Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Programmi li jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-mikrofinanzjament fl-UE

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Il-Fond Soċjali Ewropew Plus — FSE+ (2021–2027)' for an updated information about the subject.

Programmi li jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-mikrofinanzjament fl-UE

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali

Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 dwar Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (“EaSI”) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAR-REGOLAMENT?

  • Id-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali.
  • Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 jistabbilixxi l-programm tal-UE għall-impjiegi u l-innovazzjoni soċjali (EaSI) li għandu l-għan li:
    • iwassal tkabbir u impjiegi sostenibbli u fit-tul;
    • inaqqas id-diverġenza bejn il-pajjiżi tal-UE; u
    • jgħin biex inaqqas l-inugwaljanza soċjali.
  • Ir-Regolament jemenda wkoll id-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li teħtieġ li l-bilanċ dovut lill-UE mal-iskadenza tal-faċilità jsir disponibbli għall-mikrofinanzjament* u appoġġ għall-intrapriżi soċjali*.

PUNTI EWLENIN

Skont id-Deċiżjoni, il-faċilità, li kellha baġit ta’ EUR 100 miljun matul 4 snin (2010-2013), ġiet imfassla biex tagħmel il-mikrofinanzjament aktar faċilment aċċessibbli għall-gruppi fil-mira li ġejjin:

  • il-persuni qiegħda, il-persuni f’riskju li jitilfu l-impjiegi tagħhom, il-popolazzjoni li ma taħdimx, il-persuni li qed jiffaċċjaw it-theddida tal-esklużjoni soċjali u l-persuni vulnerabbli li jixtiequ joħolqu jew jespandu l-mikrointrapriża* tagħhom;
  • il-mikrointrapriżi, b’mod partikolari dawk li jimpjegaw nies elenkati fil-punt preċedenti.

Għall-perjodu 2014-2020, skont ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013, din l-inizjattiva ġiet inkluża fil-qasam tal-mikrofinanzjament u l-intraprenditorja soċjali tal-programm EaSI tal-UE li ħa post l-istrument tal-Mikrofinanzjament Progress. Ir-Regolament (EU, Euratom) 2018/1046 dwar ir-regoli finanzjarji li jirregolaw il-baġit tal-UE aġġorna l-perċentwal indikattiv applikabbli bħala medja tul il-perjodu kollu tal-programm għat-tliet assi*. Bħala riżultat ta’ dan, tal-inqas 18 % tal-baġit totali għandu jintuża għall-mikrofinanzjament u l-intraprenditorja soċjali.

L-EaSI mhux biss jippermetti lill-popolazzjonijiet u lill-intrapriżi fil-mira jaċċessaw il-mikrofinanzjament aktar faċilment, iżda dan għandu l-għan ukoll li:

  • jibni l-kapaċità istituzzjonali għal min jipprovdi l-mikrokreditu;
  • jiffaċilita l-aċċess għal finanzjament ta’ intrapriżi soċjali b’fatturat jew karta bilanċjali annwali ta’ mhux aktar minn EUR 30 miljun, billi jipprovdilhom ekwità, kważi-ekwità, strumenti għas-self u għotjiet sa limitu ta’ EUR 500 000.

Dment li dawn jagħtu mikrofinanzjament lill-persuni u lill-mikrointrapriżi jew finanzjament lill-intrapriżi soċjali, il-qasam tal-mikrofinanzjament u l-intraprenditorja soċjali jista’ jiġi aċċessat mill-korpi pubbliċi u privati stabbiliti fil-pajjiżi tal-UE, l-Iżlanda, l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija. L-appoġġ tal-UE huwa pprovdut l-aktar mill-istrumenti finanzjarji previsti fir-regolament finanzjarju tal-UE (ir-Regolament (UE) 2018/1046) li, fost oħrajn, jemenda r-Regolament (UE) Nru 1296/2013 u jaġġorna u jissimplifika r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-UE.

MINN META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U R-REGOLAMENT?

  • Id-Deċiżjoni ilha tapplika mit-8 ta’ April 2010.
  • Ir-Regolament ilu japplika mill-21 ta’ Diċembru 2013.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Mikrofinanzjament: self ta’ inqas minn EUR 25 000 li jinħareġ prinċipalment lil negozji żgħar u intraprendituri soċjali.
Intrapriża soċjali: operatur fl-ekonomija soċjali li l-objettiv ewlieni tiegħu huwa li jkollu impatt soċjali aktar milli jagħmel profitt għas-sidien jew l-azzjonisti tiegħu.
Mikrointrapriża: negozju b’inqas minn 10 impjegati u fatturat annwali (l-ammont ta’ flus li jinqalgħu f’perjodu partikolari) jew karta bilanċjali (rendikont tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ kumpanija) ta’ inqas minn EUR 2 miljuni.
Assi: il-programm EaSI fih tliet assi. Dawn jappoġġjaw:
  • il-modernizzazzjoni tal-politiki tal-impjieg u dawk soċjali (l-assi Progress);
  • il-mobilità fix-xogħol (l-assi EURES);
  • l-aċċess għall-mikrofinanzjament u l-intraprenditorja soċjali (l-assi Mikrofinanzjament u intraprenditorja soċjali).

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2010 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali (ĠU L 87, 7.4.2010, pp. 1-5)

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (“EaSI”) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 238-252)

Ara l-verżjoni konsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, pp. 1-222)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 21.02.2020

Top