jum tax-xogħol minn meta jirreġistrawha, jew jipprovdu jew jirrifjutaw l-aċċess għad-dokument mitlub. Din l-iskadenza tista’ tiġi estiża bi 15-il jum tax-xogħol ieħor darba biss.
  • F’każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista’, fi żmien 15-il jum xogħol minn meta jirċievi r-risposta tal-istituzzjoni, jagħmel applikazzjoni konfermatorja li fiha jitlob lill-istituzzjoni tirrikonsidra l-pożizzjoni tagħha.
  • L-applikant jista’ jaċċessa dokumenti jew billi jikkonsultahom fuq il-post jew billi jirċievi kopja tagħhom, jew billi jirċievi informazzjoni dwar kif jista’ jakkwistahom faċilment.

Dokumenti sensittivi

  • Dokumenti sensittivi huma ċerti dokumenti li joriġinaw mill-istituzzjonijiet jew l-aġenziji stabbiliti minnhom, minn pajjiżi tal-UE, minn pajjiżi li mhumiex fl-UE jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, u li huma kklassifikati bħala TRÈS SECRET UE/EU TOP SECRET, SECRET UE/EU SECRET jew CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL.
  • Applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti sensittivi jistgħu jiġu indirizzati biss minn persuni li għandhom dritt ikunu jafu l-kontenut tagħhom. Dokumenti sensittivi jistgħu jiġu rrekordjati fir-reġistru jew jinħarġu biss bil-kunsens tal-oriġinatur.

Reġistri u prattika amministrattiva

  • Kull istituzzjoni trid iżżomm reġistru ta’ dokumenti. L-aċċess għal dan ir-reġistru għandu jiġi pprovdut f’format elettroniku.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jikkooperaw mal-istituzzjonijiet fil-forniment ta’ informazzjoni liċ-ċittadini.
  • L-istituzzjonijiet għandhom jiżviluppaw prattika amministrattiva tajba biex jiżguraw li d-dritt għall-aċċess iggarantit minn dan ir-regolament ikun jista’ jiġi eżerċitat.

Pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali

Ħafna dokumenti tal-UE jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali. Dawn jinkludu:

Rapporti u miżuri ta’ applikazzjoni

Kull istituzzjoni tippubblika rapport annwali li jkopri s-sena preċedenti li jikkwota n-numru ta’ każijiet li fihom l-istituzzjoni rrifjutat li tipprovdi aċċess għal dokumenti, ir-raġunijiet għal dawn iċ-ċaħdiet u n-numru ta’ dokumenti sensittivi mhux irrekordjati fir-reġistru tagħha.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mit-3 ta’ Diċembru 2001.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — L-Ewwel Parti: Prinċipji — Titolu II: Dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali — Artikolu 15 (ex Artikolu 255 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 54-55)

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għad-dokument tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, pp. 43-48)

DOKUMENTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni fl-2016 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 rigward l-aċċess pubbliku għad-dokument tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (COM(2017) 738 finali, 6.12.2017)

l-aħħar aġġornament 14.12.2017

Top