Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ġlieda kontra d-deforestazzjoni

Il-ġlieda kontra d-deforestazzjoni

Il-foresti jinsabu taħt theddida mid-deforestazzjoni u mid-degradazzjoni. Il-protezzjoni ta’ dawn il-foresti hija miżura effettiva kontra t-tisħin globali u t-telf tas-servizzi prezzjużi tal-ekosistema.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-indirizzar tal-isfidi tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità (COM(2008) 645 finali tas-17.10.2008)

SOMMARJU

Il-foresti jinsabu taħt theddida mid-deforestazzjoni u mid-degradazzjoni. Il-protezzjoni ta’ dawn il-foresti hija miżura effettiva kontra t-tisħin globali u t-telf tas-servizzi prezzjużi tal-ekosistema.

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

F’dan id-dokument, il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi linja ta’ azzjoni għar-rispons tal-Unjoni Ewropea (UE) għad-deforestazzjoni, tistieden lill-partijiet interessati biex jagħtu l-kontribuzzjonijiet tagħhom u timmira li tagħti bidu għal azzjonijiet inizjali maħsuba biex joħolqu s-sisien għal rispons globali għad-deforestazzjoni.

PUNTI EWLENIN

  • L-UE titlob għal waqfien tat-telf tal-kopertura forestali globali (jiġifieri bidla minn stat ta’ foresta għal wieħed mhux ta’ foresta) sa mhux aktar tard mill-2030, kif ukoll għal tnaqqis tad-deforestazzjoni tropikali b’mill-inqas 50 % sal-2020, meta mqabbel mal-livelli attwali.
  • Hija tal-fehma li l-ġlieda kontra d-deforestazzjoni għandha ssir fuq bosta livelli. Dawn ivarjaw mit-tisħiħ tal-governanza tal-foresti lokali u nazzjonali u t-titjib tal-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, għat-teħid f’kunsiderazzjoni tad-domanda tal-konsumaturi u l-ħolqien ta’ inċentivi finanzjarji sabiex jiġu ppreservati l-foresti. Din l-azzjoni għandha sseħħ fil-qafas tal-ftehimiet internazzjonali, bħall-Konvenzjoni dwar il-Bijodiversità u l-Konvenzjoni Qafas dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti.
  • Jidher li l-politiki diġà fis-seħħ fl-UE jistgħu jgħinu fl-indirizzar tad-deforestazzjoni, bħall-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT); akkwist pubbliku ekoloġiku; ekotikkettar; u l-ħidma mwettqa fil-qafas tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima (GCCA).
  • Dan jindika kif ir-rikavati mill-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) jistgħu jintużaw sabiex jgħinu fl-iffinanzjar tal-ġlieda kontra d-deforestazzjoni.
  • Hija tipproponi t-twaqqif ta’ mekkaniżmu globali għall-inċentivar tal-preservazzjoni tal-foresti tropikali, li sar REDD+ (jiġifieri Tnaqqis ta’ Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni, inkluż permezz tat-tisġir, il-konservazzjoni u l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti).

SFOND

Il-foresti, li jkopru bejn wieħed u ieħor 30 % tas-superfiċje tal-art tad-dinja (u 40 % tal-massa tal-art tal-UE), huma integrali għas-saħħa ambjentali. Huma jipprovdu ħabitats importanti għall-bijodiversità, servizzi kruċjali bħall-prevenzjoni tal-erożjoni, il-purifikazzjoni tal-ilma u l-ħażna tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) u jsostnu l-għajxien ta’ 1.6 biljun ruħ madwar id-dinja kollha.

Sadanittant, il-foresti jinsabu taħt theddida mid-deforestazzjoni, li teqred 13-il miljun ettaru ta’ art kull sena skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO). Il-kawżi ewlenin ta’ dan huma l-konverżjoni għall-agrikoltura u l-iżvilupp infrastrutturali kkontrollat ħażin.

Għal aktar tagħrif, ara s-siti elettroniċi tal-Kummissjoni Ewropea dwar:

ATTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1-6)

Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23-34)

Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171-200)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Strateġija ġdida għall-Foresti tal-UE: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti (COM(2013) 659 final tal-20.9.2013)

l-aħħar aġġornament 14.09.2015

Top