Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Edukazzjoni għolja — kooperazzjoni bejn pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE

Edukazzjoni għolja — kooperazzjoni bejn pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja ma’ pajjiżi mhux tal-UE — COM(2001) 385 final

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Din tistabbilixxi strateġija u tidentifika regoli sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni għolja.

Hija għandha l-għan li:

  • l-UE tavvanza bħala ċentru tat-tagħlim;
  • tappoġġa lill pajjiżi sħab barra mill-UE fl-isforzi ta’ modernizzazzjoni tagħhom;
  • tippromwovi valuri komuni u fehim bejn il-kulturi;
  • tappoġġa lill-pajjiżi tal-UE u lil istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-isforzi ta’ internazzjonalizzazzjoni tagħhom; u
  • ittejjeb il-kwalità tas-servizzi u r-riżorsi umani permezz tat-tagħlim reċiproku u l-iskambji ta’ prattiki tajba.

PUNTI EWLENIN

  • L-istrateġija stabbilita f’din il-Komunikazzjoni tittama li tisfrutta bl-aħjar mod l-esperjenza miksuba minn programmi stabbiliti fl-UE, bħall-programm Erasmus+, li, fost affarijiet oħra, għandu l-għan li jżid id-dimensjoni internazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ permezz ta’ sħubijiet bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-UE u f’pajjiżi mhux tal-UE.
  • L-istrateġija tirrikjedi netwerks multilaterali u sħubiji li jinvolvu lil pajjiżi li għandhom istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja simili għal dawk fl-UE sabiex l-universitajiet ikkonċernati jkunu jistgħu jaqblu dwar kwistjonijiet bħal dawn segwenti:
    • il-kontenut akkademiku tal-korsijiet li għandhom jiġu mgħallma lil studenti fi programmi ta’ skambju;
    • arranġamenti għall-kura tal-istudenti fi programmi ta’ skambju waqt li jkunu barra pajjiżhom; jew
    • arranġamenti għar-rikonoxximent tax-xogħol imwettaq mill-universitajiet ta’ provenjenza u dawk ospitanti, bl-użu tal-mudell tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti*.
  • L-istrateġija tenfasizza li sabiex il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE f’termini ta’ edukazzjoni għolja tkun tassew effettiva, irid ikun hemm aktar mis-sempliċi skambju tal-istudenti. Huma meħtieġa wkoll skambji tal-persunal u programmi konġunti.
  • Sabiex tippromwovi lill-UE bħala ċentru ta’ eċċellenza fit-tagħlim madwar id-dinja, l-istrateġija tissuġġerixxi ż-żieda fil-kapaċità għall-istudji Ewropej f’pajjiżi oħra billi jiġi estiż in-netwerk ta’ ċentri ta’ studji tal-UE u l-Katedri Jean Monnet (pożizzjonijiet għal professuri li jispeċjalizzaw fl-integrazzjoni Ewropea madwar id-dinja).
  • L-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, li huma ffinanzjati mill-Orizzont 2020, jikkumplimentaw din l-istrateġija billi jippromwovu l-mobilità transnazzjonali tar-riċerkaturi u studenti tal-PhD.

SFOND

L-universitajiet Ewropej għandhom rekord tajjeb fil-kooperazzjoni internazzjonali, peress li ffaċilitaw l-iżvilupp ta’ kurrikuli internazzjonali u lawrji konġunti, iffinanzjaw riċerka u proġetti ta’ innovazzjoni internazzjonali, u appoġġaw l-iskambju tal-istudenti, il-persunal u l-għarfien. Din il-kooperazzjoni mhux biss ittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iżda tagħti spinta lill-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi permezz tal-mobilità, filwaqt li toffri opportunitajiet għall-persunal u l-istudenti sabiex iwessgħu l-orizzonti tagħhom.

TERMINI EWLENIN

* Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti: sistema ta’ krediti akkademika mfassla sabiex tagħmilha aktar faċli għall-istudenti li jiċċaqalqu bejn pajjiżi differenti. Din ġiet adottata mill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja u minn ħafna pajjiżi lil hinn minn din iż-żona.

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-edukazzjoni għolja (COM(2001) 385 final tat-18.7.2001)

l-aħħar aġġornament 26.10.2015

Top