Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari

Salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari

Din id-Direttiva hija maħsuba sabiex tneħħi ostakoli għall-moviment liberu ta' persuni impjegati u ta' dawk li jaħdmu għal rashom filwaqt li tissalvagwardja d-drittijiet tal-pensjoni supplimentari tagħhom meta jimxu minn Stat Membru għal ieħor. Din il-protezzjoni għandha x'taqsam kemm ma' skemi tal-pensjoni volontarji kif ukoll għal dawk obbligatorji , bl-eċċezzjoni ta' skemi tas-sigurtà soċjali koperti mir-Regolament (KE) Nru 883/2004.

ATT

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tad-29 ta' Ġunju 1998 dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari ta' persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità.

SOMMARJU

Din id-Direttiva tapplika għal membri ta' skemi tal-pensjoni supplimentari u oħrajn li għandhom intitolament taħt skemi bħal dawn li akkwistaw jew huma fil-proċess li jakkwistaw drittijiet fi Stat Membru wieħed jew ieħor.

Din id-Direttiva tipprovdi għal erba' miżuri ewlenin sabiex tissalvagwardja d-drittijiet ta' pensjoni supplimentari ta' ħaddiema li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità.

Ugwalanza tat-trattament fir-rigward tal-preservazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni

L-Istati Membri għandhom, għal persuni li jkunu telqu minn skema ta' pensjoni supplimentari bħala konsegwenza ta' li jmorru jaħdmu fi Stat Membru ieħor, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw il-preservazzjoni ta' drittijiet tal-pensjoni vestiti bl-istess ammont daqs persuni li fir-rigward tagħhom, il-kontribuzzjonijiet ma jkunux għadhom isiru iżda li jibqgħu fi ħdan l-istess Stat Membru.

Id-Direttiva 2014/50/UE, li għandha tiġi inkorporata fil-liġijiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE sal-21.5.2018, tiżgura li kull min għandu drittijiet ta' pensjoni supplimentari ma jitlifx minnha meta jmur jgħix jew jaħdem f'pajjiż ieħor tal-UE. Teħtieġ li:

  • id-drittijiet tal-pensjoni supplimentari jkunu ggarantiti wara mhux aktar tard minn 3 snin ta' impjieg. Jekk ikun hemm bżonn ta' età minima, din ma għandhiex tkun aktar minn 21 sena;
  • id-drittijiet tal-ħaddiema li jitilqu minn skema tal-pensjoni okkupazzjonali qabel l-irtirar, ikunu ppreservati u jiġu trattati bħal dawk li jibqgħu fl-iskema fuq kwistjonijiet bħal indiċizzazzjoni.

Pagamenti transfruntiera

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi tal-pensjoni supplimentari jagħmlu pagamenti fl-Istati Membri l-oħrajn, netti minn kwalunkwe taxxa u drittijiet ta' transazzjoni, mill-benefiċċji kollha dovuti taħt dawn l-iskemi supplimentari.

Ħaddiema kollokati u pensjonijiet supplimentari

Ħaddiema kollokati għandhom l-għażla li jibqgħu fi ħdan l-iskema tal-pensjoni fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom matul il-perjodu tal-kollokament fi Stat Membru ieħor. Ħaddiema kollokati u, fejn applikabbli, l-impjegaturi tagħhom huma għaldaqstant eżentati minn kwalunkwe obbligu li jagħmlu kontribuzzjonijiet għal skema tal-pensjoni supplimentari fi Stat Membru ieħor.

Informazzjoni għal membri tal-iskema

Impjegaturi, fiduċjarji jew oħrajn responsabbli mill-ġestjoni ta' skemi tal-pensjoni supplimentari għandhom jipprovdu informazzjoni adegwata lill-membri tal-iskema, meta huma jiċċaqilqu għal Stat Membru ieħor, fir-rigward tad-drittijiet tal-pensjoni tagħhom u l-għażliet li huma disponibbli għalihom taħt l-iskema.

Skont id-Direttiva 2014/50/UE, il-ħaddiema fi skema tal-pensjoni supplimentari jistgħu jistaqsu kif il-waqfien tal-impjieg jew tal-moviment jaffettwa d-drittijiet tal-pensjoni supplimentari tagħhom u l-kundizzjonijiet li jkunu japplikaw għat-trattament futur ta' dawk id-drittijiet.

Nies li jkunu telqu mill-iskema għandhom jiġu informati dwar il-valur u t-trattament tad-drittijiet tagħhom.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Direttiva 98/49/KE

25.7.1998

25.1.2002

ĠU L 209 tal-25.7.1998

ATTI RELATATI

Green Paper tas-7 ta' Lulju 2010 lejn sistemi ta' pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri [COM(2010) 365 finali - Mhux ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali].

Direttiva 2014/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta' titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari [Ġurnal Uffiċjali L 128 of 30.4.2014.

L-aħħar aġġornament: 04.08.2014

Top