Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kodiċi Doganali Komunitarju Modernizzat

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni' for an updated information about the subject.

Kodiċi Doganali Komunitarju Modernizzat

Il-Kodiċi Doganali Komunitarju jiffissa u jiddefinixxi l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi. Dan il-Kodiċi l-ġdid għandu l-għan li jiffaċilita l-kummerċ filwaqt li jiggarantixxi livell għoli ta’ sigurtà fil-fruntieri.

ATT

Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU L 145, 4.6.2008).

SOMMARJU

Il-Kodiċi Doganali Modernizzat joħloq ambjent doganali elettroniku ġdid. Dan il-Kodiċi l-ġdid jintegra l-proċeduri doganali komuni bejn l-Istati Membri filwaqt li jsaħħaħ il-konverġenza bejn is-sistemi informatiċi tas-28 amministrazzjoni doganali. Ħa post il-kodiċi doganali komunitarju tal-1992 mill-1 ta' Novembru 2013.

Dispożizzjonijiet tal-Kodiċi

Il-Kodiċi Doganali Modernizzat tal-2008 jikkonċerna:

  • id-dispożizzjonijiet ġenerali relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali, mal-missjoni tad-dwana u mad-drittijiet u l-obbligi tal-persuni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni doganali;
  • l-elementi li jifformaw il-bażi għall-applikazzjoni tad-dazji tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni u miżuri oħra fil-qafas tal-kummerċ tal-merkanzija (tariffa doganali komuni), l-oriġini tal-merkanzjia, il-valur doganali;
  • id-dejn doganali u l-garanziji ta’ dan id-dejn;
  • it-trattament doganali tal-merkanzija introdotta fit-territorju doganali tal-Komunità;
  • ir-regoli applikabbli għall-istatus doganali, għat-tqegħid ta’ merkanzija taħt proċedura doganali, kif ukoll il-verifika, ir-rilaxx u d-disponiment tal-merkanzija;
  • ir-rilaxx għal moviment liberu u l-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni;
  • il-proċeduri doganali partikolari, magħqudin fi gruppi taħt erba’ funzjonijiet ekonomiċi (tranżitu, ħżin, użu speċifiku, proċessar);
  • it-trattament doganali tat-tluq tal-merkanzija mit-territorju doganali tal-Komunità (merkanzija li titlaq mit-territorju, esportazzjoni u esportazzjoni mill-ġdid, eżenzjoni mid-dazji tal-esportazzjoni);
  • il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali u l-proċeduri li jippermettu l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni tal-Kodiċi mill-Kummissjoni.

Id-dispożizzjonijiet il-ġodda li jtejbu l-effiċjenza tal-proċeduri doganali, kemm sabeix jiġi faċilitat il-kummerċ kif ukoll bħala prevenzjoni ta’ theddid ġdid.

Għaldaqstant, permezz ta’ tisħiħ tal-oqsfa regolatorji u operazzjonali komuni bejn l-awtoritajiet doganali, il-Kodiċi jimplimenta proċessi moderni, imsejsa fuq proċessi informatiċi, sabiex:

  • b’mod ġenerali jiġu garantiti s-simplifikazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali;
  • jittejbu l-kontrolli doganali, li prinċipalment isiru permezz ta’ valutazzjoni tar-riskji fi ħdan il-qafas komuni tal-ġestjoni tar-riskji . Fejn dan ikun possibbli, il-kontrolli l-oħrajn li mhumiex doganali jridu jiġu sottomessi għal one-stop-shop b’mod simultanju mal-kontrolli doganali;
  • jiġu faċilitati l-proċeduri ta’ approvazzjoni doganali, li se jiġu kompjuterizzati b’mod integrali, se joffru l-massimu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ simplifikazzjonijiet u se jkunu jistgħu jitwettqu b’mod ċentralizzat;
  • jiġu razjonalizzati l-proċeduri doganali ekonomiċi u/jew ta’ sospensjoni attwali, li reġgħu ġew organizzati fi proċeduri partikolari li jippermettu t-tranżitu (estern jew intern), il-ħżin (ħażna temporanja, ħażna doganali, żona libera), l-użu speċifiku (ammissjoni temporanja jew destinazzjoni partikolari) jew l-ipproċessar (perfezzjonament attiv jew passiv) ta’ merkanzija, sabiex ikun hemm korrispondenza akbar mal-ħtiġijiet ekonomiċi tal-operaturi u sabiex jiġi simplifikat l-aċċess għalihom.

Wara l-komunikazzjoni tal-2003 intitolata Ambjent sempliċi u li jevita l-użu ta’ karti għad-dwana u l-kummerċ, l-użu tat- teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-Komunikazzjoni sar ir-regola.

Sistemi tal-informazzjoni komuni li jippermettu l-iskambju ta’ dejta bejn l-awtoritajiet doganali, filwaqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-protezzjoni tad-dejta. Fil-mira tagħhom, dawn is-sistemi għandhom b'mod partikolari:

  • il-formalitajiet imwettqa mill-atturi ekonomiċi ;
  • il-proċeduri doganali (b’mod partikolari fil-każ ta’ approvazzjoni doganali ċentralizzata) u r-reġistrazzjoni/l-awtorizzazzjoni ta’ atturi ekonomiċi (identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-atturi ekonomiċi: EORI (Economic Operator Registration and Identification); l-għoti ta’ status ta’ attur ekonomiku awtorizzat simplifikazzjonijiet doganali u/jew sigurtà u sikurezza: AEO (Authorised Economic Operator);
  • il-ġestjoni tar-riskji permezz ta’ qafas komuni għall-Kummissjoni u l-Istati Membri. Dan sabiex jippermettu lill-awtoritajiet doganali jimplimentaw kontrolli bbażati fuq analiżi nazzjonali, komunitarji u internazzjonali.

Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

Il-qafas ġuridiku l-ġdid se jippermetti li jiġu simplifikati l-proċeduri doganali għall-kummerċ tal-merkanzija bejn it-territorji li jiffurmaw parti mit-territorju doganali tal-Komunità iżda li għalihom tapplika d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud u dawk it-territorji li din id-Direttiva ma tapplikax għalihom.

Kuntest

Il-Kodiċi Doganali Komunitarju ġie modernizzat wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA u wara ż-żewġ proċessi ta’ tkabbir tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, huwa konformi mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Simplifikazzjoni u l-Armonizzazzjoni tal-Proċeduri Doganali, u l-Karta tad-Drittijiet Fondamentali tal-Unjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 450/2008 (adozzjoni: kodeċiżjoni COD/2005/0246)

24.6.2008

ĠU L 145, 4.6.2008

Att(i) emendatorju(i)

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 528/2013

19.6.2013

-

ĠU L 165 tat-18.6.2013

ATTI RELATATI

Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (ĠU L 23/21, 26.1.2008).

L-aħħar aġġornament: 24.02.2014

Top