Kummerċ fl-UE ta' annimali bovini u suwini
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Id-Direttiva 64/432/KEE dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ ta' annimali bovini u suwini ġewwa l-UE
X'INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
-
Din tistabbilixxi regoli għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE) tal-annimali* bovini jew suwini* għat-trobbija, għall-produzzjoni tal-ħalib jew tal-laħam, għall-qatla jew għall-wirja.
-
Din ma tkoprix annimali użati għal avvenimenti sportivi jew kulturali.
PUNTI EWLENIN
-
It-trasport lejn pajjiż ieħor tal-UE tal-annimali koperti mid-Direttiva huwa awtorizzat biss jekk l-annimali:
-
ma jurux sinjali ta’ mard;
-
ma nkisbux minn sors ipprojbit jew ristrett taħt il-liġi tal-UE jew dik nazzjonali;
-
huma identifikati b’mod uffiċjali, skont id-Direttivi u r-Regolamenti tal-UE;
-
huma akkumpanjati b’ċertifikat tas-saħħa matul it-trasport;
-
jiġu minn merħla ħielsa mit-tuberkolożi, mill-bruċellosi jew mil-lewkożi enżootika bovina (tapplika biss għal annimali bovini);
-
ma jiġux f’kuntatt ma’ annimali li għandhom status tas-saħħa inferjuri matul it-trasport.
-
Il-vetturi użati biex jittrasportaw l-annimali għandhom jirrispettaw il-benesseri tagħhom u għandhom:
-
ikunu magħmula b’tali mod li l-iskart, iż-żibel jew l-għalf tal-annimali ma jnixxix mill-vettura;
-
jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati wara l-użu u, jekk ikun meħtieġ, qabel kwalunkwe tagħbija ġdida tal-annimali billi jintużaw metodi approvati;
-
iġorru rekord tal-post, inkluż id-data u l-ħin tal-moviment tal-annimali, id-dettalji tal-annimali ttrasportati u informazzjoni dwar it-tindif u d-disinfettar tal-vettura, li għandha tinżamm għal mill-inqas 3 snin.
-
L-annimali għall-qatla għandhom jinqatlu fi żmien 72 siegħa jekk jiġu ttrasportati direttament lejn biċċerija, jew fi żmien 3 ijiem ta’ xogħol jekk jaslu permezz ta’ ċentru tal-ġbir approvat.
-
Il-preżenza ssuspettata ta’ kwalunkwe marda rilevanti fl-azjenda għandha tiġi nnotifikata lill-awtorità kompetenti.
-
Għandhom jitfasslu ċertifikati tas-saħħa mill-veterinarju uffiċjali wara l-ispezzjoni.
-
In-negozjanti kollha, l-istabbilimenti u l-azjendi tagħhom, għandhom jiġu rreġistrati u approvati, u l-pajjiżi tal-UE għandhom jintroduċu sistema ta’ sorveljanza, b’penali sabiex jiżguraw konformità.
Revoka
Id-Direttiva 64/432/KE se tiġi revokata bir-Regolment (UE) 2016/429 mill-21 ta’ April 2021.
META TAPPLIKA?
Din kellha tiġi inkorporata fil-liġi nazzjonali tas-6 pajjiżi oriġinali tal-Komunità Ekonomika Ewropea (illum l-UE) sat-30 ta’ Ġunju 1965.
SFOND
Għal aktar tagħrif, ara:
* TERMINI EWLENIN
bovini: subfamilja ta’ annimali li tinkludi bhejjem, żebu, gendus, bisonti u buflu
suwini: subfamilja ta’ annimali li tinkludi ħnieżer u ħnieżer selvaġġi.
DOKUMENT EWLIENI
Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/EEC tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffetwaw il-kummerċ ta' annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (edizzjoni speċjali bl-Ingliż: Serje I Volum 1963.-1964, pp. 164-184)
Emendi suċċessivi għad-Direttiva 64/432/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.
ATTI RELATATI
Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, pp. 1-208)
l-aħħar aġġornament 04.05.2020
Top