Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Programm tal-UE għall-konnettività sigura (2023–2027)

Programm tal-UE għall-konnettività sigura (2023–2027)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2023/588 li jistabbilixxi l-programm ta’ konnettività sikura tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2023-2027

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-Regolament għandu żewġ għanijiet prinċipali:

  • li jiżgura aċċess madwar id-dinja għal servizzi ta’ komunikazzjoni governattiva bis-satellita għall-protezzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi, sorveljanza, azzjonijiet esterni u ġestjoni tal-kriżijiet;
  • li jippermetti lis-settur privat jipprovdi servizzi kummerċjali, bħat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-broadband b’veloċità għolja u l-konnettività mingħajr xkiel fl-Unjoni Ewropea (UE), u b’hekk ineħħi ż-“żoni mejtin” — wieħed mill-miri proposti tad-deċennju diġitali 2030.

PUNTI EWLENIN

  • Il-programm tal-konnettività sikura tal-UE jistabbilixxi miri għal kif se juża konstellazzjoni bis-satellita tal-UE msejħa IRIS2 (inklużi reżiljenza, interkonnettività u sigurtà permezz tas-satellita). L-IRIS2 se jipprovdi servizzi ta’ komunikazzjoni ultraveloċi (latenza baxxa) u siguri ħafna sal-2027.
  • L-għan ewlieni tal-IRIS2 huwa li jipprovdi lill-Istati Membri tal-UE b’aċċess garantit għal servizzi tal-konnettività siguri, sovrani u globali ħafna li jaqblu mal-ħtiġijiet operattivi tagħhom, bħall-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika, is-sorveljanza u l-appoġġ għal azzjoni esterna jew ġestjoni tal-kriżijiet, flimkien ma’ applikazzjonijiet militari. Is-sigurtà ta’ dawn il-komunikazzjonijiet se tkun ibbażata fuq teknoloġiji ta’ kriptaġġ avvanzati, inkluż kriptografija kwantistika.
  • L-IRIS2 se tikkontribwixxi wkoll għall-istrateġija tat-tranżizzjoni diġitali u l-Global Gateway tal-UE u tirrappreżenta qabża kbira għar-reżiljenza u s-sovranità teknoloġika tal-UE. L-għan tagħha huwa li tippermetti l-provvista ta’ infrastruttura kummerċjali biex tipprovdi broadband b’veloċità għolja u konnettività bla xkiel fl-UE u fiż-żoni ġeografiċi ta’ interess strateġiku lil hinn mill-fruntieri Ewropej, bħar-reġjun tal-Artiku u l-Afrika.

Objettivi

Il-programm għandu għadd ta’ objettivi speċifiċi, fosthom:

  • l-iżvilupp, il-bini u l-operat ta’ sistema ta’ konnettività l-aktar avvanzata bbażata fuq l-ispazju multiorbitali, adattata kontinwament għall-evoluzzjoni tad-domanda tal-komunikazzjoni governattiva bis-satellita, filwaqt li tqis l-assi eżistenti u futuri tal-Istati Membri;
  • il-kumplimentar u l-integrazzjoni tal-kapaċitajiet eżistenti u futuri tal-komponent tal-komunikazzjonijiet Satellitari Pubbliċi tal-Unjoni Ewropea (GOVSATCOM) fis-sistema tal-konnettività sigura;
  • li s-servizzi tal-komunikazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha jsiru aktar reżiljenti, sikuri u awtonomi;
  • l-iżvilupp ulterjuri u l-integrazzjoni gradwali tal-istruttura Ewropea tal-komunikazzjoni kwantistika fis-sistema tal-konnettività sigura;
  • it-titjib u l-espansjoni tal-kapaċitajiet u s-servizzi ta’ komponenti oħra tal-programm spazjali tal-UE;
  • it-titjib tas-sigurtà u s-sostenibilità tal-attivitajiet fl-ispazju, inkluż billi jfittex li jipprevjeni l-proliferazzjoni ta’ residwi spazjali;
  • il-ħolqien ta’ ambjent li huwa favorevoli għal żvilupp ulterjuti ta’ broadband b’veloċità għolja u konnettività bla xkiel fl-Ewropa kollha.

Użi ewlenin

  • Is-servizzi governattivi se jappoġġjaw il-protezzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi, għarfien tas-sitwazzjoni, azzjonijiet esterni, immaniġġjar tal-kriżijiet u applikazzjonijiet li huma kritiċi għall-ekonomija, l-ambjent, is-sigurtà u d-difiża.
  • Is-servizzi kummerċjali se jinkludu l-broadband ta’ veloċità għolja u l-konnettività bla xkiel madwar id-dinja u se jiġu definiti fid-dettall u pprovduti mis-settur privat.

Skeda ta’ żmien

Il-provvista ta’ servizzi governattivi se tkun żgurata fl-attivitajiet gradwali li ġejjin, li jikkumplimentaw u jintegraw il-komponent tal-Komunikazzjonijiet bis-Satellita tal-Unjoni Ewropea fis-sistema tal-konnettività sigura:

  • 1.

    id-definizzjoni, id-disinn, l-iżvilupp, il-validazzjoni u attivitajiet ta’ skjerament relatati għall-kostruzzjoni tal-infrastruttura spazjali u tal-art meħtieġa għall-għoti tal-ewwel servizzi governattivi sal-2024;

  • 2.

    attivitajiet ta’ skjerament gradwali biex titlesta l-infrastruttura tal-ispazju u tal-art meħtieġa għall-provvista ta’ servizzi governattivi avvanzati, sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ utenti awtorizzati mill-gvern malajr kemm jista’ jkun, bil-għan li tinkiseb kapaċità operattiva sħiħa sal-2027.

Baġit u finanzjament

Il-kontribuzzjoni tal-UE għall-implimentazzjoni tal-programm mill-2023 sal-2027 huwa ta’ EUR 2.4 biljun bil-prezzijiet preżenti.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilha tapplika mid-20 ta’ Marzu 2023.

SFOND

Ir-regolament ġie propost fi Frar 2022 flimkien ma’ komunikazzjoni konġunta dwar l-approċċ tal-UE dwar il-ġestjoni tat-traffiku fl-ispazju.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023–2027 (ĠU L 79, 17.3.2023, pp. 1–39).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 (ĠU L 249, 14.7.2021, pp. 38–81).

Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, pp. 1–78).

Korrezzjonijiet suċċessivi għal Regolament (UE) 2021/947 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li jħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE (ĠU L 167I, 12.5.2021, pp. 1–80 ).

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/698 tat-30 ta’ April 2021 dwar is-sigurtà tas-sistemi u s-servizzi skjerati, operati u użati taħt il-Programm Spazjali tal-Unjoni li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/496/PESK (ĠU L 170, 12.5.2021, pp. 178–182).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u Innovazzjoni, li jistipula r-regoli tiegħu għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, pp. 1–68).

Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L 166, 11.5.2021, pp. 1–34).

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru. 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, pp. 1–222).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 24.04.2023

Top