Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sistema tal-UE ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali

Sistema tal-UE ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 1186/2009 li jistabbilixxi sistema tal-UE ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jippermetti l-għoti ta’ eżenzjoni mid-dazji li normalment jitħallsu fuq prodotti kemm importati fi, kif ukoll esportati mill-Unjoni Ewropea (UE).
  • Huwa jistabbilixxi l-każijiet fejn l-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni u miżuri adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 207 tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tingħata meta l-prodotti jiġu importati fi jew esportati mill-UE.

PUNTI EWLENIN

Eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni

Hemm għadd ta’ kategoriji ta’ prodotti li huma eliġibbli għall-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni. Suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, il-prodotti ma jħallsux dazji tal-importazzjoni meta jikkonċernaw dan li ġej.

  • Propjetà personali:
    • proprjetà personali ta’ nies li jbiddlu l-post tar-residenza normali tagħhom minn pajjiż mhux tal-UE lejn Stat Membru tal-UE, sakemm il-post tar-residenza kienet barra mill-UE għal mill-inqas 12-il xahar konsekuttiv;
    • prodotti importati fl-okkażjoni ta’ żwieġ, sakemm il-persuna kkonċernata kienet residenti barra mill-UE għal mill-inqas 12-il xahar konsekuttiv u tista’ tipprovdi prova taż-żwieġ;
    • proprjetà personali li ntwirtet minn resident tal-UE;
    • ħwejjeġ, materjali ta’ studju u għamara ta’ studenti li se jiġu jistudjaw fl-UE.
  • Prodotti ta’ valur negliġibbli, prodotti li ma għandhomx valur kummerċjali, prodotti kapitali u prodotti li jkun hemm fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi:
    • prodotti ta’ valur negliġibbli;
    • prodotti ta’ natura mhux kummerċjali, mibgħuta direttament minn individwu privat f’pajjiż mhux tal-UE lil ieħor f’pajjiż tal-UE;
    • prodotti kapitali u tagħmir ieħor li jappartjenu impriża li waqqfet b’mod definittiv l-attivitajiet tagħha f’pajjiż mhux tal-UE u marret fl-UE;
    • prodotti li huma eżenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li jkun hemm fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi li jaslu minn barra l-UE.
  • Prodotti agrikoli, bijoloġiċi, kimiċi, farmaċewtiċi u mediċi:
    • prodotti agrikoli, tat-trobbija tal-annimali, tat-trobbija tan-naħal, tal-ortikultura u l-forestrija minn propjetajiet f’pajjiżi konfinali mhux tal-UE mħaddma minn bdiewa tal-UE;
    • żerriegħa, fertilizzanti u prodotti għat-trattament tal-ħamrija u uċuħ tar-raba’ importati minn produtturi tal-agrikoltura minn pajjiżi mhux tal-UE, imma intenzjonali għall-użu fl-Istati Membri konfinali;
    • annimali tal-laboratorju u sustanzi bijoloġiċi jew kimiċi maħsuba għar-riċerka;
    • sustanzi terapewtiċi ta’ oriġini umana u reaġenti tal-grupp tad-demm jew tissue-typing;
    • strumenti u apparat użat fir-riċerka medika, dijanjożi jew trattament;
    • sustanzi ta’ referenza għall-kontroll tal-kwalità ta’ prodotti mediċinali;
    • prodotti farmaċewtiċi użati f’avvenimenti sportivi internazzjonali.
  • Kategoriji oħra:
    • materjal edukattiv, xjentifiku u kulturali u strumenti u apparat xjentifiku;
    • prodotti għal organizzazzjonijiet tal-karità u filantropiċi (ara wkoll hawn taħt);
    • dekorazzjonijiet jew rikonoxximenti onorarji, rigali riċevuti fil-kuntest ta’ relazzjonijiet internazzjonali u prodotti biex jintużaw mill-monarkija jew kapijiet tal-istat;
    • prodotti importati għall-finijiet tal-promozzjoni tal-kummerċ;
    • trademarks, mudelli jew disinji mibgħuta lil organizzazzjonijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-awtur jew drittijiet ta’ privattiva industrijali u kummerċjali;
    • fuljetti ta’ informazzjoni għat-turisti;
    • materjali anċillari użati għall-istivar u l-protezzjoni tal-oġġetti waqt it-trasport tagħhom;
    • żibel, għalf u materjali tal-għalf li jakkumpanjaw l-annimali matul it-trasport tagħhom;
    • fjuwil u lubrikanti li jkun hemm f’vetturi motorizzati u muturi li jidħlu fl-UE;
    • materjali għall-kostruzzjoni jew il-manutenzjoni ta’ monumenti tal-gwerra;
    • twiebet li fihom iġsma, urni funerarji li fihom l-irmied u prodotti ornamentali funerarji.

Meta l-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni tkun suġġetta li l-prodotti jkollhom użu partikolari, il-persuna kkonċernata hija responsabbli li tipprovdi lill-awtorità kompetenti bi prova li dawn il-kundizzjonijiet intlaħqu. F’din is-sitwazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat biss jista’ jagħti din l-eżenzjoni.

Eżenzjoni mid-dazji tal-esportazzjoni

Hemm għadd ta’ kategoriji ta’ prodotti li huma eliġibbli għall-eżenzjoni mid-dazji tal-esportazzjoni. Suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, il-prodotti ma jħasslux dazji tal-importazzjoni meta jikkonċernaw:

  • prodotti ta’ valur negliġibbli;
  • annimali domestikati esportati meta impriża agrikola tittrasferixxi l-attivitajiet tagħha minn Stat Membru lejn pajjiż mhux tal-UE;
  • prodotti agrikoli jew tat-trobbija tal-annimali miksuba minn bdiewa mhux tal-UE f’pajjiżi konfinali;
  • żerriegħa esportata minn produtturi tal-agrikoltura għall-użu fuq proprjetajiet f’pajjiżi mhux tal-UE;
  • għalf u materjali tal-għalf li jakkumpanjaw l-annimali waqt l-esportazzjoni tagħhom.

Eżempji ta’ eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni u l-VAT

F’ċerti sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, ir-Regolament jipprovdi li l-għotja ta’ eżenzjoni mid-dazju hi suġġetta għal deċiżjoni mill-Kummissjoni, li taġixxi fuq talba tal-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i).

  • Matul is-snin, il-Kummissjoni Ewropea adottat deċiżjonijiet li jippermettu l-importazzjonijiet ta’ oġġetti mingħajr dazju maħsuba biex jiġu distribwiti jew ikunu disponibbli mingħajr ħlas għall-vittmi ta’ terremoti (pereżempju, fl-Italja, wara t-terremoti fl-2009, 2012 u l-2016), jew ta’ għargħar (fil-Polonja u l-Ungerija fl-2010).
  • F’Marzu 2020, l-Istati Membri talbu eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni u eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni ta’ prodotti meħtieġa fil-ġlieda kontra t-tfaqqigħa tal-COVID-19. Billi l-pandemija u l-isfidi estremi li ħolqot jikkostitwixxu diżastru fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2020/491 li tippermetti l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti mingħajr dazji għall-perjodu mit-30 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2021.
  • F’Lulju 2022, hekk kif il-kriżi umanitarja ikkawżata mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna kellha konsegwenzi maġġuri mhux biss fl-Ukrajna, imma wkoll f’numru ta’ Stati Membri, u tikkostitwixxi diżastru li jaffettwa numru ta’ Stati Membri fl-ambitu ta’ Regolament (KE) Nru. 1186/2009 u ta’ Direttiva 2009/132/KE, il-Kummissjoni adottat Deċiżjonijiet (UE) 2022/1108 u 2023/829. Id-deċiżjonijiet jippermettu eżenzjoni minn dazji tal-importazzjoni u eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija li ser titqassam jew li ssir disponibbli bla ħlas lil persuni li qed jaħarbu mill-gwerra u persuni fil-bżonn fl-Ukrajna. Is-sokkors u l-eżenzjoni ser jibqgħu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2023.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (ĠU L 324, 10.12.2009, pp. 23–57).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (ĠU L 292, 10.11.2009, pp. 5–30).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/132/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti Ħamsa — L-azzjoni esterna tal-Unjoni — Titolu II — Politika kummerċjali komuni — l-Artikolu 207 (ex Artikolu 133 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 140–141).

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1108 tal-1 ta’ Lulju 2022 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni mogħtija għall-merkanzija li għandha titqassam jew issir disponibbli mingħajr ħlas lill-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna u lill-persuni fil-bżonn fl-Ukrajna (ĠU L 178, 5.7.2022, pp. 57–60).

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/491 tat-3 ta’ April 2020 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2020 (ĠU L 103 I, 3.4.2020, pp. 1–3).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 05.05.2023

Top