Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Industriji tal-metalli Ewropej kompetittivi

Industriji tal-metalli Ewropej kompetittivi

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (KUMM(2008) 108 finali) dwar il-kompetittività tal-industriji tal-metalli — Kontribut għall-iżvilupp u l-istrateġija tal-impjiegi tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

Hija tistabbilixxi linji gwida ġenerali biex tħeġġeġ lill-industriji tal-metalli tal-Unjoni Ewropea (UE) u lil partijiet interessati oħrajn jiffukaw fuq l-innovazzjoni u fuq il-provvista tal-enerġija bi prezzijiet kompetittivi mingħajr ma jinjoraw l-aspetti ambjentali.

PUNTI EWLENIN

Karatteristiċi

L-industriji tal-metalli huma kkaratterizzati minn żewġ elementi prinċipali:

  • intensità ta’kapital — huma jirrikjedu investimenti kbar ħafna fit-teknoloġija u t-tagħmir li mbagħad jintużaw għal żmien twil ħafna;
  • użu għoli ta’enerġija — il-proċess ta’ produzzjoni ta’ dawn l-industriji jeħtieġ użu għoli ħafna ta’ enerġija (bejn 10 u 37 % tal-ispejjeż involuti).

Sfidi

Il-komunikazzjoni tistabbilixxi għadd ta’ sfidi li jiffaċċjaw l-industriji tal-metalli, inkluż:

  • L-importanza tal-materja prima — dipendenza għolja fuq minerali mhux maħduma u konċentrati* minn pajjiżi mhux tal-UE.
  • Il-post u l-importanza fl-ekonomija tal-UE — parti minn netwerk ta’ setturi inkluż is-settur tal-manifattura (eż. karozzi u kostruzzjoni). Fl-2005, il-fatturat tal-industriji kien ta’ 5 % tal-manifattura totali tal-UE.
  • L-istruttura tal-industrija u impriżi żgħar u medji (SMEs) — l-investimenti kapitali kbar biex wieħed jistabbilixxi ruħu u jopera fl-industrija jfissru li hemm ostakoli strutturali li jipprevjenu lill-SMEs milli jidħlu fl-industrija; kumpaniji kbar, li spiss joperaw fil-livell globali, jiddominaw l-industrija.
  • L-impatt tal-globalizzazzjoni u ekonomiji emerġenti ġodda — il-biċċa l-kbira tal-metalli u l-materja prima tagħhom jiġu nnegozjati fis-swieq globali. L-iżvilupp tal-ekonomiji emerġenti żied id-domanda, u qiegħed pressjoni fuq il-provvisti u l-prezzijiet.
  • Il-kompetittività — Il-pajjiżi tal-UE qed jitilfu s-sehem tagħhom fil-produzzjoni dinjija tal-metalli u l-industrija tal-metalli tal-UE tiddependi ħafna mill-prezzijiet tal-enerġija u tal-materjali importati.
  • Il-perspettiva soċjali — hemm forza tax-xogħol li qed tixjieħ fl-industrija tal-azzar u ħtieġa li jsir użu aħjar mill-istrutturi ta’ taħriġ eżistenti.
  • L-ambjent — il-produzzjoni tal-metalli hija intensiva fl-użu tal-enerġija u għandha effetti fuq l-ambjent.

Approċċ integrat

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet approċċ integrat għat-titjib tal-kompetittività tal-industriji, li jinkludi diversi elementi:

  • l-iżgurar tal-provvista ta’ enerġija bi prezzijiet kompetittivi, permezz ta’ swieq tal-enerġija li jiffunzjonaw tajjeb;
  • il-ħolqien tal-kundizzjonijiet biex is-settur ikun jista’ jissodisfa l-objettivi tal-politika ambjentali u tal-bidla fil-klima tal-UE;
  • il-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp u l-ħiliet tal-innovazzjoni;
  • il-ħolqien ta’ swieq globali miftuħa u kompetittivi u t-tneħħija tad-distorsjonijiet fil-kummerċ tal-metalli u l-materja prima.

Dawn l-għanijiet ġenerali għandhom jinkisbu permezz tal-programmi tal-UE kif ukoll permezz ta’ azzjoni speċifika f’diversi oqsma ta’ politika mwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u l-Kummissjoni:

* TERMINI EWLENIN

Konċentrati: il-prodott li ġeneralment jinkiseb minn minjieri ta’ metalli mhux maħduma minn metalli mhux ipproċessati permezz tat-tneħħija tal-impuritajiet u l-konċentrazzjoni tal-metall.

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-kompetittività tal-industriji tal-metalli - Kontribut għall-iżvilupp u l-istrateġija tal-impjiegi tal-UE (KUMM (2008) 108 finali, 22.2.2008)

l-aħħar aġġornament 17.01.2017

Top