Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-indirizzar tad-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

L-indirizzar tad-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea (COM(2007) 424 finali) — modi kif niġġieldu kontra d-differenzi fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Din teżamina r-raġunijiet għalfejn hemm tendenza li n-nisa b’mod persistenti jitħallsu inqas mill-irġiel u tippreżenta modi possibbli biex tiġi indirizzata din id-diskriminazzjoni.

PUNTI EWLENIN

  • Id-diskrepanza fil-pagi* tista’ tirrifletti differenzi oġġettivi bħall-età u l-esperjenza. Iżda din hija relatata wkoll ma’ diversi fatturi legali, soċjali u ekonomiċi, bħal kif huma valorizzati l-impjiegi.
  • Id-diskrepanza fil-pagi hija akbar mill-medja fl-impriżi tas-settur privat. Din tiżdied flimkien mad-daqs tal-impriża u l-età ta’ persuna, il-livell tal-edukazzjoni u t-tul fis-servizz.
  • Il-komunikazzjoni tidentifika erba’ modi kif titnaqqas id-diskriminazzjoni fil-pagi:
    • It-titjib tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti u l-użu ta’ kampanji ta’ informazzjoni sabiex jiġi enfasizzat ir-rispett tal-prinċipju ta’ pagi ndaqs għal xogħol ta' valur ugwali,
    • L-użu sħiħ tal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi, li tinkludi t-tnaqqis tad-diskrepanza fil-pagi fost l-għanijiet tagħha,
    • Il-promozzjoni tal-implimentazzjoni ta’ pagi ugwali ma’ min iħaddem kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat,
    • L-iskambju ta’ eżempji ta’ prattika tajba fil-livelli kollha tal-gvern.
  • Id-Direttiva 2006/54/KE tipprovdi għal kundizzjonijiet ta’ impjieg ugwali għall-irġiel u n-nisa, li jinkludu l-paga.
  • Ir-Rakkomandazzjoni 2014/124/UE tagħti pariri lill-gvernijiet nazzjonali dwar kif jistgħu jimplimentaw aħjar il-prinċipju tall-ugwaljanza fil-pagi. Il-gwida tinkludi:
    • id-dritt tal-impjegati li jiksbu informazzjoni dwar il-livelli tal-pagi,
    • rapporti regolari dwar il-livelli tal-paga medja minn kumpaniji b’aktar minn 50 impjegat,
    • verifiki dwar il-pagi organizzati fuq il-livell nazzjonali għal kumpaniji u organizzazzjonijiet b’aktar minn 250 impjegat,
    • data aġġornata dwar id-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi.

SFOND

Il-prinċipju fundamentali tat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa jmur lura għall-bidu nett tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa mħaddan fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (l-Artikoli 2 u 3(3)), fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-Artikoli 8, 10 u 157(1)), fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 23) u huwa wieħed minn ħames prijoritajiet fil-Karta tan-Nisa.

TERMINI EWLENIN

* Diskrepanza fil-pagi: din tkejjel id-differenza relattiva fil-medja ta’ qligħ gross fis-siegħa tal-irġiel u n-nisa fl-ekonomija kollha kemm hi.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Niġġieldu kontra l-inugwaljanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel (COM(2007) 424 finali tat-18.7.2007)

ATTI RELATATI

Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23-36)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 (COM(2010) 491 finali tal-21.9.2010)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (COM(2013) 861 final tas-6.12.2013)

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2014/124/UE tas-7 ta’ Marzu 2014 dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta’ pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza (ĠU L 69, 8.3.2014, p. 112–116)

l-aħħar aġġornament 27.01.2016

Top