Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ambjent ta’ tieqa unika tal-UE għad-dwana

Ambjent ta’ tieqa unika tal-UE għad-dwana

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2022/2399 li jistabbilixxi l-ambjent ta’ tieqa unika tal-UE għad-dwana

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan istabbilixxi ambjent ta’ tieqa unika għad-dwana* tal-Unjoni Ewropea (UE) (EU SWE-C) biex issaħaħ il-kooperazzjoni u tjippermetti l-interoperabbiltà bejn l-oqsma tad-dwana u dawk mhux tad-dwana fis-semplifikazzjoni ta’ skambji elettronii ta’ dokumenti u informazzjoni meħtieġa għall-proċess ta’ żdoganar ta’ prodotti.
  • Dan jistabbilixxi regoli biex itejbu l-kooperazzjoni diġitali amministrattiva u l-ixxerjar ta’ informazzjoni bejn amministrazzjonijiet tad-dwana u awtoritajiet oħra tal-gvern (magħrufa bħala “awtoritajiet kompetenti sieħba*) responsabbli li jinforza formalitajiet mhux doganali tal-UE* fil-konfini tal-UE f’oqsma differenti tar-responsabbiltà tal-UE taħt it-trattati, bħas-saħħa u s-sigurtà, il-protezzjoni ambjentali, is-sajd, l-agrikoltura u s-sorveljanza tas-suq.
  • Din tistabbilixxi sistema ċentralizzata, magħrufa bħala s-sistema ta’ skambju ta’ ċertifikati tat-tieqa unika tal-UE għad-dwana (EU CSW-CERTEX) biex ittejjeb l-ixxerrjar u l-ipproċessar ta’ data sottomessa lill-awtoritajiet tad-dwana u lill-awtorità kompetenti sieħba minn operaturi ekonomiċi, u tiżgura li dawk l-awtoritajiet jirċievu d-data oriġinali f’ħin reali.
  • Din teħtieġ li Stati Membri tal-UE jistabbilixxu u joperaw sett ta’ servizzi u sistemi magħrufa bħala l-“ambjenti ta’ tieqa unika għad-dwana” biex informazzjoni tkun tista’ tkun skambjata bejn sistemi elettroniċi tal-awtorità doganali tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti sieħba u l-operaturi ekonomiċi.

PUNTI EWLENIN

Komponenti tal-EU SWE-C

Ir-regolament jipprovdi qafas għal kooperazzjoni diġitali bejn awtoritajiet tad-dwana u awtoritajiet mhux doganali permezz ta’ tliet komponenti prinċipali:

  • sistemi mhux doganali tal-UE*;
  • ambjenti ta’ tieqa unika għad-dwana nazzjonali; u
  • EU CSW-CERTEX.

Dan il-qafas jippermetti li informazzjoni tkun ixxerrjata bejn sistemi nazzjonali tad-dwana u sistemi mhux doganali tal-UE permezz ta’ EU CWS-CERTX, biex tiffaċilita kontroll amministrattiv b’mod elettroniku fil-mument tal-iżdoganar tal-merkanzija.

Interoperabbiltà bejn komponenti tal-EU SWE-C

Interoperabbiltà bejn komponenti EU SWE-C hi possibbli permezz ta’ żewġ saffi ta’ kooperazzjoni diġitali u amministrattiva ta’ gvern għal gvern (G2G) u negozju għal gvern (B2G), biex informazzjoni tkun tista’ tiġi skambjata bejn id-dwana, awtoritajiet kompetenti sieħba u operaturi ekonomiċi. L-għan tar-regolament hu dan li ġej:.

  • Jimplimenta skema G2G sal-2025 biex ittejjeb u tissimplifika l-qsim ta’ informazzjoni bejn id-dwana u awtoritajiet kompetenti sieħba biex jixxerrjaw u awtomatikament jixxerrjaw l-informazzjoni li tkun meħtieġa għall-proċess tal-iżdoganar tal-merkanzija. Din il-verifika ser tkompli tiżgura li l-kwantitajiet ta’ prodotti importati jew esportati fil-livell tal-UE jkunu ssorveljati u kkontrollati, u b’hekk jitnaqqsu r-riskji ta’ frodi u lakuni fl-infurzar ta’ rekwiżiti mhux doganali.
  • Jimplimenta skema B2G disa’ snin wara l-applikazzjoni tar-regolament biex tissimplifika l-proċessi ta’ żdoganar għal operaturi ekonomiċi meta jċaqliqu prodotti ġol jew barra mill-UE. Din l-iskema ser tippermetti lil operaturi ekonomiċi biex jużaw portal singolu ġo Stat Membru individwali biex jibagħtu d-data meħtieġa għal żbroganar tal-merkanzija, minflok ma jibagħtu d-data separatament lis-sistemi nazzjonali tad-dwana u sistemi mhux doganali tal-UE.
  • Jiżgura li r-reġistrazzjoni tal-operatur ekonomiku u n-numru ta’ identifikazzjoni jintuża bħala l-identifikatur prinċipali għal operaturi ekonomiċi għall-informazzjoni xxerrjata permezz ta’ skemi G2G u B2G, inkluż għall-kontrolli magħmula minn awtoritajiet kompetenti sieħba.

Protezzjoni tad-dejta

  • L-EU SWE-C hi mfassla bil-privatezza u l-protezzjoni tad-data fil-qalba tagħha.
  • Id-data tinżamm fis-sistemi sors (dwana jew mhux dwana) u tintuża biss għal skopijiet diġà stabbiliti minn leġiżlazzjoni tad-dwana u leġiżlazzjoni settorjali.
  • EU CSW-CERTEX ma taħżen ebda data meta twettaq operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data. Fil-fatt, l-iskambji u t-trasformazzjonijiet kollha jsiru f’ħin reali, u jiskattaw it-tħassir kuntestwali ta’ kull data hekk kif l-operazzjonijiet ta’ proċessar ikunu lesti.
  • L-unika data li tinżamm fis-sistema hi reġistrazzjoni li tindika li saret xi trażmissjoni, flimkien man-numri ta’ referenza tad-dokumenti kkonċernati.

Formalitajiet mhux doganali koperti mill-EU SWE-C

  • L-anness għar-regolament għandu formalitajiet mhux doganali ospitati f’sistemi mhux doganali tal-UE li jintużaw fuq bażi mandatorji jew volontarji, skont ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni settorjali tal-UE għal kull qasam ta’ politika applikabbli.
  • Ir-regolament jiżgura li EU CSW-CERTEX tintuża mill-Istati Membri kollha biex tkopri skambji diġitali għal multitudni ta’ formalitajiet mhux doganali tal-UE minn oqsma ta’ politika diversi. Kull waħda minn dawn il-formalitajiet ser ikollha bżonn tikkonforma ma’ rekwiżiti speċifiċi legali u tekniċi li ser jiddaħħlu gradwalment taħt l-EU SWE-C.
  • Mill-2025, EU CSW-CERTX ser tkopri rekwiżiti sanitarji u fitosanitarji, regoli li jirregolaw l-importazzjoni ta’ prodotti organiċi, xi rekwiżiti ambjentali, u formalitajiet relatati mal-importazzjoni ta’ oġġetti kulturali.

Monitoraġġ u rappurtar

  • Il-Kummissjoni Ewropea ser tipprepara rapporti annwali tal-progress biex tassessja l-istat ta’ diġitalizzazzjoni ta’ formalitajiet mhux doganali fil-konfini tal-UE, inkluż żviluppi mistennija futuri u interazzjonijiet prospettivi mad-dwana.
  • Kull tliet snin, ir-rapport annwali ser ikopru wkoll is-sorveljanza u l-evalwazzjoni tal-funzjonament tal-EU SWE-C u jiffukaw b’mod partikolari fuq l-impatt tagħhom fuq operaturi ekonomiċi.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mit-12 ta’ Diċembru 2022, ħlief għal xi regoli li ser japplikaw mit-13 ta’ Diċembru 2031:

  • Kanal uniku ta’ komunikazzjoni għal operaturi ekonomiċi (Artikolu 8(3), punt (a))
  • Formalitajiet mhux doganali (Artikolu 11)
  • Armonizzazzjoni u razzjonalizzazzjoni ta’ data Artikolu 13(1), (2) u (3)
  • Sottomissjoni ta’ data doganali u mhux doganali minn operaturi ekonomiċi (Artikolu 14) u
  • Informazzjoni addizzjonali u skambju ta’ data pproċessata permezz ta’ EU CSW-CERTEX (Artikolu 15(1) u (2).

SFOND

Il-leġiżlazzjoni hi l-ewwel riżultat tanġibbli taż-17-il azzjoni tal-pjan ta’ azzjoni doganali.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ambjent ta’ tieqa unika għad-dwana. Sett ta’ servizzi elettroniċi biex jippermettu li informazzjoni tkun skambjata bejn sistemi elettroniċi ta’ awtoritajiet tad-dwana, awtoritajiet ta’ sieħba kompetenti u operaturi ekonomiċi.
Awtorità kompetenti sieħba. Kull awtorità ta’ Stat Membru, jew il-Kummissjoni, li tkun mogħtija s-setgħa biex twettaq funzjoni speċifikata fir-rigward tat-twettiq tal- formalitajiet rilevanti mhux doganali tal-UE.
Formalità mhux doganali tal-UE. L-operazzjonijiet kollha li jridu jsiru minn operatur ekonomiku jew minn awtorità kompetenti sieħba għall-moviment internazzjonali ta’ prodotti, kif stabbilit f’leġiżlazzjoni tal-UE barra minn leġiżlazzjoni doganali.
Sistema mhux doganali tal-UE. Sistema elettronika tal-UE stabbilita minn, użata biex tikseb l-objettivi ta’, jew riferuta f’leġiżlazzjoni tal-UE biex taħżen informazzjoni dwar it-twettiq ta’ formalità mhux doganali rispettiva tal-UE.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Regolament (UE) 2022/2399 tal-Parliament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li jistabbilixxi l-Ambjent ta’ Tieq Unika tal-Unjoni Ewropea u li jemenda Regolament (UE) Nru 952/2013 (ĠU L 317, 9.12.2022, pp. 1-23).

l-aħħar aġġornament 07.12.2022

Top