Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-integrazzjoni ta’ karatteristiċi bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar

L-integrazzjoni ta’ karatteristiċi bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004 ifittex li jarmonizza l-karatteristiċi tas-sigurtà, inklużi l-identifikaturi bijometriċi1, għall-passaporti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u d-dokumenti tal-ivvjaġġar biex jipproteġi kontra l-falsifikazzjoni tagħhom.
  • Dan ġie emendat mir-Regolament (KE) Nru 444/2009 fl-2009 l-aktar biex jiġu ddefiniti l-eċċezzjonijiet għat-tfal li għandhom anqas minn 6 snin u għall-persuni li fiżikament ma jistgħux jagħtu marki tas-swaba’ għad-dokumenti tal-ivvjaġġar.

PUNTI EWLENIN

Il-karatteristiċi bijometriċi fil-passaporti u fid-dokumenti tal-ivvjaġġar se jintużaw biss biex tiġi vverifikata l-awtentiċità tad-dokument u l-identità tad-detentur, li se jkollu d-dritt li jivverifika d-data personali inkluża fil-passaport jew fid-dokument tal-ivvjaġġar u, meta jkun xieraq, jitlob rettifika jew tħassir. Il-ġbir u l-ħażna ta’ data bijometrika hija maħsuba esklużivament għall-fini tal-ħruġ ta’ passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar.

Il-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar iridu jinkludu mezz ta’ ħażna b’sigurtà għolja (ċipp) għall-ħżin ta’ data diġitali u jkollhom biżżejjed kapaċità biex jiggarantixxu l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità ta’ dik id-data. Il-mezz ta’ ħażna jinkludi immaġni tal-wiċċ u żewġ marki tas-swaba’ meħudin ċatti (pjuttost milli swaba’ individwali li jirrumblaw, difer ma’ difer). Din id-data, li trid tkun f’formati interoperabbli, trid tkun protetta.

Biex jiġi żgurat li l-informazzjoni klassifikata dwar il-karatteristiċi tas-sigurtà u d-dettalji tal-produzzjoni ma ssirx disponibbli għal aktar partijiet milli meħtieġ, kull Stat Membru jaħtar korp wieħed biex ikun responsabbli għall-produzzjoni ta’ passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar. L-Istati Membri jibqgħu liberi li jibdlu dak il-korp, jekk ikun meħtieġ. Għal raġunijiet ta’ sigurtà, kull Stat Membru jikkomunika l-isem tal-korp kompetenti lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri l-oħra.

L-istandards minimi ta’ sigurtà li l-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri jridu jikkonformaw magħhom huma stabbiliti fl-anness tar-regolament. Dawn jinkludu rekwiżiti dettaljati dwar:

  • il-materjali użati (eż. karta speċjali, marki tal-ilma, fibri);
  • it-tqassim, il-leġġibbiltà tal-magni u l-protezzjoni tal-paġna tad-data bijografika;
  • tekniki ta’ stampar kontra l-falsifikazzjoni u apparat ottikament varjabbli;
  • l-integrazzjoni sigura tad-data bijometrika u tal-ħruġ;
  • proċeduri għall-ħruġ u għall-personalizzazzjoni tad-dokument b’mod sigur.

Dawn huma speċifikazzjonijiet li mhumiex sigrieti. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet huma ssupplimentati bi speċifikazzjonijiet li jistgħu jibqgħu sigrieti sabiex jiġi pprevenut ir-riskju ta’ kontrafazzjoni u falsifikazzjonijiet. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali jiġu adottati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni, huma skont l-istandards nazzjonali, u huma relatati ma’:

  • karatteristiċi oħra ta’ sigurtà;
  • il-mezz ta’ ħażna u s-sigurtà tiegħu;
  • rekwiżiti ta’ kwalità komuni għall-immaġni tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’.

Fl-2018, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fir-rigward tal-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometrija f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar li ħassret u ssostitwiet deċiżjonijiet preċedenti simili. L-Anness ta’ dik id-deċiżjoni ġie sussegwentement emendat fl-2021 b’deċiżjoni ta’ implimentazzjoni oħra, li aġġornat il-lista ta’ referenzi normattivi.

Skont ir-Regolament (KE) Nru 444/2009, it-tfal li għandhom anqas minn 12-il sena (il-limitu provviżorju tal-età) u l-persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli huma eżentati mit-teħid tal-marki tas-swaba’. Persunal ikkwalifikat u awtorizzat kif xieraq biss tal-awtoritajiet nazzjonali li huma responsabbli għall-ħruġ ta’ passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar jista’ jieħu identifikaturi bijometriċi. Il-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar għandhom jinħarġu bħala dokumenti individwali skont ir-rekwiżiti internazzjonali.

Skont ir-regoli tal-korp ta’ liġijiet ta’ Schengen (acquis) (ara s-sommarju), id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit ma ħadux sehem f’dan ir-regolament u għalhekk ma kinux marbuta bih. Id-Danimarka, madankollu, iddeċidiet li timplimentah fid-dritt nazzjonali tagħha. L-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera, għalkemm mhumiex parti mill-UE, se jkunu involuti fl-implimentazzjoni tar-regolament.

Ir-regolament ma japplikax għall-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri lin-nazzjonali tagħhom jew għal passaporti temporanji u dokumenti tal-ivvjaġġar validi għal 12-il xahar jew anqas.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

L-Istati Membri kellhom japplikaw dan ir-regolament:

  • fir-rigward tal-immaġni tal-wiċċ sat-;
  • fir-rigward tal-marki tas-swaba’ sat-.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

  1. Identifikaturi bijometriċi. Data personali li tirriżulta minn ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-karatteristiċi fiżiċi, psikoloġiċi jew tal-imġiba ta’ individwu, li tippermetti jew tikkonferma l-identifikazzjoni unika ta’ dik il-persuna, bħal immaġnijiet tal-wiċċ jew data tal-marki tas-swaba’.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 tat- dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti ta’ l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (ĠU L 385, , pp. 1–6).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 2252/2004 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament

Top