Emissjonijiet industrijali
SOMMARJU TA’:
Direttiva 2010/75/UE — dwar l-emissjonijiet industrijali
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
Din tippreskrivi regoli maħsuba għall-prevenzjoni jew, meta dan ma jkunx prattiku, għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fl-art u għall-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart, sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent.
PUNTI EWLENIN
Ambitu
- Il-leġiżlazzjoni tkopri attivitajiet industrijali fis-setturi li ġejjin:
- l-enerġija;
- il-produzzjoni u l-ipproċessar tal-metalli;
- il-minerali;
- is-sustanzi kimiċi;
- il-ġestjoni tal-iskart;
- u setturi oħra bħall-produzzjoni tal-polpa u tal-karta, biċċeriji u t-trobbija intensiva tat-tjur u tal-ħnieżer.
- L-installazzjonijiet kollha koperti mid-direttiva għandhom jipprevjenu u jnaqqsu t-tniġġis billi japplikaw l-aqwa tekniki disponibbli (BATs)* u jindirizzaw l-użu effiċjenti tal-enerġija, il-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart u miżuri biex jiġu evitati inċidenti u jiġu limitati l-konsegwenzi tagħhom.
Permessi
- L-installazzjonijiet jistgħu joperaw biss jekk ikollhom permess u għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fih.
- Il-kundizzjonijiet tal-permessi huma bbażati fuq il-konklużjonijiet tal-BAT adottati mill-Kummissjoni Ewropea.
- Il-valuri limitu tal-emissjonijiet iridu jkunu stabbiliti f’livell li jiżgura li l-emissjonijiet li jniġġsu ma jaqbżux il-livelli assoċjati mal-użu tal-BAT, sakemm ma jkunx ippruvat li dan iwassal għal spejjeż sproporzjonati meta mqabbla mal-benefiċċji ambjentali.
- L-awtoritajiet nazzjonali huma meħtieġa jwettqu spezzjonijiet regolari tal-installazzjonijiet.
Regoli speċifiċi
Id-direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi għal setturi speċifiċi f’kapitoli separati. Hija tinkludi regoli speċifiċi relatati ma’:
- impjanti ta’ kombustjoni — aspetti operattivi, limiti tal-emissjonijiet, regoli ta’ monitoraġġ u konformità;
- impjanti ta’ inċinerazzjoni ta’ skart u impjanti ta’ koinċinerazzjoni ta’ skart — rekwiżiti operattivi, limiti tal-emissjonijiet, regoli ta’ monitoraġġ u konformità;
- installazzjonijiet u attivitajiet li jużaw solventi organiċi — tinkludi limiti tal-emissjonijiet, skemi ta’ tnaqqis u rekwiżiti biex jissostitwixxu sustanzi perikolużi;
- installazzjonijiet li jipproduċu d-dijossidu tat-titanju — tistabbilixxi limiti tal-emissjonijiet, regoli ta’ monitoraġġ, u tipprojbixxi r-rimi ta’ ċerti forom ta’ skart fi kwalunkwe korp tal-ilma.
Revoka
Id-direttiva tirrevoka u tissostitwixxi 7 direttivi eżistenti qabel: id-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġiż (IPPC) (id-Direttiva 2008/1/KE), id-Direttiva dwar l-impjanti kbar tal-kombustjoni (id-Direttiva 2001/80/KE), id-Direttiva dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart (id-Direttiva 2000/76/KE), id-Direttiva dwar l-emissjonijiet ta’ solventi (id-Direttiva 1999/13/KE) u 3 direttivi dwar id-Dijossidu tat-Titanju (78/176/KEE, 82/883/KEE, 92/112/KEE).
MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Ilha tapplika mis-6 ta’ Jannar 2011 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sas-7 ta’ Jannar 2013.
SFOND
- Id-Direttiva 2011/92/UE tistabbilixxi r-regoli għall-istimi tal-impatt fuq l-ambjent ta’ firxa wiesgħa ta’ proġetti pubbliċi u privati — ara s-sommarju.
- Għal iktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
L-aqwa tekniki disponibbli (BATs): l-iktar tekniki effettivi sabiex jiġu evitati u mnaqqsa l-emissjonijiet, li huma teknikament fattibbli u ekonomikament vijabbli fi ħdan is-settur.
DOKUMENT EWLIENI
Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (kontroll u prevenzjoni tat-tniġġis integrati) (Riformulazzjoni) (ĠU L 334, 17.12.2010, pp. 17-119)
L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2010/75/UE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, pp. 1-21)
Ara l-verżjoni kkonsolidata.
l-aħħar aġġornament 30.06.2020